3.11.11

Il-vittmi tar-reat

1.    Għadni nemmen li l-proċess legali li jsir ġewwa l-qorti ta’ ġurisdizzjoni kriminali għandu jkompli jissoda l-pożizzjoni tal-persuna li tkun sofriet minn delitt.  Tul dawn is-snin saru numru ta’ emendi li permezz tagħhom il-vittma tar-reat ingħatat iktar sehem importanti.  Sehem determinanti kif denjament jixirqilha.  Forsi fi żminijiet oħra il-ħsieb kien li l-vittma kienet tkun biss xhud li mhux neċessarjament hemm bżonnha, speċjalment meta l-akkużat jammetti fil-bidu.  Illum il-vittma għandha dritt li tkun preżenti, flimkien mal-avukat tal-fiduċja tagħha ssegwi, tistaqsi u tressaq il-każ tagħha direttament.  Dan biddel il-kunċett tal-proċess minn kif kien mitt sena ilu.

2.    Illum il-pożizzjoni komplejna mmexxuha ‘l quddiem u l-persuna li sofriet ħsara f’reat għandha issa d-dritt li titlob li l-qorti, fis-sentenza tagħha, tiddeċiedi kemm għandha tiġi mħallsa mill-persuna li nstabet ħatja.  Daħħalna fil-Kodiċi Kriminali li f’ġudizzju wieħed ikun hemm deċiż il-ħtija u l-ħlas tad-danni lill-vittma tar-reat.  Dan sar sabiex titnaqqas it-tbatija u titneħħa kemm jista’ jkun id-diffikultà li wara li jkun hemm ir-reat, il-vittma trid tiftaħ hi għal rasha kawża ċivili oħra.  Naf b’diversi persuni li spċċaw abbandunaw kollox għax ma ridux jerġgħu jitilgħu l-qorti ma’ min sawwathom u għamlilhom il-ħsara.

3.    Hemm żewġ effetti iebsa li jmissu lill-vittmi tar-reat: l-ewwel u ovvjament, id-dwejjaq, atrit u xi drabi wkoll id-dipressjoni, li joħorġu mir-reat innifsu; it-tieni (mhux dejjem ovvju għal min jipprattika fil-qrati) id-diffikultajiet, it-taqtiegħ il-qalb u t-tensjoni li jiġu mal-fatt li l-vittmi jridu jerġgħu jgħidu x’ġara, jerġgħu jgħixu l-mument u jsibu lilhom infushom mistoqsija hekk li xi drabi jsiru qisu kienu huma l-persuni li wettqu r-reat.  Il-vittimizzazzjoni sekondarja hija fejn nistgħu naħdmu aktar sabiex innaqqsu minn dik is-sofferenza li l-vittmi jgħaddu minnha speċjalment meta ma jkunx hemm attenzjoni u sensittività għalihom.  F’din il-linja, tul dawn l-aħħar tlett snin ħdimna fuq żewġ livelli sabiex nimxu aktar maż-żminijiet u nagħtu ferm iktar strumenti u mekkaniżmi legali sabiex nissudaw lill-vittmi.

4.    Din il-ħidma saret fuq livell nazzjonali u fuq dak tal-Unjoni Ewropea.  F’pajjiżna għamilna passi kbar ‘il quddiem fl-abbozz ta’ liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.  Dan il-pass legali sar b’kawtela u attenzjoni sabiex nassiguraw kemm jista’ jkun li aktar persuni jagħtu sehemhom u jkunu ppreparati għall-impatt tagħha.  Bidliet fil-kultura fil-mekkaniżmi legali u fl-aspetti amministrattivi huma mistennija li jidħlu u għalhekk dan irid ikollu xogħol preparatorju li diġà dħalna għalih u ser inkompluh.  L-iktar parti importanti għalina hija dik marbuta mal-attenzjoni li għandna nagħtu lill-vittmi tar-reat issa, mhux fil-kwistjoni biss ta’ tul il-proċess kriminali, imma wara, meta l-imputat ikun instab ħati u kkundannat għall-ħabs.

5.    Jekk kollox jibqa’ sejjer kif għandu, lejn l-aħħar tas-sena nkunu nistgħu nippubblikaw ukoll il-lista tas-servizzi u drittijiet li l-vittma tar-reat għandha tistenna mill-Istat Malti.  Hawn qed indaħħlu kunċetti ġodda bħal drittijiet ta’ informazzjoni, ta’ medjazzjoni u ta’ assistenza li qabel ma kienx hemm.  Dan huwa pass importanti li nittama li nistgħu nkomplu nibnu fuqu.  Biss, dan m’huwiex biżżejjed għalina, speċjalment meta wieħed iħares lejn dak li ntlaħaq minn pajjiżi oħra.

6.    Kien għalhekk li diversi drabi ressaqt ‘il quddiem il-bżonn, speċjalment fil-Kunsilli Informali ta’ kull Presidenza Ewropea, li jkollna dokument tal-Unjoni Ewropea li jopera u jaħdem mas-sebgħa u għoxrin Stat Membru.  Fortunatament din is-sena, fit-18 ta’ Mejju 2011, tressqet għall-ewwel darba proposta għal Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill biex jiġu stabbiliti “minimum standards on the rights, support and protection of victims of crime”.  Din il-proposta ħadet passi kbar oħra li għandhom ikomplu jżidu fil-kontenut.  Diġà mxejna ‘l quddiem, però għad fadal x’jiġi diskuss u l-proċess legali Ewropew jieħu ż-żmien tiegħu.  Aħna naraw dan il-pass bħala wieħed determinanti għax permess tiegħu għandna nkomplu nwieġbu għar-realtà tal-lum li tħares li tagħti dinjità u assistenza ikbar lil min jgħaddi minn din l-esperjenza negattiva.  Determinanti li s-sena li ġejja l-Parlament ikollu quddiemu abbozz ta’ liġi fuq dan.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...