Showing posts with label Qorti. Show all posts
Showing posts with label Qorti. Show all posts

18.6.12

Il-bidla kulturali

L-Imħallef Robert Mangion. Ritratt: timesofmalta.com
1.    Ħadt pjaċir tul din il-ġimgħa nara żewġ Imħallfin ġodda jibdew il-ħidma tagħhom fil-qrati tagħna.  Ix-xogħol ta’ ġudikant, fih innifsu, m’huwiex faċli.  Il-liġi tkun tafha, issir parti minnek, però li wara ssib lilek innifsek mhux li tiddefendi parti imma li trid tiġġudika fuq l-oħrajn mhix sempliċi.  Li tagħraf min qiegħed jgħid il-verità mill-komportament tiegħu, mis-sustanza ta’ dak li jintqal minn diversi punti oħra fih x’wieħed jomgħod.  Mhux biss, imma l-iktar diffiċli u impenjattiv hu li tagħraf fejn hi s-sewwa, li titlaq il-bilanċ tal-ġustizzja ġewwa fik biex tiddeċiedi kif għandek.

2.    Il-ħidma ta’ persuna li trid tamministra l-ġustizzja mhix faċli u qegħda taħt l-iskrutinju tal-partijiet.  Kull min huwa midħla tal-qrati jagħraf li ma’ kull każ, parti tista’ toħroġ sodisfatta u l-oħra le.  Ftit huma dawk li meta l-każ jinqata’ kontra tagħhom jesprimu rikonoxximent.  Għalhekk, il-piż u r-responsabbiltà umana u istituzzjonali, jikbru.  Kull persuna tista’ tagħti ġustizzja umana, però taf li min qiegħed quddiemha f’kawża, ġustizzja perfettissima jrid u jippretendi.  Il-pressjoni hi verament qawwija u kull min jaħdem hemm jaf li dan hu post xejn komdu, mimli b’kumplikazzjonijiet u intoppi varji.

3.    Li tkun persuna li għexet u ħadmet fit-tul ġewwa l-qorti tgħin sabiex tifhem l-atmosfera u l-mekkaniżmi li hemm li ma jidhrux.  Meta xi ħadd minn barra jersaq jaħseb li hemm xi soluzzjoni faċli għal dak li kuljum ikun qed jiġri hemm ġew, ikun qiegħed jiżbalja.  Kull pass jew miżura trid issir b’attenzjoni u mhux bl-għaġġla, fejn dak li jkun qiegħed isir jiġi perċeput bħala impożizzjoni.  Diversi miżuri li ntroduċejt ġewwa s-sistema ġudizzjarja kellhom risposti varji.  Uħud ġew użati mill-ewwel b’faċilità, oħrajn ferm inqas.  Il-kejl mhux tant f’dak li qiegħed isir imma f’kemm minnu qiegħed jaħdem, l-operaturi legali kemm huma lesti li jutilizzawh.  Iridu jkunu konvinti huma wkoll, inkella dak li jsir hemm jibqa’.

4.    L-għodda legali tista’ tidher għal uħud bħala drakonjana jew ta’ barra mis-soltu, però almenu diġà qegħda hemm.  Diġà qegħda f’postha, preparata għall-futur meta l-kultura tinbidel.  Il-kultura legali hija, diversi drabi, il-barriera li ma tippermettix ċaqliq ‘il quddiem.  Hemm ċerta reżistenza li tiġi separata fiż-żmien.  Artikolu, mekkaniżmu legali ġdid li jkun hemm fil-Kodiċijiet u l-liġijiet tagħna jista’ jitħalla rieqed u mhux użat, sakemm il-klassi legali tiddeċiedi li tibda tħaddmu.  L-importanti hu li dan diġà qiegħed f’postu għad-dispożizzjoni futura ta’ min irid jagħmel użu minnu.

5.    Dan huwa proċess normali f’kull sistema ġuridika mad-dinja.  Ma jsirx tibdil drastiku imma wieħed gradwali.  Ħadt pjaċir fuq dan naqra l-analiżi tal-Imħallef Robert Mangion, li għandu snin ta’ prattika sew dwar dak li sar ġewwa l-qrati fl-aħħar snin u dak li qiegħed iressaq għall-konsiderazzjoni.  Dan huwa minnu nnifsu proċess salutari.  Mument ta’ riflessjoni għal min ħadem sew fil-qrati u issa ser jibda l-ħidma fil-Ġudikatura.  Ħsieb fuq dak li għadda, preparazzjoni għal dak li ġej.  Smajt, fil-karriera tiegħi, diversi diskorsi magħmula f’dik l-okkażjoni u ma nistax ma ngħidx li qed nara dejjem iktar kuraġġ u determinazzjoni sabiex l-amministrazzjoni tal-ġustizzja tinbidel dejjem għall-aħjar.

6.    Mid-diversi punti li ġustament tqajmu, rajt enfasi mogħtija lill-medjazzjoni.  Pajjiżna ra l-introduzzjoni ta’ dan il-mekkaniżmu ftit snin ilu, meta ġie fis-seħħ b’liġi li ressaqt u li permezz tagħha twaqqaf iċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għal Malta.  Il-medjazzjoni hija mekkaniżmu legali li jippermetti lill-partijiet fi kwistjoni legali jaslu fi ftehim, minflok jgħaddu mit-triq ta’ kawża.  Dan diġà qiegħed parti mil-liġi tagħna.  Sistemi legali oħra għad iridu jdaħħluh.  Li hemm bżonn huwa li jsir użu minnu.  Użu intelliġenti billi l-qorti tagħraf li għandha tara liema huma l-każijiet li jistgħu jiġu konklużi bi ftehim u dawk li tant huma mimlija truf u kkumplikati li ftehim huwa impossibbli.  Żgur mhux forsi, huwa salutari u ta’ avvanz għas-sistema tagħna li aktar ġudikanti qed jagħrfu li l-kultura legali trid tinbidel sabiex is-sistema legali tagħna tkompli tavvanza.

21.12.11

Il-ġid tal-medjazzjoni – tmien snin wara

Dan l-artikolu deher fil-ġurnal in-Nazzjon nhar il-Ġimgħa 16 ta' Diċembru 2011

1.    Illum il-ġurnata, ix-xenarju legali f’pajjiżna nbidel sew minn dak li kien ftit tas-snin ilu.  Saru diversi riformi ġewwa l-Qorti, li nbdew b’determinazzjoni u b’kuraġġ mill-Ministru Austin Gatt u li jien ippruvajt inkompli warajh.  F’dawn is-snin saru tibdiliet kostanti fil-Kodiċi ta’ Organizzazzjoni u Proċedura Ċivili li permezz tagħhom tħaffu l-kawżi u naqsu dawk li kienu pendenti.  Dan sar prinċiparjament bl-introduzzjoni ta’ ġurisdizzjoni aqwa għat-Tribunal għal Talbiet Żgħar u għall-Qrati tal-Maġistrati, l-ittra uffiċjali eżekuttiva, it-tibdil mill-formula l-antika taċ-ċitazzjoni għar-rikors ġuramentat, ir-riforma mill-qiegħ tal-mandati eżekuttivi u kawtelatorji, it-twaqqif taċ-Ċentru tal-Medjazzjoni għal Maltau u l-issudar taċ-Ċentru tal-Arbitraġġ.  Però l-ewwel pass kien dak tal-Qorti tal-Familja.

2.    Meta nħares lura nara kemm sar xogħol.  Xogħol li qiegħed jagħti l-frott, li però ma nkitibx biżżejjed dwar kemm sar ġid minnu.  Ir-realtà politika però hi li meta ma tiktibx, l-Oppożizzjoni tkun ittantata tgħid li ma sar xejn jew tipprova tkerrah dak li jkun diġà sar.  Oppożizzjoni li kienet għamlet minn kollox biex tkisser u tmaqdar li però, wara ċertu snin sibt uħud minn dawk li għamlu hekk, ifaħħru. Ngħid dan għax nagħraf li, sfortunatament, għadu jsir tmaqdir dwar l-operat tal-Qorti tal-Familja meta tul dawn l-aħħar kważi tmien snin sar xogħol kbir li għen lil diversi koppji li sabu d-diffikultajiet fiż-żwieġ tagħhom.

3.    Fis-16 ta’ Diċembru 2003 ġiet fis-seħħ il-Qorti tal-Familja, li kienet ilha tiġi dibattuta snin qabel ma jien dħalt f’dan il-Ministeru.  Kelli x-xorti li nġib ‘il quddiem u nikkonkludi dak li ħaddieħor kien jikteb dwaru fil-gazzetti.  Sibt ħafna xogħol preparatorju lest, però ma kienx faċli twasslu sal-aħħar.  Il-kunċett ta’ din il-Qorti nbena fuq il-medjazzjoni - servizz li jingħata minn persuna li tagħti attenzjoni lejn il-problemi tal-partijiet u tipprova twassalhom sabiex jiftehmu jew billi jmorru lura jew li jaqblu fuq kuntratt ta’ separazzjoni.  Daħħalna numru ta’ prinċipji f’dan, bħal dak li l-medjazzjoni huwa dritt tal-partijiet u mhux jiġi mogħti skont id-deċiżjoni ta’ ħaddieħor; li l-ħlas għas-servizz tal-medjazzjoni jiġi offrut b’xejn; li l-Istat jagħti importanza lill-koppja billi jibqa’ jżomm kollox taħt is-sorveljanza tal-Qorti u mhux issir proċedura amministrattiva u li tkun limitata lill-koppji li għandhom il-flus imma li tingħata lil kulħadd.  Mhux biss, imma introduċejna dan il-kunċett għal dawk li huma diġà separati fejn iridu jipproċedu b’tibdil fil-kuntratt minflok kawża, kif ukoll bejn koppji mhux miżżewġa għar-rigward il-kura u l-kustodja tal-ulied imwielda mir-relazzjoni tagħhom.

4.    Il-medjazzjoni kellha diffikultajiet fil-bidu, imma biċċa biċċa qabdet u daħlet.  L-iktar pass importanti kien li assigurat li l-Qorti, permezz tal-medjaturi, setgħet tiddedika iktar ħin għall-kawżi minn qabel.  Dan għax is-sistema qabel kienet li kont tidher quddiem Imħallef mill-ewwel u hu kien jibgħat lill-partijiet biex jibdew il-proċeduri ta’ kawża.  Il-volum kien kbir wisq u kien hemm sitwazzjoni fejn jekk parti jew l-avukat tagħha ma jkunx preżenti, għal xi raġuni l-konsegwenzi ma kienux ikunu dejjem tajba.  Proprju minħabba f’hekk li nħass il-bżonn li s-sistema tinbidel.  Għalhekk, flok nofs siegħa li setgħet tingħata qabel, f’dawn is-snin il-medjaturi taw ferm iktar ħin.

5.    Tul dawn l-aħħar snin, sa’ Settembru ta’ din is-sena saru madwar 11,000 talba għall-medjazzjoni għal raġunijiet varji li minnhom, madwar 8,000 kienu għal separazzjoni li terġa’, 1,500 minnhom kienu ta’ koppji li applikaw iktar minn darba.  F’dawn il-każijiet li ngħalqu, ir-riżultati huma li kważi nofs dawn il-partijiet għamlu kuntratt ta’ separazzjoni bonarja u għalhekk ħarbu d-diffikultajiet ta’ kawża ċivili bl-ispejjeż u ż-żmien tagħha.  Kważi 15% għażlu li ma jkomplux bil-proċeduri ta’ separazzjoni.  Dan ifisser li l-medjazzjoni serviet ta’ ġid mill-ewwel lil 65% (fi snin kwazi 70%) tal-koppji.

6.    Mhux biss, imma anke l-każijiet fejn il-partijiet ma waslux matul il-medjazzjoni u għamlu kawża, dak il-proċess servihom ukoll sabiex uħud ftehmu aktar tard.  Irrid nagħti ħajr lid-diversi medjaturi li ħadmu u għadhom jaħdmu b’impenn u b’dedikazzjoni f’din il-Qorti.  Dawn il-persuni jixirqilhom it-tifħir tagħna għall-mod verament tajjeb li permezz tiegħu jgħinu lill-partijiet.  Naf b’ħafna każijiet fejn, bil-medjazzjoni, il-koppji nfushom fehmu aħjar dak li kienu deħlin għalih u sabu għajnuna, assistenza u pariri tajba.  F’dawn is-snin inbniet esperjenza li minnha s-soċjetà qegħda tieħu benefiċċju kbir u huwa żbaljat min jaħseb li l-medjazzjoni għandha titneħħa.

7.    Fil-Qorti tal-Familja ma hemmx biss il-medjazzjoni fis-separazzjoni.  Hemm ukoll ħidma oħra li ssir mal-kawżi tal-annullament, dawk marbuta mal-paternità (meta jsiru kawżi sabiex jiġi dikjarat min huwa missier il-wild) u diversi suġġetti oħra marbuta mal-familja.  Mhux biss, imma hemm ukoll l-aspett tal-Qorti fil-kamp penali fejn jitressqu każijiet marbuta man-nuqqas ta’ ħlas tal-manteniment jew meta parti tonqos milli tobdi l-ordni tal-Qorti fl-aċċess tal-ulied.  Biss, wara dan iż-żmien hemm lok ta’ emendi li jkomplu jibdlu għall-aħjar u jwieġbu għat-tibdiliet li s-soċjetà tagħna qegħda tgħaddi minnhom illum, li nittama li tul is-sena li ġejja nagħmluhom ukoll.

8.    F’dan il-proċess sibt assistenza varja, fosthom b’iktar prominenza mill-Kumitat għall-Affarijiet Soċjali, mmexxi mill-Onor. Edwin Vassallo, li għamel ħafna xogħol.  Mill-aħħar tas-sena l-oħra qbadt numru ta’ punti li jridu jiġu mibdula u li ġew identifikati wara laqgħa twila li saret ma’ kull min hu involut fis-settur.  Però r-referendum u d-dħul tal-liġi tad-divorzju ukoll biddlu s-sitwazzjoni.  Għalhekk fil-preżent qed naraw x’kien l-impatt ta’ dik il-liġi fi tlett xhur biex nimxu minn hemm.  Fortunatament però, il-medjazzjoni mhux talli ma neħħejnihiex talli ġiet rikonoxxuta sija fid-dibattitu parlamentari minn diversi membri, kif ukoll fil-liġi tad-divorzju bħala pass li m’għandniex immorru lura minnu.  Il-medjazzjoni fil-Qorti tal-Familja illum tagħlaq tmien snin li saret u m’hemmx dubju li, l-ewwel, għamlet il-ġid, u t-tieni li għandha tibqa’ hemm.  Ikun żbaljat min jipprova jneħħiha u jimxi tajjeb min ikompli jissudaha.

7.11.11

Tibdil fil-liġi

1.    Il-proċess li permezz tiegħu nbidlu l-liġijiet, tul din l-amministrazzjoni, kien u għadu wieħed kontinwu.  Kull ministeru ħa, u għadu qiegħed jieħu ħsieb, iressaq fil-Parlament tagħna liġijiet li permezz tagħhom jiġu mibdula u riformati diversi setturi.  Anke dak li jien immexxi preżentement żamm ritmu li, biċċa biċċa, qiegħed ikompli jaħdem sabiex jagħmel il-bidliet li jħoss neċessarji.  Żammejna quddiemna l-bżonn li naħdmu b’għaqal u naraw l-esperjenzi varji biex kemm jista’ jkun dak li jkun qiegħed isir imexxi l-progress soċjali u ekonomiku tal-pajjiż fil-valur tal-ġustizzja.

2.    Ċerti tibdiliet jistgħu jidhru faċli, oħrajn insensittivi u oħrajn impossibbli, però r-realtà hija li saru b’paċenzja u attenzjoni għad-dettall.  B’dan il-proċess, li jibqa’ dejjem iħares lejn l-uman, f’dawn l-aħħar snin inbidlu diversi setturi.  Uħud wasslu għal riżultati immedjati, oħrajn ħadu l-ħin tagħhom.  L-iktar importanti hu dejjem li wieħed ma jaqtax qalbu u jibqa’ jipprova jasal biex isib soluzzjoni.  B’dan l-għan ukoll, f’dawn il-jiem ser jiġi pubblikat abbozz ta’ liġi ieħor li permezz tiegħu ser jiġu introdotti numru ta’ emendi fil-Kodiċi Ċivili.

3.    Settur li numru ta’ drabi jsib lilu nnifsu fil-gazzetti huwa dak marbut ma’ kawżi ċivili li jsiru fil-Qorti tal-Familja biex jiġu identifikati jew dikjarati legalment persuni bħala l-missirijiet bioloġiċi tal-ulied.  F’din il-Qorti jiġu ppreżentati varjetà ta’ każijiet.  Xi drabi jsiru mill-ġenituri – daqqa mill-mara, daqqa mir-raġel fiż-żwieġ, daqqa mill-missier bioloġiku u xi drabi mill-istess ulied.  Fil-passat, il-prova f’dawn il-kawżi kienet tiddependi fuq fatti esterni, xhieda u provi diretti u indiretti li mhux dejjem kienu jippermettu ġudizzju ċar.  Fil-fatt kien magħruf li anke jekk kien hemm xi indikazzjoni, ħafna drabi l-każijiet fil-Qorti kienu jibqgħu ma jsirux.

4.    F’dawn l-aħħar snin, ix-xjenza moderna avvanzat ħafna.  Permezz tat-teħid ta’ kampjuni tad-DNA, fix-xjenza deoxyribionucleic-acid, dan is-settur inbidel ta’ taħt fuq.  Filwaqt li l-iktar viċin li kellna kien it-teħid ta’ kampjuni tad-demm, li kienu għenu, biss kien magħruf li ma kellhomx ċertezza ħlief f’każijiet uniċi.  Illum, b’dan il-proċess hemm b’mod mill-iktar ċert li l-prova tar-rabta tad-demm bejn il-ġenitur bioloġiku u l-ulied.  Mhux biss dan, imma l-pendlu tal-importanza ta’ dak li s-soċjetà trid tikseb permezz tal-liġi nbidel ukoll.  Għamilna żmien li fih kien hemm iktar interess li titħares il-familja u l-preferenza kienet li, kemm jista’ jkun, ulied imwielda fiż-żwieġ jibqgħu hemm.  Dan illum inbidel ukoll – l-interess inqaleb għal fuq id-dritt li l-ulied ikunu jafu min huma l-ġenituri tagħhom.

5.    F’dawn l-aħħar ħames snin, fil-Qorti tal-Familja daħlu madwar 365 każ ġdid marbuta ma’ dawn it-talbiet.  Ovvjament, l-użu tal-eżamijiet xjentifiċi tad-DNA għamlu differenza, speċjalment fejn il-partijiet jaqblu li jgħaddu kampjuni mingħajr diffikultà.  Hemm il-kawża tintrabat u ssib mod iktar espedjenti biex tiġi magħluqa billi tiġi stabbilita b’mod ċar min huwa min.  Is-sena li għaddiet għamilna numru ta’ emendi fil-Kodiċi li permezz tagħhom estendejna ż-żmien li fih tista’ tiġi talba fuq dan is-suġġett, kif ukoll li tajna l-possibilità li l-proċeduri jsiru minn kull min għandu interess u neħħejna artikolu li kien jistabbilixxi li dak li tgħid il-mara m’għandux piż fil-prova f’kawża.

6.    Bqajna lura sabiex nistudjaw aktar fit-tul artikolu partikolari.  Illum il-Qorti għandha, f’dawn il-kawżi, sitwazzjoni fejn ma tistax iġġiegħel lill-partijiet li jagħtu kampjuni.  Il-Qorti tista’ tistieden u wara tasal għall-konklużjonijiet tagħha u għalhekk, fil-każ ta’ min ma jagħtihx, il-Qorti jkollha diffikultà biex tasal għal konklużjoni.  Fil-Ġermanja, b’mod partikolari, is-sitwazzjoni hija differenti.  Hemmhekk il-qorti għandha d-dritt li tordna li kampjuni jiġu meħuda.  Dan ifisser li dawn il-każijiet jistgħu jiġu deċiżi iktar malajr u dan fl-interess tal-ulied involuti.  Bis-sistema tagħna għandna numru ta’ persuni li jibqgħu mdendlin fin-nofs.  Jafu li huma ulied ta’ persuna imma m’għandhomx dan f’ċertifikat tat-twelid.  Għalhekk, f’dan l-abbozz ta’ liġi ser nipproponu fil-Parlament li s-sitwazzjoni tiġi mibdula u l-Qorti tingħata l-fakultà li tordna.  Dan għandu jġib tibdil ieħor fis-soċjetà.  Ċert li ser ikun hemm dibattitu sod u b’saħħtu fuq dan il-punt.

3.11.11

Il-vittmi tar-reat

1.    Għadni nemmen li l-proċess legali li jsir ġewwa l-qorti ta’ ġurisdizzjoni kriminali għandu jkompli jissoda l-pożizzjoni tal-persuna li tkun sofriet minn delitt.  Tul dawn is-snin saru numru ta’ emendi li permezz tagħhom il-vittma tar-reat ingħatat iktar sehem importanti.  Sehem determinanti kif denjament jixirqilha.  Forsi fi żminijiet oħra il-ħsieb kien li l-vittma kienet tkun biss xhud li mhux neċessarjament hemm bżonnha, speċjalment meta l-akkużat jammetti fil-bidu.  Illum il-vittma għandha dritt li tkun preżenti, flimkien mal-avukat tal-fiduċja tagħha ssegwi, tistaqsi u tressaq il-każ tagħha direttament.  Dan biddel il-kunċett tal-proċess minn kif kien mitt sena ilu.

2.    Illum il-pożizzjoni komplejna mmexxuha ‘l quddiem u l-persuna li sofriet ħsara f’reat għandha issa d-dritt li titlob li l-qorti, fis-sentenza tagħha, tiddeċiedi kemm għandha tiġi mħallsa mill-persuna li nstabet ħatja.  Daħħalna fil-Kodiċi Kriminali li f’ġudizzju wieħed ikun hemm deċiż il-ħtija u l-ħlas tad-danni lill-vittma tar-reat.  Dan sar sabiex titnaqqas it-tbatija u titneħħa kemm jista’ jkun id-diffikultà li wara li jkun hemm ir-reat, il-vittma trid tiftaħ hi għal rasha kawża ċivili oħra.  Naf b’diversi persuni li spċċaw abbandunaw kollox għax ma ridux jerġgħu jitilgħu l-qorti ma’ min sawwathom u għamlilhom il-ħsara.

3.    Hemm żewġ effetti iebsa li jmissu lill-vittmi tar-reat: l-ewwel u ovvjament, id-dwejjaq, atrit u xi drabi wkoll id-dipressjoni, li joħorġu mir-reat innifsu; it-tieni (mhux dejjem ovvju għal min jipprattika fil-qrati) id-diffikultajiet, it-taqtiegħ il-qalb u t-tensjoni li jiġu mal-fatt li l-vittmi jridu jerġgħu jgħidu x’ġara, jerġgħu jgħixu l-mument u jsibu lilhom infushom mistoqsija hekk li xi drabi jsiru qisu kienu huma l-persuni li wettqu r-reat.  Il-vittimizzazzjoni sekondarja hija fejn nistgħu naħdmu aktar sabiex innaqqsu minn dik is-sofferenza li l-vittmi jgħaddu minnha speċjalment meta ma jkunx hemm attenzjoni u sensittività għalihom.  F’din il-linja, tul dawn l-aħħar tlett snin ħdimna fuq żewġ livelli sabiex nimxu aktar maż-żminijiet u nagħtu ferm iktar strumenti u mekkaniżmi legali sabiex nissudaw lill-vittmi.

4.    Din il-ħidma saret fuq livell nazzjonali u fuq dak tal-Unjoni Ewropea.  F’pajjiżna għamilna passi kbar ‘il quddiem fl-abbozz ta’ liġi dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.  Dan il-pass legali sar b’kawtela u attenzjoni sabiex nassiguraw kemm jista’ jkun li aktar persuni jagħtu sehemhom u jkunu ppreparati għall-impatt tagħha.  Bidliet fil-kultura fil-mekkaniżmi legali u fl-aspetti amministrattivi huma mistennija li jidħlu u għalhekk dan irid ikollu xogħol preparatorju li diġà dħalna għalih u ser inkompluh.  L-iktar parti importanti għalina hija dik marbuta mal-attenzjoni li għandna nagħtu lill-vittmi tar-reat issa, mhux fil-kwistjoni biss ta’ tul il-proċess kriminali, imma wara, meta l-imputat ikun instab ħati u kkundannat għall-ħabs.

5.    Jekk kollox jibqa’ sejjer kif għandu, lejn l-aħħar tas-sena nkunu nistgħu nippubblikaw ukoll il-lista tas-servizzi u drittijiet li l-vittma tar-reat għandha tistenna mill-Istat Malti.  Hawn qed indaħħlu kunċetti ġodda bħal drittijiet ta’ informazzjoni, ta’ medjazzjoni u ta’ assistenza li qabel ma kienx hemm.  Dan huwa pass importanti li nittama li nistgħu nkomplu nibnu fuqu.  Biss, dan m’huwiex biżżejjed għalina, speċjalment meta wieħed iħares lejn dak li ntlaħaq minn pajjiżi oħra.

6.    Kien għalhekk li diversi drabi ressaqt ‘il quddiem il-bżonn, speċjalment fil-Kunsilli Informali ta’ kull Presidenza Ewropea, li jkollna dokument tal-Unjoni Ewropea li jopera u jaħdem mas-sebgħa u għoxrin Stat Membru.  Fortunatament din is-sena, fit-18 ta’ Mejju 2011, tressqet għall-ewwel darba proposta għal Direttiva tal-Parlament u tal-Kunsill biex jiġu stabbiliti “minimum standards on the rights, support and protection of victims of crime”.  Din il-proposta ħadet passi kbar oħra li għandhom ikomplu jżidu fil-kontenut.  Diġà mxejna ‘l quddiem, però għad fadal x’jiġi diskuss u l-proċess legali Ewropew jieħu ż-żmien tiegħu.  Aħna naraw dan il-pass bħala wieħed determinanti għax permess tiegħu għandna nkomplu nwieġbu għar-realtà tal-lum li tħares li tagħti dinjità u assistenza ikbar lil min jgħaddi minn din l-esperjenza negattiva.  Determinanti li s-sena li ġejja l-Parlament ikollu quddiemu abbozz ta’ liġi fuq dan.

2.11.11

L-impatt fuq is-sistema

1.    Fil-bidu ta’ Ottubru, wara li l-Parlament f’Lulju kien approvah, daħal fis-sistema legali tagħna l-kunċett tad-divorzju.  Mhux ser nidħol fil-merti jew fid-demerti ta’ dan.  Dak sar qabel u wara r-referendum.  Illum il-poplu ddeċieda u l-maġġoranza tal-membri tal-Kamra ttrasformaw dan f’liġi.  Liġi li bdiet tiġi applikata fl-ewwel xahar tagħha, fil-Qrati tagħna, minn diversi persuni.  Diġà hemm ukoll każijiet li ġew preżentati u oħrajn li ġew jew waslu biex jiġu deċiżi.  Is-sistema bdiet taħdem u minn hawn ser naraw il-vantaġġi u l-iżvantaġġi legali tagħha.

2.    Fil-liġi li ġiet approvata hemm, mingħajr ma nkun dettaljat, bażikament erba’ toroq li fihom jidħol fin-nofs id-divorzju.  Hemm, l-ewwel, talba li ssir minn parti waħda, fejn jingħad li l-partijiet ilhom mifruda erba’ snin; it-tieni, talba li ssir miż-żewġ partijiet fiż-żwieġ fejn jaqblu li ilhom mifruda; it-tielet talba ssir billi f’kawża ta’ separazzjoni li hija diġà preżentata u pendenti quddiem il-Qorti tiżdied magħha t-talba għal divorzju u r-raba’, meta parti jew oħra tkun trid tibda l-proċess tad-divorzju billi jmorru l-ewwel fil-medjazzjoni u wara f’kawża.  Għalhekk quddiem il-Qorti daħlu każijiet varji f’dawn it-toroq legali.

3.    Fil-preżent, il-volum tax-xogħol m’huwiex wieħed għoli u dan għal żewġ raġunijiet.  L-ewwel il-kwantità, in-numri għadhom baxxi u t-tieni, l-konċentrazzjoni tal-każijiet huma marbuta ma’ jew talbiet fejn parti trid tiddivorzja u l-oħra le u dawk fejn jaqblu t-tnejn fiż-żewġ każijiet għax għamlu erba’ snin separati.  Dawn il-każijiet, fil-maġġoranza tagħhom m’għandhomx ikunu daqshekk ikkumplikati u għalhekk m’għandhomx l-istess sitwazzjoni bħal dik  f’kawża normali ta’ separazzjoni.  Apparti dan daħlu wkoll numru li rikbu fuq kawża ta’ separazzjoni li hija diġà pendenti u dawn ukoll mhux ser iżidu fil-volum tax-xogħol legali billi l-kawża hija mibnija.  Huma dawk li jmorru għall-medjazzjoni li wieħed jista’ jara li jista’ jkollhom impatt fit-tul.

4.    Issa, matul ix-xhur tas-sajf kien hemm min ħaseb li fl-ewwel perjodu kien ser ikun hemm kwantità kbira ta’ każijiet.  Saret kritika u kien hemm min ipprova jmaqdar is-sistema tal-Qorti tal-Familja u fl-istess ħin ipprova jargumenta li l-kawżi ser idumu għax ma hemmx min jieħu ħsiebhom.  F’dan il-perjodu ma ħassejtx li għandi nikkummenta pubblikament proprju għax hu diffiċli li wieħed jipprevedi x’ser jiġri fil-futur.  Ħadt ħsieb li l-amministrazzjoni tkun ippreparata, issegwi jum b’jum sabiex tieħu l-miżuri li jkun hemm bżonn.  Dan għax ir-riżorsi tal-Istat iridu jiġu użati tajjeb u b’mod bilanċjat.  Id-divorzju huwa ġdid, huwa parti mis-sistema u allura jrid jitħaddem però daqshekk ieħor il-każijiet l-oħra jridu jiġu ttrattati bl-istess sforz.

5.    Żammejt din il-pożizzjoni wkoll għax kelli min jiġbidli l-attenzjoni għall-istatistika li wriet li l-kawżi tal-annullament, li huma kkumplikati u jridu aktar il-ħin tal-Qorti, naqsu.  Mis-soltu mitejn, daħlu madwar sebgħin.  Mhux biss, imma anke l-każijiet li ssoltu jmorru quddiem il-medjaturi raw ukoll tnaqqis, prinċipalment fil-każijiet fejn il-partijiet jippreżentaw abbozz ta’ kuntratt ta’ nutar.  Dawn, minn bejn wieħed u ieħor 450 każ niżlu għal 200 każ.  Apparti dan, fuq in-naħa l-oħra rajt li hemm ukoll il-kwantità ta’ kawżi li ġew terminati f’kemm ilha li daħlet fis-seħħ il-Qorti tal-Familja, sija dawk ta’ annullament, kif ukoll ta’ separazzjoni u ma’ dawn id-diversi każijiet ta’ medjazzjoni li ngħalqu tul is-snin, b’din is-sena 1,117 ġew konklużi sal-aħħar ta’ Settembru.  Ma’ dawn baqgħu jiġu deċiżi b’ritmu kostanti l-kwantità kbira ta’ rikorsi li jidħlu l-ħin kollu fuq kwistjonijiet ta’ manteniment, kura u kustodja u aċċess għall-minuri.  Għalhekk għalkemm id-diskors seta’ juri mod, il-fatti kienu u preżentement huma differenti.

6.    Il-pożizzjoni llum hija waħda li tindika li l-biżgħat li ntwerew u l-kritika li saret matul is-sajf fuq ħidmitna ma seħħewx.  Il-kawtela sarrfet sabiex ma niġrux u nagħmlu passi li flok jgħinu, jfixklu.  Daqstant ieħor bl-attenzjoni u l-kawtela neċessarja, s-settur partikolari jibqa’ taħt għajnejna sabiex naraw x’qiegħed jiġri.  Nemmnu li kull ġudizzju huwa prematur u rridu nħallu almenu iktar żmien biex nifhmu.  Dan aktar u aktar meta għandek, l-ewwel, il-fattur tal-impatt attwali fuq kif dak li sar fil-liġi ser attwalment jaħdem u jitħaddem; u t-tieni, sabiex wieħed jara l-Kumitat imwaqqaf fil-liġi, li għandu fuqu d-dmir li jibdel, x’emendi ġodda sejjer jagħmel.  Hu x’inhu, għall-ġid tas-sistema legali kollha kemm hi, wieħed għandu jara l-impatt tagħha u jaħrab milli jipprova jġibha ballun politiku.





ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...