9.11.11

Politika umana

1.    Tul dawn l-aħħar snin affrontajna sitwazzjonijiet varji fis-settur tal-immigrazzjoni irregolari.  Kellna xenarji diffiċli u kkumplikati li mhux dejjem rajt persuni jagħmlu użu mir-raġuni fi kliemhom jew ħsibijiethom.  Anzi, kien evidenti li ħafna taw il-kontribut tagħhom fil-kamp politiku  u pubbliku mingħajr ma kellhom l-ideat ċari fuq x’kienu l-punti determinanti u importanti.  Sfortunatament, ħafna qabżu fin-nofs u flok qalu dak li kellhom jgħidu bħala persuni li għandhom is-sens komun, il-valuri u mhux l-opportuniżmu, qalu diskors li qajmu r-razziżmu u x-xenofobija.  Mill-2008 ‘l hawn rajna, verament, diskors mingħajr sustanza u ebda proposta vera, proprja u konkreta.

2.    Ħadna diversi passi konkreti fuq livelli varji sabiex naffrontaw verament it-traġedja li konna qed narawha sseħħ quddiemna.  B’eluf ta’ bnedmin jaqsmu mill-ixtut Libjani fuq biċċiet tal-baħar mingħajr saħħa, ser jaqgħu l-aħħar, kont nibqa’ skantat kif kont nisma’ u naqra min kien jagħtini l-parir li m’għandniex inħalluhom jiġu hawn.  Fortunatament f’dan qatt ma ħadna deċiżjoni waħda li permezz tagħha bnedmin bħalna setgħu tilfu ħajjithom.  Għal dawn is-snin twal f’din il-mewġa, bħala Gvern kellna nikkumbattu fil-pajjiż u barra minnu sabiex inżommu għolja l-bandiera tas-sewwa u l-valuri nsara li nemmnu fihom.  Sibtni f’sitwazzjonijiet li meta dħalt fil-politika ma kontx, qatt u qatt nimmaġina li ser insibni fihom.

3.    L-immigrazzjoni irregolari ilha fuq l-aġenda tal-pajjiż u l-poplu kien wera, diversi drabi, l-inkwiet tiegħu dwarha.  Però, tul dan iż-żmien fehem li l-Gvern kellu moħħu ċar u ħa passi diretti sabiex jinstabu s-soluzzjonijiet tul dawn is-snin.  Anqas f’din is-sena, li kienet hija wkoll waħda iebsa.  Nammetti li fix-xhur li għaddew, prinċipalment wara s-17 ta’ Frar, għaddejt minn ġimgħat twal ta’ inkwiet proprju fuq dan.  Min-naħa kellna l-piż tal-organizzazzjoni interna sabiex wieħed iwieġeb għax-xenarji varji marbuta mal-aspetti umanitarji u fuq in-naħa l-oħra rajt quddiemna t-theddida ta’ mewġa ferm u ferm ikbar ta’ immigrazzjoni irregolari milli qatt konna qegħdin naħsbu.  It-tbassir kien wieħed mill-iktar ikrah li taqqalli moħħi bl-effetti u konsegwenzi li setgħu jiġru f’pajjiżi.

4.    Ħadt diversi keded fuq dan u kkumbattejna, speċjalment meta, kif għidt, il-previżjonijiet kienu ta’ eluf kbar ta’ bnedmin li jitilgħu bil-baħar jaħirbu mill-ġlied.  Nassigura li ma kienx faċli u f’xi mument forsi nikteb f’iktar dettall fuq dak li għaddejna minnu.  Anke jekk sibtni għal ġimgħat twal norqod tlieta jew erba’ siegħat mal-lejl, speċjalment meta fi ftit jiem rajt madwar elf ruħ jaslu hawn.  Biss kelli dejjem spalla b’saħħitha madwari.  Il-Prim Ministru kien gwida ċara, diretta u ta’ sostenn fil-linja li ħadt.

5.    Ippreparajna rwieħna sew għal diversi eventwalitajiet, però altru taħseb x’jista’ jiġri u altru x’attwalment tara jseħħ quddiemek.  Waslu persuni hawn u rrid nirringrazzja lid-diversi uffiċjali, diretturi u impjegati tal-Istat li raw li l-parti tagħna saret sew.  Xejn ma kien faċli.   Nirringrazzja mill-qalb il-kuraġġ, id-determinazzjoni u l-perseveranza tal-uffiċjali li fi ħdan il-Gvern taw sehem.  Iktar u iktar meta f’dawn l-aħħar ġimgħat ħareġ ċar kristall li r-reġim tal-Kurunell Muammar Ghaddafi kellu id sew f’dan kollu.  Jidher li l-moviment ta’ persuni użah bħala strument politiku kontra tagħna, imma prinċipalment kontra l-Italja.  Il-bilanċ politiku li żammejna, mertu tad-direzzjoni tal-Prim Ministru Lawrence Gonzi, serviena sabiex ma nipperikolawx u ma naggravawx.

6.    Għalkemm ġejna kkritikati fuq elf ħaġa u kellna diversi persuni li jikkunsidraw ruħhom bħala esperti jippontifikawlna, dan il-Gvern għamel il-parti tiegħu tajjeb.  Mertu ta’ ħidmietna, żammejna saqajna mal-art.  Persuni li ħaqqhom status ta’ protezzjoni ngħatatilhom u minn fosthom, speċjalment familji, ġew integrati f’pajjiżi oħra.  Kien hemm min ipprova jarmi jew iċekken din il-ħidma imma din irnexxiet għax kompliet tagħti futur lil min verament kien jimmeritah.  Bit-tmiem tar-reġim fil-Libja infetaħ kapitolu ġdid.  Nittamaw li dan jibdel ukoll l-immigrazzjoni irregolari sabiex jieqaf darba għal dejjem dan l-isfruttament u abbuż fuq il-miżerja umana.  Il-futur ħadd ma jafu u għalhekk ser nibqgħu għax-xhur li ġejjin impenjati u viġilanti biex inwieġbu għar-realtà tal-isfidi li dan il-moviment iġib.  Il-politika tagħna ċara kienet u hekk ser tibqa’ – waħda li tħares lejn il-valuri, id-dinjità tal-bniedem u ma tmurx lejn id-denigrazzjoni tiegħu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...