1. Forsi stennejt ħafna minn dak li għamel il-Partit Laburista fl-aħħar jiem, li ġie minnhom imsejjaħ “Kungress”. Stennejt ferm iktar sustanza, iktar ideat ġodda, iktar promoturi ġodda, imma dan ma stajtx insibu. Jista’ jkun li qegħdin hemm, midfuna f’xi rokna mingħajr ħafna nifs, imma minkejja l-isforzi ta’ riklami politiċi tipiċi, dawn baqgħu ma ħarġux. Minflok, għal darb’oħra, ħadt l-impressjoni qawwija li qiegħed nerġa’ nassisti għall-eżerċizzju orkestrat ta’ propaganda. Kungress, minn ismu stess, jitlob diskussjoni vera, spontanja u ħajja. Jitlob dibattitu, djalogu, qsim u nuqqas ta’ qbil fl-ideat u l-proposti. Minflok, smajna u rajna diversi monologi. Kull parti tgħid tagħha. La taf jekk hijiex opinjoni ġenwina lanqas jekk hix kitba diġà preparata. Żgur mhux forsi, il-passi jibgħu preżenti iħarsu lura lejn kemm, fl-opinjoni żbaljata tagħhom, kienu tajba taħt is-soċjaliżmu meta kollox kien f’idhom.
2. Ma hemmx dubju li, għażlu l-istess ġimgħa li fiha l-Partit Nazzjonalista għal dawn l-aħħar snin ilu jiċċelebra fiha l-festi tal-Indipendenza, biex jippruvaw jimitawna. Biss, ilkoll nafu li imitazzjoni qatt ma hija oriġinali. Tista’ tersaq viċin mill-bogħod, imma meta tkun wiċċ’imb wiċċ magħha, tara d-differenza. Il-ħsieb tal-kbar strateġi tal-Partit Laburista, fir-realtà ma kienx dak ta’ preparazzjoni ta’ dokument politiku, imma sempliċi diviżjoni tal-attenzjoni pubblika. Anzi, prinċipalment li l-elettorat Laburista jkollu x’jagħmel u ma jiġix “ittantat” jaqa’ li jisma’ u jsegwi dak li jkun għaddej fid-diskussjonijiet li jsiru mill-Partit Nazzjonalista. Ippruvaw jagħmlu xi ħaġa bħal tagħna, li jimitawna, iżda minn dak li rajt, ma rnexxilhomx.
3. Il-mużika politika m’hi monopolju ta’ ħadd. Biss, fil-Partit Laburista, persuni li diversi ħasbu li qegħdin f’posthom fl-arkivji, reġgħu ħarġu f’dawn il-jiem idoqqu l-partiti. Reġgħu dehru fil-pubbliku f’dan il-famuż “Kungress” persuni li kienu attivi ħafna fiż-żmien tad-deheb tal-gvernijiet soċjalisti. Diversi ħasbuhom spiċċaw issa li hemm dikjarata tmexxija tant ġdida, imma dan m’huwiex minnu. Mhux għax ġew lura, imma għax fir-realtà ta’ kull ġurnata, hemm baqgħu. Il-bidla fil-partit li qiegħed fl-Oppożizzjoni, li jrid jersaq biex iġib il-fiduċja tal-poplu, jibda biex jiksibha jekk ikollu almenu bidla ta’ taħt fuq bejn dawk li kellu fil-passat u dawk li jkollu fil-preżent. Hekk kien mill-iktar evidenti fil-Partit Nazzjonalista. Kienet ġustament u normalment saret bidla fil-bnedmin u fl-ideat bejn it-tmexxija ta’ Ġorġ Borg Olivier u Eddie Fenech Adami.
4. Din il-qabża, il-Partit Laburista jidher mill-iktar ċar li m’huwiex jirnexxilu jwettaqha. L-eżerċizzji fil-propaganda jistgħu jiġbdu lil dak li jkun fil-bidu, imma fit-tul u fid-dettall jisfumaw. Il-Kungress kellu, għal darb’oħra, jkun appuntament ieħor li fih il-poplu jara trasformazzjoni tal-uċuh u tal-ideat. Sfortunatament, dan ma seħħx. Urewna, ippreparawna, imlewlna rasna. Biss, minflok, ma sibna assolutament xejn ġdid. Għax hemm differenza fil-ħajja. Żerriegħa tajba tieħu, tikber u tagħti frott bnin, ta’ sustanza. Żrieragħ oħrajn, tagħmel x’tagħmel, jew jibqgħu lura jew ma jagħtu xejn ħlief imrar. F’dawn is-snin, il-Partit Nazzjonalista rnexxielu jibdel il-pajjiż u s-soċjetà Maltija mxiet ‘il quddiem. Għadu kuljum iwettaq u jressaq proposti ġodda. Fuq in-naħa l-oħra, il-Partit Laburista għadu anqas fil-pożizzjoni li jiddikjara li bidel lilu nnifsu.
5. Minflok, lura mill-arkivji, jridu l-ħin kollu jħarsu lejn il-passat. Iridu jsaqqu u jkabbru dak li kien żbaljat fiż-żmien tas-soċjaliżmu. Jerġgħu lura għall-metodi ekonomiċi ta’ dak iż-żmien. Imorru lura lejn dak li għalihom “ħadem”, dak li, minflok il-pajjiż kollu llum jagħraf li kien falla. Il-mentalità tagħhom baqgħet, sfortunatament, l-istess. Ekonomija li tagħlaq il-bibien, li tikkontrolla. Edukazzjoni li tiġi ristretta għall-ftit. Xogħol li jingħata biss lil dawk li kienu ta’ ġewwa. Saħħa msakkara mingħajr nifs. Għax jidher, minkejja l-Kungress, li l-kultura politika baqgħet waħda ċentralista. Dik li tassigura li l-poter jiġi konċentrat f’idejn il-ftit. Id-dipendenza fuq il-politiċi tikber. Toroq li jwasslu għal inqas trasparenza, iktar korruzzjoni, tgerfix u arbitrarjetà. Uħud jistgħu ma jkunux jafu b’dan għax ma kienux twieldu, però oħrajn jiftakru tajjeb. Jiftakru sew x’inhuma l-arkivji tal-Partit Laburista.
6. Illum, erba’ snin wara t-tibdila fit-tmexxija tal-Partit Laburista, nistgħu ngħidu b’ċertezza li fih xejn għadu ma verament ittrasforma ruħu. It-terrimoti ma seħħewx, il-moderati ma dehrux u libset il-progressivi ħaduha l-passati. Il-qabża bejnhom u bejnna tidher issa dejjem iktar. Aħna, li suppost passati, il-ħin kollu naħsbu f’dak li għandna nibdlu. Dan billi nkomplu nimmiraw ‘il quddiem biex nassiguraw li l-futur għas-soċjetà tagħna jkun dejjem aħjar mill-preżent li jkollha. Il-viżjoni tagħna m’hijiex bażata fuq il-bżonn tal-kontroll tal-bnedmin, imma fuq il-valuri tal-ġustizzja u l-libertà. Il-valuri demokratiċi nsara tagħna jmexxuna biex nassiguraw li nwettqu l-ġid u nagħtu l-frott lill-Maltin u lill-Għawdxin. Is-siġra tagħna ma tbiddlitx. Meta kellna bżonn żbarniha u għalhekk baqgħet titgħabba bit-tajjeb. Ħaddieħor ma kkurahiex u, minflok, baqa’ jsaqqiha bl-ilma li staġna.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment