18.9.12

Wettaqna dak li hu tajjeb fil-Ġustizzja


1.    Għamilt numru ta’ snin nieħu ħsieb is-settur tal-Ġustizzja f’dan il-pajjiż.  Matulhom saru diversi passi ‘l quddiem li permezz tagħhom daħħalna kunċetti ġodda, naqqasna l-ispejjeż, naqqasna d-dewmien tal-kawżi u żidna fl-effiċjenza u t-trasparenza f’dan is-settur.  Pass partikolari, li issa li qiegħed lura fil-professjoni qiegħed napprezza ferm iktar, huwa dak marbut mal-Ġustizzja Amministrattiva.  Dan huwa l-parti tad-dritt pubbliku li fih il-Qrati tagħna għandhom illum ġurisdizzjoni akbar u ferm differenti milli kellhom qabel.  Għandhom issa l-inkarigu li jiddeċiedu kwistjonijiet legali li jqumu bejn iċ-ċittadini u l-Istat fit-tħaddim ta’ diversi deċiżjonijiet ta’ natura amministrattiva.

2.    Sal-15 ta’ Ġunju 2007, meta daħlu fis-seħħ partijiet mill-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva (Kap.490 tal-Liġijiet ta’ Malta) il-linja ġenerali tal-leġislazzjoni tagħna kienet li f’kull Att ġdid jiġi mwaqqaf tribunal apposta, separat mill-Qorti, li jiddeċiedi kwistjonijiet ta’ din in-natura.  Fil-verità konna qegħdin inkomplu tradizzjoni li writna mid-dritt pubbliku Ingliż.  Fis-sistema ġuridika Ingliża, għall-kuntrarju ta’ diversi oħrajn kontinentali, dik kient il-linja.  Kull liġi ġdida ġġib tribunal differenti u ġdid biex jaqta’ l-kwistjonijiet.  Id-duttrina li segwejna għal ħafna snin kienet dik li jaqbillek li jkollok dawn it-tribunali għax huma orħos, informali u suppost li jaqtgħu l-kwistjonijiet aktar malajr.  Ir-realtà, iżda, kienet differenti.

3.    Diġà meta kont student tal-liġi ridt nibdel din is-sistema għax, minn dak li kont ġejt mgħallem u qrajt, is-sistema ma kenitx qegħda taħdem kif kien previst u anzi diversi pajjiżi oħra kellhom minflok Qorti Amministrattiva waħda ċentrali li tiddeċiedi kollox.  Meta ngħatajt il-ġurament bħala Segretarju Parlamentari sibt għalhekk l-opportunità li nressaq proposta, l-ewwel permezz tal-White Paper “Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef” u iktar tard b’dan l-Att sabiex nibdlu l-affarijiet.  Sibt li l-Olandiżi kienu għamlu l-pass li jaqilbu minn sistema b’diversi tribunali bħal tagħna għal waħda ta’ sistema ċentrali.  Kont ħadt ħsieb niltaqa’ wkoll ma’ numru ta’ mħallfin Olandiżi fuq dan is-suġġett u kkonvinċejt ruħi ferm iktar mill-bżonn li nimxu f’din id-direzzjoni.

4.    Għalkemm dan jista’ jidher bħala sempliċi tibdil legali, kważi akkademiku, fir-realtà ħassejt li ser inkunu qed indaħħlu sistema li tiggarantixxi iktar id-dinjità u d-drittijiet taċ-ċittadini tagħna.  Diversi drabi, fil-ħajja ta’ kull ġurnata, l-Istat jintervjeni fil-libertà u l-ħajja tal-bnedmin.  Daqqa korrettement, u daqqa le.  Fit-tieni każ huwa dejjem tajjeb li l-liġi tiġi ssudata sabiex dawk id-drittijiet jiġu tradotti dejjem aħjar minn fuq il-kitba tal-ħajja.  Illum iktar minn qabel, bl-introduzzjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, dan qiegħed jintlaħaq.  Hemm sistema, veloċi, irħisa, ċara u iktar trasparenti fejn is-sentenzi mogħtija huma motivati u pubblikati elettronikament.  Saret bidla fil-fond li permezz tagħha mxejna sabiex nissudaw is-settur tad-dritt amministrattiv li qabel, fl-opinjoni tiegħi kien jonqsu, u dan dejjem għall-ġid ikbar tal-bnedmin f’dawn il-gżejjer.

5.    Il-liġi ġiet fis-seħħ bażikament bi tlett passi prinċipali.  L-ewwel, fl-2007 daħħalna fis-seħħ l-artikolu 3 tal-Att li stabbilixxa għall-ewwel darba numru ta’ prinċipji ta’ mġieba amministrattiva li ma kinux jeżistu qabel u li ġew japplikaw għal kull tribunal li kellna.  It-tieni, fl-1 ta’ Jannar 2009 ġibna l-Att kollu fis-seħħ, inkluż l-imsemmi Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva u għalhekk il-każijiet setgħu jibdew jinstemgħu u jiġu deċiżi fil-Qorti.  It-tielet, bdejna proċess li bih tneħħew diversi tribunali varji li kienu jeżistu f’liġijiet differenti sabiex jiġu konċentrali taħt din l-umbrella unika ta’ dan it-tribunal.  Illum diġà hemm madwar 50 minn dawn it-tribunali li kienu jeżistu qabel u li issa ma għadhomx għax ġew assorbiti f’ħaġa waħda.

6.    Il-bidla fil-liġi, ma hemmx dubju, li tieħu ż-żmien tagħha biex issir.  Ikun hemm reżistenzi kulturali għal dak kollu li huwa kkunsidrat bħala innovattiv, kif ukoll nuqqas ta’ informazzjoni ta’ dak li l-liġi issa tgħid.  Ninnota li għad ma hemmx biżżejjed dak l-għarfien li l-impatt tagħha, speċjalment fis-settur taċ-Ċivil, jitlob.  Għad ma hemmx direttament garantit it-tħaddim tal-artikolu 3, li jitroduċi l-prinċipji amministrattivi li għandhom jiġu mħaddma riġorożament mit-tribunali li għadhom ma ġewx meħuda taħt it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva.  It-tmien prinċipji legali li daħħalna mhux kollha qed jitħaddmu, b’mod partikolari r-raba’ wieħed li jgħid li għandu jiġi żgurat li l-amministrazzjoni pubblika għandha tagħmel disponibbli d-dokumenti ta’ informazzjoni rilevanti għall-każ u li tara li l-parti jew partijiet l-oħra fil-proċeduri jkollhom aċċess għal dawn id-dokumenti u informazzjoni.

7.    Ngħid dan għax għalkemm fi tlett snin kien diġà rnexxili ndaħħal daqshekk tribunali taħt is-sistema l-ġdida, xorta għad fadal tribunali oħra li, għada pitgħada, għad iridu jiġu assorbiti.  Kienet ċara għalija li kien umanament impossibbli li ddaħħal kollox f’daqqa.  Dan kien iġib biss xogħol tal-għaġġla li jwassal għall-konfużjoni u indeċiżjoni u, flok nimxu ‘l quddiem, konna noqtlu l-pjanta li mat-trapass taż-żmien kellha ssir siġra.  Ħassejt li għandi ngħabbi biċċa biċċa, naraw il-problemi li jqumu u naffrontawhom sabiex inkunu aktar sodi f’dak li konna qegħdin inwettqu.  Jidher ċar li dan irnexxa tajjeb ħafna.  Illum, fortunatament għal pajjiżna, dan il-kunċett kompletament ġdid iddaħħal u qiegħed iwettaq ħafna ġid liċ-ċittadini fi kwistjonijiet varji, bħal dawk fiskali, ta’ trasport, agrikoli, ta’ prodotti u ta’ servizzi.  Għalhekk, b’dan immarkajna passi oħra ‘l quddiem li nittama li kull min f’din il-gazzetta jaħseb li għandu ftit materja griża f’moħħu, jifhem u japprezza.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...