4.11.11

Kwistjoni ta’ identità

1.         F’din is-soċjetà preżentement qegħda tidħol il-kultura li persuni fil-politika m’għandhomx ikollhom ideat tagħhom.  Anzi, huwa mistenni minnhom li jinsew dak li jħossu jew jaħsbu li huma u jassumu lbiesi ta’ dawk li mdorrija jlibbsu lill-pupi.  Kull min iqiegħed lilu nnifsu għas-servizz tal-poplu jrid dejjem, skont din il-mentalità, jkun dak li huma jriduh ikun u mhux x’attwalment huwa.  Forsi ilna navvanzaw f’din it-triq, fejn l-“arti tal-politika” qegħda tikkonċentra hija stess li tipprova tidher dak li mhix.  Dawn l-artikoli, għalija jservuni sabiex nibqa’ fil-proċess li nkun dak li naħseb li jien, forsi xi forma ta’ konfessjoni tat-tip ta’ Albert Camus f’“The Fall” (La Chute).


2.         Il-politiku jirrappreżenta lil dawk li jiddeċiedu li jivvutawlu, però l-identità tiegħu jżommha.  Il-kultura, il-formazzjoni, il-prinċipji tiegħu, l-impenn lejn is-soċjetà, l-enerġija, id-determinazzjoni – valuri li huwa jħaddan jibqgħu direttament miegħu.  Ma jitilquhx u anzi jkun għal kollox żbaljat jekk kemm-il darba jipprova juri lilu nnifsu fil-kontra ta’ dak li hu.  Jista’ jifforma ruħu iktar, għandu jimmatura iktar bl-esperjenza li l-ħajja tagħtih però, meta jmur lura, jitlef.  Jitlef minnu nnifsu, jitlef mill-valur li jirrappreżenta u li għandu jagħti lis-soċjetà.  Illum il-poplu jrid, iktar minn qatt qabel, li jkun jaf.  Jifhem aħjar lil min qed jiġi mogħti l-kunsens tar-rappreżentazzjoni u f’dan għandu għodda ġdida, iktar ċara u diretta li toħroġ lil dak li jkun f’dak li hu.


3.         Il-politika hija servizz u responsabbiltà kbira.  Mhux dejjem tagħrafha fid-dimensjonijiet tagħha, biss iż-żmien, iċ-ċirkostanzi u l-kuntatt dirett mal-ħajja jgħabbuk iktar b’dak li hija attwalment.  Il-bnedmin, kull wieħed f’kull ċirkostanza tal-eżistenza tiegħu, jiċċaqlaq f’direzzjoni jew oħra skont dak li jkollu ġewwa fih.  Għalija, mill-esperjenza diretta f’din il-linja tiegħi u minn dak li nara f’ħaddieħor madwari, dak li joħroġ minn fommna jew minn kitbietna jiddependi fuq kemm aħna ffurmati f’kultura politika ta’ ideat ċari u sodi.  Anke jekk diversi drabi ma taqbilx ma’ argument imressaq minn politiku ieħor, meta dan ikun loġiku, ċar u bbażat fuq linja ta’ ħsieb imsejjes fuq twemmin u ideoloġija, ma tistax ma taċċettax li tressqu b’onestà u konvinzjoni interna.


4.         Nammira u nqis f’livell ogħla lil dawk li fil-politika jaħdmu, jaġixxu u jaħsbu għax għandhom il-konvinzjonijiet interni distinti tagħhom.  Konvinzjonijiet li huma marbuta u bażati mhux fuq x’qal ħaddieħor, x’ingħad fil-gazzetti, imma għax ħaseb u irrifletta fuqhom.  M’huwiex pappagall politiku li jirrepeti biss, volontarjament jew involontarjament, ideat ta’ ħaddieħor mingħajr ma jkun rahom jaħdmu jew jiġu applikati.  Għax hemm din id-distinzjoni li għalija hija importanti.  Dawk li jirrepetu u jafu li qegħdin sempliċement jgħidu dak li ngħad u li però mhux konvinti minnu narahom f’livell iktar gravi minn dawk li ġew influwenzati u ma ndunawx li dak li qed jingħad huwa bla bażi.


5.         L-identità, il-kultura, l-għeruq personali huma vitali f’soċjetà demokratika fejn min jirrappreżenta jrid jagħmel dan sewwa - kif kien qal tant tajjeb Christopher Lasch fil-ktieb tiegħu “The Revolt of Elites and the Betrayal of Democracy”, li jimmerita attenzjoni u qari dettaljat.  Meta l-kuntatt mal-art li wieħed jirrappreżenta jinqata’, intellettwalment imur lura.  Mhux qiegħed b’xi mod nirreferi għall-kuntatt uman, fiżiku, imma dak li jitwieled minn riflessjonijiet fuq dak li aħna u li jaħdem għalina.  Soluzzjonijiet politiċi ta’ dawk li jiġu minn esperimenti jew suġġerimenti f’pajjiżi oħra jridu kull darba jitqegħdu lura fil-proporzjon u skont din l-art.  L-ideat, l-azzjonijiet jagħtu frott fl-ambjent u l-ħamrija li tilqagħhom, mhux li ma taċċettahomx.  Minflok ġid, ħsara titwieled.  Hemm ġlieda ta’ identità ta’ ideat li jridu jsiru.


6.         Reċentement qrajt dak li awtriċi mill-Ghana, Nana Ayebia Clarke ġiet irrappurtata li qalet, u laqtuni żewġ punti.  L-ewwel: “Ayebia insists that African children who are being constantly fed with a western diet of books, will grow up neglecting or rejecting their own culture.”  Kemm għandha raġun f’dan, li jgħodd għal kull komunità, soċjetà, nazzjon u poplu.  Ma naċċettax din id-dominanza ta’ kulturi li tant huma marbuta f’moħħhom li ma jistgħux jaċċettaw oħrajn.  Għalihom, soċjetà hija aċċettabbli biss jekk tikkonforma preċiżament ma’ dak li għandha hi.  Għalhekk, flok hemm rispett reċiproku u għarfien tal-wirt tad-diversità li tant vjaġġaturi, ibda minn Marco Polo, tant kienu jibqgħu mmeraviljati bihom, għandhom forom ta’ tiranniji li joqtlu l-identitajiet.


7.         Laqtuni wkoll fit-tieni punt dawn il-kliem: “Because knowledge is power, and the control of knowledge has always been a political question that makes the arena for cultural production a site of struggle for dominance and a site of struggle for the power to define, legitimise and consecrate ideas, produces and products.  Those with power will dictate the manner in which our institutions are structured and instructed for their benefit not ours.”  Jekk qabel id-dominanza kolonjali kienet iġġib magħha fatturi ta’ dan il-livell, illum bil-midja internazzjonali għandek dominanzi oħra.  Ċerti drabi, pajjiżi tarahom jaċċettaw dak li meta kienu kolonji irrifjutaw, u dan għax għandna kawżali ġodda li aħna stess ma narawx u ma nagħrfux.  Meta ma hemmx identità jkun hemm serviliżmu għall-ideat ta’ ħaddieħor.  In-nuqqas ta’ formazzjoni kulturali, soċjali, fl-għeruq tal-art iġibu dak li m’aħniex.  Il-politika hija kwistjoni ta’ identità – waħda li tagħmel differenza.

Dan l-artikolu deher fil-ħarġa tal-ġurnal Illum tal-10 ta' Lulju 2011.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...