Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Showing posts with label Gaddafi. Show all posts
Showing posts with label Gaddafi. Show all posts
4.11.11
Għażel triqtu?
1. F’dawn il-jiem wara t-tmiem tal-ħajja tal-Kurunell Muammar Ghaddafi u ta’ erbgħin sena tar-renju tiegħu, erġajt mort lura f’numru ta’ eventi mill-passat. Ftakart f’xi konversazzjonijiet li kelli mal-Ġeneral Abdel Fatah Younis, li kien jokkupa l-kariga ta’ Ministru tal-Intern fl-aħħar “gvern” ta’ Ghaddafi. Kien dirett lejn il-punt. Ebda forma ta’ diplomazija, anzi persuna tal-armata li kellu f’rasu li jrid jibqa’ fil-poter mhux bl-użu sempliċi jew normali tal-politika. Kull meta rajtu laqagħni ta’ persuna li kien jikkonsidra ħabib.
2. Fi Frar ta’ din is-sena kien ċar li kienet ġejja r-rivoluzzjoni. Niftakar f’dak li rajt u ħassejt meta f’Diċembru tal-2010 kont lura Tripli. Fl-aħħar ta’ Jannar, fil-kurituri tal-Parlament tagħna ltqajt ma’ membru tal-Oppożizzjoni u għidtlu li kien jidher ċar li ċaqlieq kien ser ikun hemm u li kien differenti ħafna minn dak tas-soltu. Ngħid li Ghaddafi stess kien ħass dan, għax diskorsu f’dawk il-jiem kien, biex ngħid, l-inqas interessanti. Ftakart li f’mument, ma’ dan il-Ġeneral Younis, jien u nkellmu bl-Ingliż u jweġibni lura bl-interpretu għamilt żball. Għidtlu li kont nippreżumi li stajt nitkellem bit-Taljan ladarba rajtu li qisu l-Ingliż ma jippossjedihx. Ħabta u sabta dar fuqi u qalli, issa bl-Ingliż, li huwa kien min-naħa ta’ Benghazi, mhux Tripli, u għalhekk it-Taljan ma jħaddmux. Rajtha iktar tard stramba din ir-reazzjoni, kważi nazzjonalista ta’ parti mil-Libja minn xi ħadd li ħarġet bħala molla f’poplu li suppost ilu magħqud mill-1952.
3. Anke f’Diċembru, meta mort għal laqgħa ta’ jumejn, li f’daqqa waħda nbidlet f’waħda ta’ nofs ta’ nhar. Fejn is-soltu kien ikolli s-sigurtà bħala Ministru tal-Intern, f’daqqa waħda sibt ultra-sigurtà. Immur fejn immur kelli purċissjoni ta’ karozzi u muturi li xejn ma kien iżommhom lura. L-atmosfera bejn il-ministri l-oħra kienet hi wkoll interessanti. Dawk li kienu ġejjin mit-Tuneżija, l-Alġerija, l-Marokk u l-Mawretanja qisu kienu qed iħossu li xi ħaġa kienet qegħda tbaqbaq minn taħt. Fejn is-soltu ħafna ferħ, diskors u trasmissjoni ta’ ħsieb li xejn ma jwaqqafhom, kien hemm attenzjoni. Fatah Younis biss rajtu li għad għandu kontroll fuq ta’ madwaru.
4. Kif sibtni b’daqshekk ħin fuq idejja u li ma stajtx naqbad u niġi lura, talbthom li f’jum jeħduni Leptis Magna u l-għada Sabrata. Fejn is-soltu ma kienx ikun hemm problemi jew ostakli għal dawn ix-xewqat, ressquli ħafna skużi fuq Leptis Magna u Sabrata ħaduni kmieni filgħodu, mas-sebgħa u nofs. Dan il-komportament ukoll kien stramb. Il-Ministru tal-Intern, fejn is-soltu kien ikollu l-ħin, sparixxa – kif għamlu l-ministri l-oħrajn li qisu riedu jagħtu l-messaġġ li kienu skansawha.
5. Għalhekk ma rajt xejn stramb jew ta’ barra minn hawn meta ġejt infurmat li wara s-17 ta’ Frar kien hu, dan il-Ministru tal-Intern li telaq lil Ghaddafi l-ewwel. Żamm ruħu ‘l bogħod minn mal-poplu proprju għax kien jaf kemm hu sogru kbir li dar kontra minn ħatru. Ma hemmx dubju li kien lura mal-poplu tiegħu deċiż li jikkumbatti bl-aħjar abbiltajiet tiegħu sabiex ineħħi dan ir-reġim. Żgur li mexxa l-moviment militari sabiex jaqleb billi kien jaf ma’ min qed jagħmilha. Kif nafu, spiċċa maqtul huwa wkoll tul il-gwerra f’ċirkostanzi misterjużi f’mument mill-iktar delikat. Uħud jgħidu li qatluh naħa, oħrajn oħra.
6. Li però baqa’ impress f’moħħi kienet intervista li saritlu fil-bidunett tal-konflitt. Ġie mistoqsi kif Ghaddafi ser jispiċċa. Ma kellux illużjonijiet u kien jaf sew il-persuna li kien qiegħed jitkellem dwarha. Iddikjara li ma kienx ser jaħrab jew iċedi l-poter, anqas li jneħħi ħajtu, imma li jagħżel li jinqatel bl-armi f’idu bħal martri. Dawn il-kliem baqgħu jidwu fil-kurituri ta’ moħħi f’dawn ix-xhur, biss fl-aħħar xahrejn tlaqthom.
7. Reġgħu ġew lura quddiemi fl-aħħar xeni tal-qtil tal-Kurunell Ghaddafi. Għalkemm rajt u qrajt dikjarazzjonijiet ta’ stmerrija mill-pajjiżi bħal tagħna li jħaddnu prinċipji demokratiċi li jesiġu li kull pesuna għandha tiġi proċessata u ħadd ma jista’ jieħu l-liġi f’idejh, reġgħu ġew f’widinti kliem Younis. Kien mill-iktar stramb kif Ghaddafi, li seta’ jaħrab qabel, seta’ jsib kenn f’pajjiż ieħor, għażel li jibqa’ hemm. Iktar diffiċli li għażel li jinstab waħdu, abbandunat ġewwa post li ma naħsibx li kien qiegħed jittama li ma jarawhx. Wara tant nies miegħu, possibbli ħallewh waħdu f’dik it-toqba? Mingħajr ma ridt, tajjeb jew ħażin staqsejt: “Għażilha hu?”. Kienet din it-triq li għażel? Ried jinżel fil-moħħ tiegħu bħala martri? Domandi li għalihom m’għandix tweġiba.
2.11.11
Il-kapitolu l-ġdid
1. Hemm tibdiliet politiċi li jsiru f’daqqa minn jum għal ieħor, bħal sajjetta. Hemm oħrajn li jseħħu f’perjodu itwal ta’ żmien. Hemm dawk li jsiru b’mod paċifiku, fil-kors u perkors naturali tal-bniedem jew taħt termini legali. Hemm dawk li jsiru bid-demm, bil-ġlied, bil-qtil, bit-tkissir u t-tifrik. Hi kif inhi, il-bidla ssir imma t-triq wara ma tkunx l-istess. Dawk paċifiċi jistgħu jkomplu jibnu malajr fuq dawk li ħallew ta’ warajhom, mentri l-imdemmija jridu jitilqu mill-ġdid.2. Il-mewt, li saret inevitabbli, tal-Kurunell Muammar Ghaddafi tul l-aħħar ġimgħa trid tinqara’ fid-dawl ta’ din il-perspettiva. Ladarba tibda r-rivoluzzjoni, diffiċli żżommha lura billi tipprova tifga’ fid-demm. Hekk ġara. Ma hemmx dubju li dak il-poplu Libjan iħossu liberat fl-istess ħin minn żewġ sitwazzjonijiet li żviluppaw. L-ewwel: il-ħelsien minn reġim awtoritarju li uħud gawdew miegħu mentri oħrajn taħtu sofrew bl-ikrah. It-tieni: il-liberazzjoni mill-ġlied imdemmi li kien iġib il-mewt mhux lill-ħżiena biss, imma lil kulħadd. Il-balal u l-sparar ma jirraġunawx – jolqtu u joqtlu.
3. Dan il-poplu Libjan għandu ħafna quddiemu għalxiex jaħdem. Ser ikollu l-appoġġ sħiħ tagħna, però hu jrid jipprepara, jaqdef u jaħdem sabiex jibdel dak li wiret illum. Ma hemmx dubju li l-ġlieda prinċipali tiegħu ser tkun waħda kulturali. Kif tibdel ir-rapport mal-poter minn wieħed ta’ dipendenza u serviliżmu għal soċjetà demokratika. Il-bini tal-istituzzjonijiet demokratiċi mhux ser isir mil-lejl għan-nar. Ma jistax u ma għandux anqas jiġi impost, imma assistit. L-istrutturi preżenti għandhom toroq twal biex jinbidlu għax fl-aħħar erbgħin sena baqgħu mwaħħlin, weqfin.
4. Pajjiżna ilu jagħraf ir-realtà Libjana f’sitwazzjonijiet varji. Mexxa min mexxa, hawn u hemm kien hemm rabtiet, rapporti diplomatiċi u kummerċjali skont kif u kemm il-persuni direttament involuti riedu. Minn mumenti ta’ normalità kellna dawk strambi. Bħal meta rajna d–dħul tal-lingwa Għarbija fl-iskejjel tagħna bilfors jew meta kellna mblukkar għat-tfittxija taż-żejt. Pajjiżna però, żamm l-indipendenza sħiħa tiegħu, anke meta kien ikun hemm messaġġi ċari minn dak ir-reġim li m’huwiex jieħu gost b’dak li qed nagħmlu aħna. Xorta saru da parti tagħna, anke jekk kellna mewġ ta’ bnedmin mibgħuta lejna biex jipprovaw iġibuna f’xi forma ta’ kriżi. Illum aħna nafu li kif ried juża din l-arma mat-Taljani, użaha magħna wkoll. Aġir mill-iktar kundannabbli fuq il-livell uman u fir-rapporti politiċi magħna.
5. L-aġir tar-reġim ta’ Ghaddafi sawwar diffikultajiet kbar, però llum għandna quddiemna xenarju kompletament differenti. Il-Partit Nazzjonalista kien ferm iktar progressiv u kuraġġuż fil-ġlieda li seħħet din is-sena. Il-Partit Laburista kien fuq in-naħa l-oħra, ferm u ferm iktar kawt u lura. Ma ħassx jew ma għarafx biżżejjed li l-poplu kien xeba’ mir-reġim. Forsi deherna li konna qed nissugraw, biss fir-realtà konna qed inkunu veritieri mal-prinċipji li għandna mnaqqxa f’qalba: l-libertà, il-ġustizzja u d-demokrazija. Ma stajniex immorru lura minn dak li dejjem sostnejna: “Is-sewwa (verament idum imma) jirbaħ żgur”.
6. Ma jiddispjaċini xejn mill-kontribut li tajna sabiex ikun hemm futur differenti. Pajjiżna mexa kif kellu. Ma ħasilx idejh imma ħa ħsieb li jibda jibni l-pedament ta’ kapitolu ġdid. Ir-rapporti mal-memorja preżenti ta’ dak il-pajjiż bnejnihom mertu tal-kuraġġ, id-determinazzjoni u viżjoni tal-Prim Ministru. Hemm rabtiet personali bażati fuq il-prinċipji tad-demokrazija, mhux tad-dittatura. Fix-xhur li ġejjin, pajjiżna jrid ikun ippreparat biex jieħu l-opportunitajiet il-ġodda sew. Dawn jistgħu jsiru ferm aħjar minna li bnejna din ir-rabta. Kapitolu ġdid infetaħ beraħ. Nagħmlu ħilitna sabiex nibnuh tajjeb.
Subscribe to:
Posts (Atom)
ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET
35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
-
12444. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...