Showing posts with label ġustizzja. Show all posts
Showing posts with label ġustizzja. Show all posts

16.5.24

ŻERA' T-TAMA

1. Trid tħares lejn l-istorja u tifhem. Tifhem li anki fl-iktar mumenti diffiċli u ikkumplikati, meta kollox jidher iswed faħam, hemm eventi li jbiddlu. Dawk li jgħinu u jirnexxilhom verament idawru l-paġna lejn il-futur. Anki jekk xi drabi wieħed jieqaf jaħseb u kull ma jara madwaru jkun qiegħed jidher li qed jaqa’, xorta għandu jibqa’ jiftakar. Għandu jibqa’ ma jinsiex li fit-triq hemm ukoll dawk id-direzzjonijiet li nieħdu li jibdluna. Jibdlu lilna stess internament u proprju f’hekk inkunu nistgħu ngħinu aħna wkoll biex dan iseħħ. Fi proċess fejn ikar ma jkollna għeruq sodi mrawwma u ikkurati, inkunu nistgħu nifhmu iktar dak li hemm bżonn li jsir f’soċjetà bħal tagħna li għandha defiċit morali qawwi.

Fejn iddur


2. F’dan hemm min ifittex naħa jew oħra mingħajr ma jsib liema bieb iħabbat, jew aħjar, liema paġna jiftaħ. Għandu r-rieda biex jibdel, imma ma jafx kif. Ħafna jkollhom fihom din is-sejħa imma ftit ikunu dawk li jkollhom il-boxxla morali interna korretta. Dik li tgħin lilhom u lill-oħrajn biex jimxu. Ħafna jistgħu jinġabru jisperaw. Ħafna oħrajn jixtiequ li jkollhom is-soluzzjonijiet quddiemhom. Ħafna oħrajn jisimgħu ħafna, imma għal xi raġuni jew oħra xorta ma jħossux li qed jitmexxew tajjeb. Fis-sekli, popli sħaħ, għalkemm ġew iffaċċjati b’sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja, ta’ kefrija, ta’ tirannija, oligarkija u ripressjoni batew sakemm ħarġu minn taħt dak il-madmad.

Tletin sena

3. F’dan aktar, u quddiem dak li għaddejjin minnu f’pajjiżna, ġejt imfakkar li fl-10 ta’ Mejju 1994, persuna straordinarja kien ingħata l-ġurament tal-ħatra ta’ President. Ingħadli mill-ġdid li f’dik il-ġurnata, Nelson Rolihlala Mandela (1918-2013) sar il-Kap tal-Istat tal-Afrika ta’ Isfel (South Afrika). Mument storiku għal persuna li għex eżistenza kważi sħiħa msakkar f’diversi ħabsijiet, l-iktar f’Robben Island, fejn qatta’ tmintax-il sena maqtugħ mis-soċjetà attiva mill-1964 sal-1982. Wara f’żewġ ħabsijiet oħra sal-1990, meta ftit qabel kien ġie maħtur Frederick Willem de Klerk (1936-2021) flok Pieter Wilem Botha (1916-2006) u beda proċess ta’ bidla. Mandela sofra dan kollu għax kellu l-“ardir” li jaqbeż leġittimament għal pajjiżu u għal niesu sabiex l-Apartheid tispiċċa.

X’inġustizzja kbira

4. Proċess twil li minnu bata fuqu nnifsu proprju minħabba l-politika inġusta u ripressva tal-Apartheid. Fejn il-bnedmin ta’ kulur ma setgħux jieħdu sehem sħiħ fil-ħajja soċjali, ekonomika u politika. Sabiex jaffermaw aktar dan, il-pajjiż immexxi minn klassi politika “bajda” sakkritu fit-tul. Però hemm ġew ma waqafx u ma qatax qalbu. Baqa’ jaqra, jaħdem, jistudja u jagħmel minn kollox sabiex il-pożizzjoni tinbidel. Għal min huwa interessat, hemm il-ktieb voluminuż tiegħu Long Walk to Freedom (1994), li jispjega fid-dettall is-sagrifiċċji u t-tbatijiet li għadda minnhom. Imma tletin sena ilu l-affarijiet inbidlu darba għal dejjem. L-Apartheid spiċċat u seta’ jikkontesta għall-elezzjonijiet ġenerali ta’ pajjiżu u jilħaq President.

Diskors memorabbli


5. F’dak il-Jum tal-Ġurament tiegħu kellu l-okkażjoni li jindirizza lil pajjiżu u lid-dinja. Fl-età ta’ 76 sena, id-diskors jibda bil-kliem li l-ħatra tiegħu kellha tkun “hope to a newborn liberty” (tama lil-libertà mwielda mill-ġdid). Proprju fuq dik in-nota jkompli hekk: “Out of the experience of an extraordinary human disaster that lasted too long, must be born a society of which all humanity must be proud.” (Minn esperjenza ta’ diżastru uman straordinarjament twila, għandha titwieled soċjetà li l-umanità kollha tkun kburija biha.) Kliem sabiħ ħafna u li jimla lill-bnedmint ta’ rieda tajba bit-tama. Kliem li naħseb li juri li l-bniedem kien verament determinat sabiex jibdel għas-sewwa u mhux sabiex jikseb il-glorja jew il-poter għalih personali. Dawk il-kliem użati li jindikaw l-għeruq sodi ta’ bniedem li kapaċi jħares lejn il-futur u li fehem li t-tpattija hija żbaljata.

Ġustizzja, Paċi u Dinjità


6. Diskors li verament ħaqqu li jinqara mill-ġdid illum iktar u iktar, għax jgħodd għas-sitwazzjoni li għaddejjin minnha. Pożizzjonijiet politiċi li jgħallmu li bil-mibgħeda ma tasalx. Wisq inqas bil-vendikazzjoni u lanqas bil-ħdura. Id-direzzjoni tiegħu kienet mill-iktar ċara lejn il-bniedem u l-fiduċja fih bħala strument kapaċi li jwettaq is-sewwa. Iwettaq dawk il-passi li verament iġibu l-progress soċjali u ekonomiku. Dawk li jsaħħu u jissudaw il-bniedem. F’dak id-diskors, f’din il-linja t-tajba, huwa jgħid hekk ukoll: “Reinforce humanity’s belief in justice, strengthem its confidence in the nobility of the human soul, sustain all our hopes for a glorious life for all.” (Nissudaw il-konvinzjoni tal-umanità fil-ġustizzja, nissudaw il-kunfidenza fin-nobbiltà tar-ruħ u nsostnu t-tamiet sħaħ tagħna għal ħajja sabiħa għal kulħadd.) Kliem li juru dawk il-vantaġġi fil-bniedem li minn dak li jgħaddi jirnexxilu jissupera lilu nnifsu. Dak li jħalli warajh ir-riżentimenti li jista’ jkun li jkun akkumula maż-żmien. Dawk il-passi li jippermettulu jimxi ’l quddiem proprju għax ikun ħafer lil min għamillu l-iktar azzjonijiet ħżiena. Dak li kapaċi jħares iktar lejn is-soluzzjonijiet iktar milli lejn il-kundanni.

Ma saħħanx

7. Seta’ kien iktar faċli li f’dak il-mument kien ifakkar lin-nies minn dak li għaddew sabiex isaħħanhom kontra dawk li għakksuhom. Kien ikun faċli għalih li jbaqbad id-demm popolari, ma dan ma wettqux. Ħares lejn il-futur fil-paċi soċjali li tant kellu bżonn u li f’ħafna naħseb li anki aħna, hawn, tant għandna bżonn. Hemmhekk, huwa jgħid hekk ukoll: “The time for healing of the wounds has come, the moment to bridge the chasms that divide us has come, the time to build is upon us.” (Wasal iż-żmien li jitfejqu l-feriti, wasal ukoll il-mument meta rridu nibnu l-pontijiet fuq id-differenzi kbar li jifirduna, wasal għal fuqna ż-żmien li nibnu.) F’kull soċjetà hemm feriti preżenti. Ftit, però, jitfejqu. Diversi, anzi, jibqgħu miftuħa u daqshekk ieħor jibqgħu jinfetħu. Irid isir sforz kbir ħafna biex dan iseħħ u Mandela, fil-kobor uman tiegħu, dan kien verament kapaċi jwettqu. Eżempju għalina lkoll.

Sforz uman

8. Meta tħares lejn politiċi bħal dawn tifhem li biex is-sewwa jirbaħ trid tmur kontra l-kurrent. Waqt li seta’ nxteħet fir-retorika tal-vittma u ta’ dak li seħħ mir-reġimi passati, minflok għażel li jibni fil-valuri t-tajba. U hekk wettaq fil-ħames snin tal-Presidenza tiegħu. Għażel li b’hekk iqiegħed il-pedamenti lejn stat demokratiku veru. Dak li jista’ jħares ’il quddiem f’soċjetà mingħajr biża’, ibbażata u assigurata fid-drittijiet inaljenabbli tal-bniedem. Ġustament f’dan, f’dak id-diskors huma jkompli jgħid hekk: “We have triumphed in the effort to implant hope in the breasts of the millions of our people.” (Irbaħna bil-kbir fl-impenn determinat tagħna li niżirgħu t-tama fil-qlub ta’ miljuni tal-poplu tagħna.) Dan huwa l-proċess li dan il-pajjiż tagħna, ukoll quddiem dak kollu li hu għaddej minnu, għandu bżonn. Dak li jibni fuq il-valuri sodi tal-ħajja u Nsara tagħna sabiex jiżra t-Tama, bħalma rnexxielu jagħmel Nelson Mandela.

5.3.24

X'INBIDEL F'MOĦĦ IL-ĦALLIEM?

1. Fis-soċjetà hemm dejjem il-bżonn ta’ dawk li jħarsu ’l quddiem. Dawk li għandhom il-kuraġġ li joħolmu b’dinja aħjar fejn jgħixu. Dawk li jfittxu li jaraw pajjiż mibni fuq is-sewwa. Mibni fuq il-valuri fundamentali tal-ħajja. Dawk li jħarsu lejn iktar ġustizzja u iktar ugwaljanza. Dawk li jagħrfu l-abbużi li bnedmin varji, fil-moħħ mhux iggwidat tajjeb tagħhom, jieħdu. Dawk li huma kostantement konxji tal-banalità tal-ħażen. Dawk li jridu jmorru kontra l-kurrent u f’dak li qiegħed jiġri jaffermaw lura li fid-dlam li qegħdin ngħixu hemm dawl qawwi u sod li jiggwidana. Nibqa’ nħares lejn dawn il-vuċijiet bil-fiduċja li t-tajjeb jeżisti fil-bniedem. Fil-konvinzjoni li mertu tagħhom id-dinja tkun post aħjar fejn tgħix.

X’ideat

2. Il-ħalliem huwa dak li joħlom. Dak li jista’ jitqiegħed fil-ġenb tas-soċjetà għax mhuwiex mar-realtà li l-oħrajn jaħsbu li huma. Imma kif nafu, mill-ħolm jitwieldu ideat li jistgħu jitwettqu. Xewqat, aspirazzjonijiet li jmexxuna fil-fond ta’ qalbna u moħħna biex nimxu ’l quddiem. Fejn, għaliex xejn m’huwa jżommna, kapaċi nibnu strutturi u proposti li jwettqu ferm iktar ġid. Iġibu fis-seħħ dak li m’aħniex naraw jitħaddem. Dawk li kapaċi li fid-deżert li ninsabu għaddejjin fih jifhmu u jwieġbu għas-sejħa li joħorġuna minnu. F’soċjetà li qed issir iktar impersonali fejn il-bniedem, fid-dinjità sħiħa tiegħu, qiegħed jitqies aktar bħala oġġett milli suġġett. F’soċjetà fejn id-demokrazija tagħha saret issa iktar waħda ekonomika u m’għadhiex aktar waħda soċjali.

Ċentri kummerċjali

3. Filwaqt li qabel kien hemm ċentri varji fejn il-bniedem kien jaspira li jkun u fejn iħossu parti. Fejn l-ideat ikunu parti minn proċess kulturali u soċjali. Fejn il-bnedmin jiltaqgħu biex jiddiskutu u jifhmu aħjar lil xulxin. Fejn id-dinjità tal-persuni miġbura kellha valur. Mentri f’dawn iż-żminijiet, l-affarijiet inqalbu fil-kontra. Il-bniedem sar importanti skont kemm huwa kapaċi jonfoq flus. Id-dinjità tiegħu hija ikkalkulata biss skont kemm jiflaħ butu. Għandu valur biss jekk għandu ħafna flus fil-kaxxa. Mhux biss, imma issa biż-żieda li għandna fil-popolazzjoni ġie li flok għandna ideat politiċi li jikkumbattu, l-importanza hija meħuda fil-kompetizzjoni qawwija ta’ fejn jonfqu. Kull sitt xhur nisimgħu b’ċentri kummerċjali ġodda li jiftħu fejn il-mudell huwa ripetut. L-istess ħwienet, l-istess prodotti u fuq kollox fejn l-impersonali jrid jidfen il-personali.

Parti mill-mużajk maqlugħ

4. Il-bniedem, fis-sħiħ tiegħu, jikkomponi dan il-poplu, dan il-pajjiż. Meta jkun imwaħħal kollu, il-biċċiet jiffurmaw is-sabiħ ta’ stampa li għandu jkollna u li tkun tixirqilna. Meta jkun hemm dawk li jinqalgħu, u kif qegħdin naraw, ma jitwaħħlux lura, nitilfu minn dan. Fis-soċjetà li sejrin aktar fiha m’hemmx iktar il-prijorità li ġġib lil kulħadd lura f’postu. Hemm, anzi, l-aċċettazzjoni jew ir-rassenjazzjoni li kull bniedem irid ifendi tant għal rasu li ma jistax jistrieħ fuq għajnuna mingħand oħrajn. Fejn it-traġedji umani li jaħkmu fil-perkors tal-ħajja, f’dawk mediċi, f’dawk soċjali, f’dawk li l-oħrajn iservuhom, flok hemm bżonn l-għajnuna hemm l-abbandun. Pajjiżna ma kellux dawn l-ideat, u l-prinċipji etiċi tiegħu żammewh sabiex jaqbeż għal dawk li huma f’pożizzjoni xejn tajba. Pajjiż li bit-tajjeb u bil-ħażin tiegħu assigura li dawn il-persuni jinġiebu lura fit-triq biex jiffurmaw ruħhom lura fil-mużajk.

X’sustanza politika?

5. F’dan proprju ma nistax ma niddikjarax li mingħajr boxxla politika, is-soċjetà ser tibqa’ destinata taqa’ fl-abbiss tal-vojt. Min jidħol fil-politika u jiddikjara li ma jemminx fl-importanza tal-ideoloġiji jġib dak li għandna. Soċjetà li fl-impersonali tagħha issa tixbaħ lil dawk li jsibu t-triq bil-mezzi elettroniċi. Li l-vettura tagħhom isuquha mhux jagħrfu t-triq, imma għax jgħadduhom min-naħa għal-oħra. Fejn moħħ il-bniedem, flok jintuża kif għandu biex ifittex huwa d-direzzjoni, isib ruħu ipparkjat. Il-politika titlob ideat, u dawn għandhom ikunu ta’ gwida għalik u għal dawk li jridu jagħżlu jekk jivvutawlekx. Meta titmexxa, flok taħseb u tfittex iktar li tgħarbel, teħel fil-ħitan. Mhux biss, imma jekk tkun dħalt fihom, flok tirriversja tispiċċa tkompli tagħfas il-gass biex twaqqa’ aktar knaten fuqek u mal-art.

Imħuħ vojta?

6. Għandna llum forma ta’ politika li taħseb li huwa tajjeb li ma jkollhiex dak li żbaljatament tara bħala forma ta’ “irbit” ideoloġiku. Bnedmin li jaħsbu li huwa ta’ xi vantaġġ meta jiddikjaraw li effettivament m’għandhomx formazzjoni u kultura politika u għalhekk, kull min jiġi b’ideat lejhom, huma x’inhuma, jirkbu fuqhom għax jaħsbu li bihom ikunu ser jirnexxu. Il-politiku għandu jmexxi għax għandu l-ideat hu, u mhux jitmexxa naħa jew oħra minn oħrajn. Wieħed ifittex li jiġi ispirat minn bnedmin li jmexxu l-Istat, li għandhom viżjoni u li għandhom il-ħolm tagħhom. Meta tmiss ma’ dawk li jinsabu fix-xejn ma tistax tippretendi dan. Issib aktar il-periklu li mill-poter li għandhom f’idejhom, flok passi tajba jittieħdu dawk li mhumiex. Mhux biss, imma tiftaħ iktar il-bieb tal-populiżmu qawwi li jieħdok lejn it-truf tal-estremiżmi.

Aldo Moro

7. Waqt li sejrin lejn is-sitta u erbgħin anniversarju minn meta ġie maħtuf dan il-politiku Taljan mill-Brigate Rossa, waqt li mmorru lura lejn dawk il-jiem koroh li bdew fis-16 ta’ Marzu 1978 inġibu quddiemna dak li irrappreżenta u qal. Fit-28 ta’ Frar 1978 kien qal hekk: “Io credo che dobbiamo domandarci sempre, anche di fronte ai grandi fatti politici che non sono regolati dalla pura convenienza, e io non credo che la politica sia pura convenienza, ha coefficienti di convenienza, ma non è pura convenienza; la politica è anche ideale.
” (Quddiem l-isfidi kbar tal-politika li mhumiex regolati mill-konvenjenza pura għandna dejjem nistaqsu lilna nfusna; u jiena ma nemminx li l-politika hija pura konvenjenza. Għandha ċertu rilevanza, imma m’hijiex konvenjenza pura, għaliex il-politika hija wkoll ideal.)

Dak li huwa nieqes

8. F’dan huwa iktar evidenti li dan huwa li hu nieqes fis-soċjetà preżenti tagħna. Min jitkellem kontra l-ideali politiċi, kontra l-ideoloġji tagħha, kontra l-ħolm li twelled ikun qiegħed jiddikjara ruħu nieqes. Jikkonferma li billi m’għandux kultura jew qari politiku mhuwiex kapaċi jagħraf id-direzzjoni ’l quddiem. Jaħseb biss li bil-konvenjenza politika ser jasal biex jibqa’ fil-poter. Imma fit-trapass twil taż-żmien jikkonferma li ma wettaq xejn ħlief ħsejjes f’kamra li dak il-ħin ma tispirax. Pajjiżna jrid jagħraf aktar dan sabiex jibni politika għas-snin li ġejjin. Jagħti spazju għal dawk li joħolmu f’futur aħjar. Jifhem iktar li dawn il-bnedmin tiegħu huma rilevanti u importanti u f’dan, għalhekk, jistaqsi dejjem aktar x’inbidel f’moħħ il-ħalliem.

28.9.12

Issudajna s-settur tal-Ġustizzja

1.    Lura mal-kurituri tal-Qrati tagħna, qed nerġa’ nsibni niltaqa’ ma’ varjetà kbira ta’ avukati.  Hemm il-mument meta terġa’ tisma’ ċerti diskorsi li jurik fejn waslet il-bidla, f’liema stadju tinsab il-kultura legali.  Ngħid dan għax meta lħaqt avukat ma kienx hemm il-mekkaniżmi u l-istrutturi legali li għandna llum il-ġurnata.  Mhux kull persuna taċċettahom u tħaddimhom.  Uħud iva, oħrajn jibqgħu sfortunatament fossilizzati fil-passat u ma jridux jiċċaqilqu.  B’dan però ma jfissirx li dak li sar u li qiegħed hemm m’għandux ikompli jiġi sostnut u mressaq ‘il quddiem.

2.    Ngħid dan għax f’pajjiżna għandna tlett liġijiet li huma diġà f’posthom u li huma għad-disposizzjoni tal-pajjiż, li iżda mhux kulħadd jaf bihom biżżejjed.  Mill-2004 daħħalna fil-pajjiż tagħna l-proċess legali tal-medjazzjoni.  Dan kien diġà introdott bir-riformi tajba li kienu saru fil-Qorti tal-Familja is-sena ta’ qabel.  Il-medjazzjoni hija mekkaniżmu legali sempliċi ħafna li fih, il-partijiet jew f’kawża, jew li ser jidħlu f’kawża, jersqu madwar mejda fil-preżenza ta’ medjatur u jippruvaw jaslu għal ftehim.  Ħafna drabi, wieħed jista’ jinnota li hemm diversi kawżi quddiem il-qrati li huma pendenti fejn il-kwistjonijiet legali bejn il-persuni involuti m’humiex daqshekk kbar.

3.    Hemm ħafna sitwazzjonijiet fejn, bil-kelma t-tajba, wieħed jista’ jasal biex ikollu ftehim li huwa kemm jista’ jkun aċċettabbli għal kull naħa, mingħajr il-bżonn ta’ sentenza.  Il-medjazzjoni tinsab u titħaddem fl-iktar pajjiżi avvanzati fid-dinja u hija sinjal ċar ta’ ċiviltà.  Ċiviltà, għax huwa dejjem aħjar li wieħed jasal milli jidħol għall-ispejjeż, tul u diffikultajiet li neċessarjament wieħed irid għal kawża fil-qorti.  Ma kienx faċli li ddaħħal dan il-kunċett f’pajjiżna.  Anzi, stajt imiss iktar b’idejja ċerta reżistenza żbaljata għall-kunċett.  Sfortunatament, kien hemm min avversah inutilment u allura assigura li minflok ħaddmu, waqqfu.

4.    Illum għandna esperjenza tajba tal-medjazzjoni f’dawn l-aħħar tmien snin skorruti u hemm bżonn li, sabiex navvanzaw iktar ‘il quddiem, nutilizzaw strumenti legali li għadna diġà u li ħaddieħor m’għandux. L-esperjenza kibret fil-faċċati sħaħ tal-medjazzjoni.  Illum għandna wkoll kors universitarju li qiegħed jipprepara lill-medjaturi f’pajjiżna stess.  Il-kwalità, flimkien mal-esperjenza ta’ diversi persuni żdiedet għall-benefiċċju tal-pajjiż.  Għalhekk ngħid li hemm bżonn li fil-qrati tagħna jkun hemm iktar għarfien tal-vantaġġi tas-sistema u iktar kuraġġ sabiex tiġi użata.  Ħafna drabi, fil-bidu tal-proċeduri legali, huwa ferm u ferm iktar faċli li tibda u twassal il-partijiet biex jiftehmu.  Iktar ma ttul, sfortunatament iktar jikbru l-pika u l-ġlied u l-pożizzjonijiet isiru iktar diffiċli biex tirrikonċiljahom.

5.    Nikteb dan kollu għax, għalkemm napprezza li kien hemm min kien u għadu ostili kontra l-medjazzjoni, xorta waħda s-sistema fiha ħafna vantaġġi.  Il-medjazzjoni hija parti minn linja politika li kont ħadt.  Primarjament bħala prinċipju ta’ ċiviltà.  Dan għax ma naċċettax dak li jgħidu ċerti pajjiżi Nordiċi fuqna tal-Mediterran, jiġifieri li aħna litiġjużi, pikużi u m’aħniex kapaċi naslu bil-kelma t-tajba.  It-tieni, għax tnaqqas mid-dewmien tal-kawżi u l-ispejjeż involuti fihom.  Illum ngħid li, fejn tħaddmet tajjeb, irnexxiet.  Min ma ridhiex taħdem, mill-bidu ra kif għamel biex waqqafna.  Medjazzjoni trid li l-partijiet jaslu bejniethom u l-qrati tagħna għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-għodda neċessarji biex dan iseħħ.

6.    Il-medjazzjoni mexxejniha bħala Gvern fuq diversi livelli għax hija indikazzjoni ċara tal-viżjoni progressiva tagħna bħala poplu.  Daħħalniha fis-settur tal-familja, fis-setturi l-oħrajn fil-kamp ċivili u kummerċjali u issa wkoll f’dak penali.  Dan għax il-medjazzjoni daħlet ukoll fil-liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.  Dawn huma passi li ħadna f’pajjiżna, però ħadna ħsieb ukoll li ma nillimitawx ruħna għal hawn.  Għalhekk, barra minn xtutna qed niġu apprezzati ferm iktar fuq dak li rnexxielna nwettqu, għax f’ċerti punti konna ta’ eżempju għall-oħrajn.  Iktar u iktar għax pajjiżna kellhu sehem attiv sija fl-Unjoni Ewropea fis-settur tal-ġustizzja b’direttivi ġodda, kif ukoll mal-Hague Conference on Private International Law sabiex il-proċess tal-medjazzjoni jiġi għas-servizz ta’ sitwazzjonijiet oħra.  Is-settur tal-ġustizzja komplejna nissudawh f’dawn is-snin, ma hemmx dubju, però l-benefiċċji sħaħ ta’ dak li sar ser jinġabru fis-snin li ġejjin meta l-kultura legali tkompli, fortunatament, tinbidel.

18.9.12

Wettaqna dak li hu tajjeb fil-Ġustizzja


1.    Għamilt numru ta’ snin nieħu ħsieb is-settur tal-Ġustizzja f’dan il-pajjiż.  Matulhom saru diversi passi ‘l quddiem li permezz tagħhom daħħalna kunċetti ġodda, naqqasna l-ispejjeż, naqqasna d-dewmien tal-kawżi u żidna fl-effiċjenza u t-trasparenza f’dan is-settur.  Pass partikolari, li issa li qiegħed lura fil-professjoni qiegħed napprezza ferm iktar, huwa dak marbut mal-Ġustizzja Amministrattiva.  Dan huwa l-parti tad-dritt pubbliku li fih il-Qrati tagħna għandhom illum ġurisdizzjoni akbar u ferm differenti milli kellhom qabel.  Għandhom issa l-inkarigu li jiddeċiedu kwistjonijiet legali li jqumu bejn iċ-ċittadini u l-Istat fit-tħaddim ta’ diversi deċiżjonijiet ta’ natura amministrattiva.

2.    Sal-15 ta’ Ġunju 2007, meta daħlu fis-seħħ partijiet mill-Att dwar il-Ġustizzja Amministrattiva (Kap.490 tal-Liġijiet ta’ Malta) il-linja ġenerali tal-leġislazzjoni tagħna kienet li f’kull Att ġdid jiġi mwaqqaf tribunal apposta, separat mill-Qorti, li jiddeċiedi kwistjonijiet ta’ din in-natura.  Fil-verità konna qegħdin inkomplu tradizzjoni li writna mid-dritt pubbliku Ingliż.  Fis-sistema ġuridika Ingliża, għall-kuntrarju ta’ diversi oħrajn kontinentali, dik kient il-linja.  Kull liġi ġdida ġġib tribunal differenti u ġdid biex jaqta’ l-kwistjonijiet.  Id-duttrina li segwejna għal ħafna snin kienet dik li jaqbillek li jkollok dawn it-tribunali għax huma orħos, informali u suppost li jaqtgħu l-kwistjonijiet aktar malajr.  Ir-realtà, iżda, kienet differenti.

3.    Diġà meta kont student tal-liġi ridt nibdel din is-sistema għax, minn dak li kont ġejt mgħallem u qrajt, is-sistema ma kenitx qegħda taħdem kif kien previst u anzi diversi pajjiżi oħra kellhom minflok Qorti Amministrattiva waħda ċentrali li tiddeċiedi kollox.  Meta ngħatajt il-ġurament bħala Segretarju Parlamentari sibt għalhekk l-opportunità li nressaq proposta, l-ewwel permezz tal-White Paper “Lejn Ġustizzja Aħjar u Eħfef” u iktar tard b’dan l-Att sabiex nibdlu l-affarijiet.  Sibt li l-Olandiżi kienu għamlu l-pass li jaqilbu minn sistema b’diversi tribunali bħal tagħna għal waħda ta’ sistema ċentrali.  Kont ħadt ħsieb niltaqa’ wkoll ma’ numru ta’ mħallfin Olandiżi fuq dan is-suġġett u kkonvinċejt ruħi ferm iktar mill-bżonn li nimxu f’din id-direzzjoni.

4.    Għalkemm dan jista’ jidher bħala sempliċi tibdil legali, kważi akkademiku, fir-realtà ħassejt li ser inkunu qed indaħħlu sistema li tiggarantixxi iktar id-dinjità u d-drittijiet taċ-ċittadini tagħna.  Diversi drabi, fil-ħajja ta’ kull ġurnata, l-Istat jintervjeni fil-libertà u l-ħajja tal-bnedmin.  Daqqa korrettement, u daqqa le.  Fit-tieni każ huwa dejjem tajjeb li l-liġi tiġi ssudata sabiex dawk id-drittijiet jiġu tradotti dejjem aħjar minn fuq il-kitba tal-ħajja.  Illum iktar minn qabel, bl-introduzzjoni tat-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva, dan qiegħed jintlaħaq.  Hemm sistema, veloċi, irħisa, ċara u iktar trasparenti fejn is-sentenzi mogħtija huma motivati u pubblikati elettronikament.  Saret bidla fil-fond li permezz tagħha mxejna sabiex nissudaw is-settur tad-dritt amministrattiv li qabel, fl-opinjoni tiegħi kien jonqsu, u dan dejjem għall-ġid ikbar tal-bnedmin f’dawn il-gżejjer.

5.    Il-liġi ġiet fis-seħħ bażikament bi tlett passi prinċipali.  L-ewwel, fl-2007 daħħalna fis-seħħ l-artikolu 3 tal-Att li stabbilixxa għall-ewwel darba numru ta’ prinċipji ta’ mġieba amministrattiva li ma kinux jeżistu qabel u li ġew japplikaw għal kull tribunal li kellna.  It-tieni, fl-1 ta’ Jannar 2009 ġibna l-Att kollu fis-seħħ, inkluż l-imsemmi Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva u għalhekk il-każijiet setgħu jibdew jinstemgħu u jiġu deċiżi fil-Qorti.  It-tielet, bdejna proċess li bih tneħħew diversi tribunali varji li kienu jeżistu f’liġijiet differenti sabiex jiġu konċentrali taħt din l-umbrella unika ta’ dan it-tribunal.  Illum diġà hemm madwar 50 minn dawn it-tribunali li kienu jeżistu qabel u li issa ma għadhomx għax ġew assorbiti f’ħaġa waħda.

6.    Il-bidla fil-liġi, ma hemmx dubju, li tieħu ż-żmien tagħha biex issir.  Ikun hemm reżistenzi kulturali għal dak kollu li huwa kkunsidrat bħala innovattiv, kif ukoll nuqqas ta’ informazzjoni ta’ dak li l-liġi issa tgħid.  Ninnota li għad ma hemmx biżżejjed dak l-għarfien li l-impatt tagħha, speċjalment fis-settur taċ-Ċivil, jitlob.  Għad ma hemmx direttament garantit it-tħaddim tal-artikolu 3, li jitroduċi l-prinċipji amministrattivi li għandhom jiġu mħaddma riġorożament mit-tribunali li għadhom ma ġewx meħuda taħt it-Tribunal ta’ Reviżjoni Amministrattiva.  It-tmien prinċipji legali li daħħalna mhux kollha qed jitħaddmu, b’mod partikolari r-raba’ wieħed li jgħid li għandu jiġi żgurat li l-amministrazzjoni pubblika għandha tagħmel disponibbli d-dokumenti ta’ informazzjoni rilevanti għall-każ u li tara li l-parti jew partijiet l-oħra fil-proċeduri jkollhom aċċess għal dawn id-dokumenti u informazzjoni.

7.    Ngħid dan għax għalkemm fi tlett snin kien diġà rnexxili ndaħħal daqshekk tribunali taħt is-sistema l-ġdida, xorta għad fadal tribunali oħra li, għada pitgħada, għad iridu jiġu assorbiti.  Kienet ċara għalija li kien umanament impossibbli li ddaħħal kollox f’daqqa.  Dan kien iġib biss xogħol tal-għaġġla li jwassal għall-konfużjoni u indeċiżjoni u, flok nimxu ‘l quddiem, konna noqtlu l-pjanta li mat-trapass taż-żmien kellha ssir siġra.  Ħassejt li għandi ngħabbi biċċa biċċa, naraw il-problemi li jqumu u naffrontawhom sabiex inkunu aktar sodi f’dak li konna qegħdin inwettqu.  Jidher ċar li dan irnexxa tajjeb ħafna.  Illum, fortunatament għal pajjiżna, dan il-kunċett kompletament ġdid iddaħħal u qiegħed iwettaq ħafna ġid liċ-ċittadini fi kwistjonijiet varji, bħal dawk fiskali, ta’ trasport, agrikoli, ta’ prodotti u ta’ servizzi.  Għalhekk, b’dan immarkajna passi oħra ‘l quddiem li nittama li kull min f’din il-gazzetta jaħseb li għandu ftit materja griża f’moħħu, jifhem u japprezza.

18.6.12

Il-bidla kulturali

L-Imħallef Robert Mangion. Ritratt: timesofmalta.com
1.    Ħadt pjaċir tul din il-ġimgħa nara żewġ Imħallfin ġodda jibdew il-ħidma tagħhom fil-qrati tagħna.  Ix-xogħol ta’ ġudikant, fih innifsu, m’huwiex faċli.  Il-liġi tkun tafha, issir parti minnek, però li wara ssib lilek innifsek mhux li tiddefendi parti imma li trid tiġġudika fuq l-oħrajn mhix sempliċi.  Li tagħraf min qiegħed jgħid il-verità mill-komportament tiegħu, mis-sustanza ta’ dak li jintqal minn diversi punti oħra fih x’wieħed jomgħod.  Mhux biss, imma l-iktar diffiċli u impenjattiv hu li tagħraf fejn hi s-sewwa, li titlaq il-bilanċ tal-ġustizzja ġewwa fik biex tiddeċiedi kif għandek.

2.    Il-ħidma ta’ persuna li trid tamministra l-ġustizzja mhix faċli u qegħda taħt l-iskrutinju tal-partijiet.  Kull min huwa midħla tal-qrati jagħraf li ma’ kull każ, parti tista’ toħroġ sodisfatta u l-oħra le.  Ftit huma dawk li meta l-każ jinqata’ kontra tagħhom jesprimu rikonoxximent.  Għalhekk, il-piż u r-responsabbiltà umana u istituzzjonali, jikbru.  Kull persuna tista’ tagħti ġustizzja umana, però taf li min qiegħed quddiemha f’kawża, ġustizzja perfettissima jrid u jippretendi.  Il-pressjoni hi verament qawwija u kull min jaħdem hemm jaf li dan hu post xejn komdu, mimli b’kumplikazzjonijiet u intoppi varji.

3.    Li tkun persuna li għexet u ħadmet fit-tul ġewwa l-qorti tgħin sabiex tifhem l-atmosfera u l-mekkaniżmi li hemm li ma jidhrux.  Meta xi ħadd minn barra jersaq jaħseb li hemm xi soluzzjoni faċli għal dak li kuljum ikun qed jiġri hemm ġew, ikun qiegħed jiżbalja.  Kull pass jew miżura trid issir b’attenzjoni u mhux bl-għaġġla, fejn dak li jkun qiegħed isir jiġi perċeput bħala impożizzjoni.  Diversi miżuri li ntroduċejt ġewwa s-sistema ġudizzjarja kellhom risposti varji.  Uħud ġew użati mill-ewwel b’faċilità, oħrajn ferm inqas.  Il-kejl mhux tant f’dak li qiegħed isir imma f’kemm minnu qiegħed jaħdem, l-operaturi legali kemm huma lesti li jutilizzawh.  Iridu jkunu konvinti huma wkoll, inkella dak li jsir hemm jibqa’.

4.    L-għodda legali tista’ tidher għal uħud bħala drakonjana jew ta’ barra mis-soltu, però almenu diġà qegħda hemm.  Diġà qegħda f’postha, preparata għall-futur meta l-kultura tinbidel.  Il-kultura legali hija, diversi drabi, il-barriera li ma tippermettix ċaqliq ‘il quddiem.  Hemm ċerta reżistenza li tiġi separata fiż-żmien.  Artikolu, mekkaniżmu legali ġdid li jkun hemm fil-Kodiċijiet u l-liġijiet tagħna jista’ jitħalla rieqed u mhux użat, sakemm il-klassi legali tiddeċiedi li tibda tħaddmu.  L-importanti hu li dan diġà qiegħed f’postu għad-dispożizzjoni futura ta’ min irid jagħmel użu minnu.

5.    Dan huwa proċess normali f’kull sistema ġuridika mad-dinja.  Ma jsirx tibdil drastiku imma wieħed gradwali.  Ħadt pjaċir fuq dan naqra l-analiżi tal-Imħallef Robert Mangion, li għandu snin ta’ prattika sew dwar dak li sar ġewwa l-qrati fl-aħħar snin u dak li qiegħed iressaq għall-konsiderazzjoni.  Dan huwa minnu nnifsu proċess salutari.  Mument ta’ riflessjoni għal min ħadem sew fil-qrati u issa ser jibda l-ħidma fil-Ġudikatura.  Ħsieb fuq dak li għadda, preparazzjoni għal dak li ġej.  Smajt, fil-karriera tiegħi, diversi diskorsi magħmula f’dik l-okkażjoni u ma nistax ma ngħidx li qed nara dejjem iktar kuraġġ u determinazzjoni sabiex l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tinbidel dejjem għall-aħjar.

6.    Mid-diversi punti li ġustament tqajmu, rajt enfasi mogħtija lill-medjazzjoni.  Pajjiżna ra l-introduzzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ftit snin ilu, meta ġie fis-seħħ b’liġi li ressaqt u li permezz tagħha twaqqaf iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għal Malta.  Il-medjazzjoni hija mekkaniżmu legali li jippermetti lill-partijiet fi kwistjoni legali jaslu fi ftehim, minflok jgħaddu mit-triq ta’ kawża.  Dan diġà qiegħed parti mil-liġi tagħna.  Sistemi legali oħra għad iridu jdaħħluh.  Li hemm bżonn huwa li jsir użu minnu.  Użu intelliġenti billi l-qorti tagħraf li għandha tara liema huma l-każijiet li jistgħu jiġu konklużi bi ftehim u dawk li tant huma mimlija truf u kkumplikati li ftehim huwa impossibbli.  Żgur mhux forsi, huwa salutari u ta’ avvanz għas-sistema tagħna li aktar ġudikanti qed jagħrfu li l-kultura legali trid tinbidel sabiex is-sistema legali tagħna tkompli tavvanza.

3.11.11

Il-vittmi tar-reat

1.    Għadni nemmen li l-proċess legali li jsir ġewwa l-qorti ta’ ġurisdizzjoni kriminali għandu jkompli jissoda l-pożizzjoni tal-persuna li tkun sofriet minn delitt.  Tul dawn is-snin saru numru ta’ emendi li permezz tagħhom il-vittma tar-reat ingħatat iktar sehem importanti.  Sehem determinanti kif denjament jixirqilha.  Forsi fi żminijiet oħra il-ħsieb kien li l-vittma kienet tkun biss xhud li mhux neċessarjament hemm bżonnha, speċjalment meta l-akkużat jammetti fil-bidu.  Illum il-vittma għandha dritt li tkun preżenti, flimkien mal-avukat tal-fiduċja tagħha ssegwi, tistaqsi u tressaq il-każ tagħha direttament.  Dan biddel il-kunċett tal-proċess minn kif kien mitt sena ilu.

2.    Illum il-pożizzjoni komplejna mmexxuha ‘l quddiem u l-persuna li sofriet ħsara f’reat għandha issa d-dritt li titlob li l-qorti, fis-sentenza tagħha, tiddeċiedi kemm għandha tiġi mħallsa mill-persuna li nstabet ħatja.  Daħħalna fil-Kodiċi Kriminali li f’ġudizzju wieħed ikun hemm deċiż il-ħtija u l-ħlas tad-danni lill-vittma tar-reat.  Dan sar sabiex titnaqqas it-tbatija u titneħħa kemm jista’ jkun id-diffikultà li wara li jkun hemm ir-reat, il-vittma trid tiftaħ hi għal rasha kawża ċivili oħra.  Naf b’diversi persuni li spċċaw abbandunaw kollox għax ma ridux jerġgħu jitilgħu l-qorti ma’ min sawwathom u għamlilhom il-ħsara.

3.    Hemm żewġ effetti iebsa li jmissu lill-vittmi tar-reat: l-ewwel u ovvjament, id-dwejjaq, atrit u xi drabi wkoll id-dipressjoni, li joħorġu mir-reat innifsu; it-tieni (mhux dejjem ovvju għal min jipprattika fil-qrati) id-diffikultajiet, it-taqtiegħ il-qalb u t-tensjoni li jiġu mal-fatt li l-vittmi jridu jerġgħu jgħidu x’ġara, jerġgħu jgħixu l-mument u jsibu lilhom infushom mistoqsija hekk li xi drabi jsiru qisu kienu huma l-persuni li wettqu r-reat.  Il-vittimizzazzjoni sekondarja hija fejn nistgħu naħdmu aktar sabiex innaqqsu minn dik is-sofferenza li l-vittmi jgħaddu minnha speċjalment meta ma jkunx hemm attenzjoni u sensittività għalihom.  F’din il-linja, tul dawn l-aħħar tlett snin ħdimna fuq żewġ livelli sabiex nimxu aktar maż-żminijiet u nagħtu ferm iktar strumenti u mekkaniżmi legali sabiex nissudaw lill-vittmi.

4.    Din il-ħidma saret fuq livell nazzjonali u fuq dak tal-Unjoni Ewropea.  F’pajjiżna għamilna passi kbar ‘il quddiem fl-abbozz ta’ liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.  Dan il-pass legali sar b’kawtela u attenzjoni sabiex nassiguraw kemm jista’ jkun li aktar persuni jagħtu sehemhom u jkunu ppreparati għall-impatt tagħha.  Bidliet fil-kultura fil-mekkaniżmi legali u fl-aspetti amministrattivi huma mistennija li jidħlu u għalhekk dan irid ikollu xogħol preparatorju li diġà dħalna għalih u ser inkompluh.  L-iktar parti importanti għalina hija dik marbuta mal-attenzjoni li għandna nagħtu lill-vittmi tar-reat issa, mhux fil-kwistjoni biss ta’ tul il-proċess kriminali, imma wara, meta l-imputat ikun instab ħati u kkundannat għall-ħabs.

5.    Jekk kollox jibqa’ sejjer kif għandu, lejn l-aħħar tas-sena nkunu nistgħu nippubblikaw ukoll il-lista tas-servizzi u drittijiet li l-vittma tar-reat għandha tistenna mill-Istat Malti.  Hawn qed indaħħlu kunċetti ġodda bħal drittijiet ta’ informazzjoni, ta’ medjazzjoni u ta’ assistenza li qabel ma kienx hemm.  Dan huwa pass importanti li nittama li nistgħu nkomplu nibnu fuqu.  Biss, dan m’huwiex biżżejjed għalina, speċjalment meta wieħed iħares lejn dak li ntlaħaq minn pajjiżi oħra.

6.    Kien għalhekk li diversi drabi ressaqt ‘il quddiem il-bżonn, speċjalment fil-Kunsilli Informali ta’ kull Presidenza Ewropea, li jkollna dokument tal-Unjoni Ewropea li jopera u jaħdem mas-sebgħa u għoxrin Stat Membru.  Fortunatament din is-sena, fit-18 ta’ Mejju 2011, tressqet għall-ewwel darba proposta għal Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill biex jiġu stabbiliti “minimum standards on the rights, support and protection of victims of crime”.  Din il-proposta ħadet passi kbar oħra li għandhom ikomplu jżidu fil-kontenut.  Diġà mxejna ‘l quddiem, però għad fadal x’jiġi diskuss u l-proċess legali Ewropew jieħu ż-żmien tiegħu.  Aħna naraw dan il-pass bħala wieħed determinanti għax permess tiegħu għandna nkomplu nwieġbu għar-realtà tal-lum li tħares li tagħti dinjità u assistenza ikbar lil min jgħaddi minn din l-esperjenza negattiva.  Determinanti li s-sena li ġejja l-Parlament ikollu quddiemu abbozz ta’ liġi fuq dan.

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...