Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
4.11.11
Għażel triqtu?
1. F’dawn il-jiem wara t-tmiem tal-ħajja tal-Kurunell Muammar Ghaddafi u ta’ erbgħin sena tar-renju tiegħu, erġajt mort lura f’numru ta’ eventi mill-passat. Ftakart f’xi konversazzjonijiet li kelli mal-Ġeneral Abdel Fatah Younis, li kien jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Intern fl-aħħar “gvern” ta’ Ghaddafi. Kien dirett lejn il-punt. Ebda forma ta’ diplomazija, anzi persuna tal-armata li kellu f’rasu li jrid jibqa’ fil-poter mhux bl-użu sempliċi jew normali tal-politika. Kull meta rajtu laqagħni ta’ persuna li kien jikkonsidra ħabib.
2. Fi Frar ta’ din is-sena kien ċar li kienet ġejja r-rivoluzzjoni. Niftakar f’dak li rajt u ħassejt meta f’Diċembru tal-2010 kont lura Tripli. Fl-aħħar ta’ Jannar, fil-kurituri tal-Parlament tagħna ltqajt ma’ membru tal-Oppożizzjoni u għidtlu li kien jidher ċar li ċaqlieq kien ser ikun hemm u li kien differenti ħafna minn dak tas-soltu. Ngħid li Ghaddafi stess kien ħass dan, għax diskorsu f’dawk il-jiem kien, biex ngħid, l-inqas interessanti. Ftakart li f’mument, ma’ dan il-Ġeneral Younis, jien u nkellmu bl-Ingliż u jweġibni lura bl-interpretu għamilt żball. Għidtlu li kont nippreżumi li stajt nitkellem bit-Taljan ladarba rajtu li qisu l-Ingliż ma jippossjedihx. Ħabta u sabta dar fuqi u qalli, issa bl-Ingliż, li huwa kien min-naħa ta’ Benghazi, mhux Tripli, u għalhekk it-Taljan ma jħaddmux. Rajtha iktar tard stramba din ir-reazzjoni, kważi nazzjonalista ta’ parti mil-Libja minn xi ħadd li ħarġet bħala molla f’poplu li suppost ilu magħqud mill-1952.
3. Anke f’Diċembru, meta mort għal laqgħa ta’ jumejn, li f’daqqa waħda nbidlet f’waħda ta’ nofs ta’ nhar. Fejn is-soltu kien ikolli s-sigurtà bħala Ministru tal-Intern, f’daqqa waħda sibt ultra-sigurtà. Immur fejn immur kelli purċissjoni ta’ karozzi u muturi li xejn ma kien iżommhom lura. L-atmosfera bejn il-ministri l-oħra kienet hi wkoll interessanti. Dawk li kienu ġejjin mit-Tuneżija, l-Alġerija, l-Marokk u l-Mawretanja qisu kienu qed iħossu li xi ħaġa kienet qegħda tbaqbaq minn taħt. Fejn is-soltu ħafna ferħ, diskors u trasmissjoni ta’ ħsieb li xejn ma jwaqqafhom, kien hemm attenzjoni. Fatah Younis biss rajtu li għad għandu kontroll fuq ta’ madwaru.
4. Kif sibtni b’daqshekk ħin fuq idejja u li ma stajtx naqbad u niġi lura, talbthom li f’jum jeħduni Leptis Magna u l-għada Sabrata. Fejn is-soltu ma kienx ikun hemm problemi jew ostakli għal dawn ix-xewqat, ressquli ħafna skużi fuq Leptis Magna u Sabrata ħaduni kmieni filgħodu, mas-sebgħa u nofs. Dan il-komportament ukoll kien stramb. Il-Ministru tal-Intern, fejn is-soltu kien ikollu l-ħin, sparixxa – kif għamlu l-ministri l-oħrajn li qisu riedu jagħtu l-messaġġ li kienu skansawha.
5. Għalhekk ma rajt xejn stramb jew ta’ barra minn hawn meta ġejt infurmat li wara s-17 ta’ Frar kien hu, dan il-Ministru tal-Intern li telaq lil Ghaddafi l-ewwel. Żamm ruħu ‘l bogħod minn mal-poplu proprju għax kien jaf kemm hu sogru kbir li dar kontra minn ħatru. Ma hemmx dubju li kien lura mal-poplu tiegħu deċiż li jikkumbatti bl-aħjar abbiltajiet tiegħu sabiex ineħħi dan ir-reġim. Żgur li mexxa l-moviment militari sabiex jaqleb billi kien jaf ma’ min qed jagħmilha. Kif nafu, spiċċa maqtul huwa wkoll tul il-gwerra f’ċirkostanzi misterjużi f’mument mill-iktar delikat. Uħud jgħidu li qatluh naħa, oħrajn oħra.
6. Li però baqa’ impress f’moħħi kienet intervista li saritlu fil-bidunett tal-konflitt. Ġie mistoqsi kif Ghaddafi ser jispiċċa. Ma kellux illużjonijiet u kien jaf sew il-persuna li kien qiegħed jitkellem dwarha. Iddikjara li ma kienx ser jaħrab jew iċedi l-poter, anqas li jneħħi ħajtu, imma li jagħżel li jinqatel bl-armi f’idu bħal martri. Dawn il-kliem baqgħu jidwu fil-kurituri ta’ moħħi f’dawn ix-xhur, biss fl-aħħar xahrejn tlaqthom.
7. Reġgħu ġew lura quddiemi fl-aħħar xeni tal-qtil tal-Kurunell Ghaddafi. Għalkemm rajt u qrajt dikjarazzjonijiet ta’ stmerrija mill-pajjiżi bħal tagħna li jħaddnu prinċipji demokratiċi li jesiġu li kull pesuna għandha tiġi proċessata u ħadd ma jista’ jieħu l-liġi f’idejh, reġgħu ġew f’widinti kliem Younis. Kien mill-iktar stramb kif Ghaddafi, li seta’ jaħrab qabel, seta’ jsib kenn f’pajjiż ieħor, għażel li jibqa’ hemm. Iktar diffiċli li għażel li jinstab waħdu, abbandunat ġewwa post li ma naħsibx li kien qiegħed jittama li ma jarawhx. Wara tant nies miegħu, possibbli ħallewh waħdu f’dik it-toqba? Mingħajr ma ridt, tajjeb jew ħażin staqsejt: “Għażilha hu?”. Kienet din it-triq li għażel? Ried jinżel fil-moħħ tiegħu bħala martri? Domandi li għalihom m’għandix tweġiba.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment