2. Il-Partit Nazzjonalista, bħas-soltu, kien avvanzat u progressiv. Telaq pożizzjonijiet passati warajh u mexa, mentri kif qed naraw, ħaddieħor għadu jrid jibda jitlaq fuqhom. Sfortunatament, minn dak li qed naraw u nisimgħu, il-Partit Laburista kollu għadu jrid jaċċetta li l-jum tal-Indipendenza huwa jum tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Jifhem li mill-21 ta’ Settembru 1964 ‘il quddiem bdiet paġna ġdida għalina lkoll. Ma bqajniex iktar taħt pajjiż ieħor. Ma bqajniex iktar kolonja u, għall-ewwel darba fl-eżistenza tiegħu, il-pajjiż ġie f’idejna. Imexxuh Maltin u Għawdxin u mhux persuni minn popli u pajjiżi oħra. Minn hemm sirna Stat indipendenti, sirna membri fil-Ġnus Magħquda, fil-Kunsill tal-Ewropa u bdejna t-triq li biha sirna membri sħaħ fl-Unjoni Ewropea.
3. Sfortunatament, il-partit fl-Oppożizzjoni tant għamel żmien twil jirreżisti li jiċċelebra dan il-jum, li kull poplu ieħor fid-dinja jifraħ bih, li għadu maħkum. Għax hemm numru ta’ eżempji li juru li t-tmexxija ta’ dak il-Partit Laburista ħadet diversi drabi pożizzjonijiet li huma l-kontra ta’ dak li partit normali jieħu. Partit, ġej minn fejn hu ġej fl-Ewropa u li huwa wieħed demokratiku, normalment jifraħ bl-indipendenza u bid-dħul tiegħu bħala Stat membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea. Biss, huma baqgħu l-istess. Għamilna snin twal, taħt il-gvernijiet Soċjalisti, naraw li l-Indipendenza ma tiġix iċċelebrata bħala jum nazzjonali, anzi, tiġi disprezzata u mċekkna. Kien hemm fi ħdanhom reazzjonijiet strambi, negattivi għall-fatt li l-ewwel, dan il-partit, sa minn twelidu kien dejjem favur li mmexxu lilna nfusna; u t-tieni, li l-Indipendenza ġiet proprju taħt it-tmexxija tal-Prim Ministru Gorg Borg Olivier.
4. Kull min jagħraf il-fatti u għandu ftit esperjenza tal-ħajja jifhem li l-indipendenza hija l-bidu għal kull poplu. Verament jum importanti. Minn hemm ‘il quddiem, id-dipendenza tibda’ tonqos u trid tfendi għal rasek. Mhux kull Stat fid-dinja għamel suċċess mit-tmexxija tiegħu nnifsu. Uħud imxew malajr, oħrajn damu sakemm bdew jirrankaw. Id-dinja għadha mimlija b’każijiet bħal dawn. Però, fortunatament għalina, għamilna l-ġid fi ftit żmien. Il-pajjiż bena lilu nnifsu u wera li kien kapaċi jimxi ‘l quddiem. Kapaċi jkattar il-ġid u jħares kontinwament ‘il quddiem. Dan seħħ biex il-pedamenti soċjali, ekonomiċi u kulturali tagħna servewna malajr. Bħala poplu li jagħraf jaħdem u mimli kuraġġ irnexxejna fejn oħrajn le. Bil-passat tagħna affrontajna aħjar il-futur għall-ġid ta’ kulħaddd.
5. Ma hemmx u m’għandux ikun hemm iktar diviżjonijiet politiċi fuq dan il-jum. Huwa nuqqas ta’ maturità politika li jibqa’ jkollna partit politiku li, minkejja l-prova tal-passat, jibqa’ jsostni li l-Indipendenza hija jum ta’ ferħ għall-Partit Nazzjonalista biss u mhux għall-partiti oħra. Dak li huwa diġà konsolidat fina, dak li diġà nwettqu kull sena fiċ-ċelebrazzjonijiet varji huwa prova li fi ħdan il-Partit Nazzjonalista hemm viżjoni tal-pajjiż ferm iktar differenti minn dik li l-Partit Laburista qiegħed jibda biex jifhem. Partit li parti minnu tgħid ħaġa u parti oħra tgħid ħaġa differenti. Hemm min jiġi jqiegħed il-fjuri u hemm min moħħu biex jgħid li l-festa m’hijiex tagħhom. Mhux ta’ b’xejn li l-pajjiż imlewh bil-kliem “futur li jgħaqqadna”.
6. Il-problema m’hijiex l-Indipendenza iżda l-Partit Laburista, li baqa’ ma aċċettax li dan huwa mument importanti u li, aktar minn hekk, iridu jħallu warajhom il-passat tagħhom biex jimxu ‘l quddiem. Bil-kliem jiddikjaraw il-bżonn tal-għaqda li huma stess m’humiex kapaċi jwettqu fuq l-iktar punti elementari ta’ Stat demokratiku u Ewropew. Minflok għalina, il-festa tal-Indipendenza hija waħda li bqajna, sena wara sena, niċċelebraw. Waħda li fiha ħadna ħsieb nerġgħu naffermaw dak kollu li ħadmu għalih missirijietna, niftakru fid-diffikultajiet u s-sofferenzi li għaddew minnhom taħt is-sistemi kolonjali varji li kellna. Ħadna ħsieb li nwettqu dan b’viżjoni unitarja. Kull darba rajniha bħala waħda nazzjonali, anke jekk organizzata fuq sebat’ijiem mill-Partit Nazzjonalista. Żammejna dejjem li “L-Indipendenza hija tagħna lkoll”.
No comments:
Post a Comment