18.4.24

GĦALIEX NIBQA' NINSISTI

1. Hemm kotba li ma tkunx trid titlaqhom minn idejk. Oħrajn inqas. Imma anki dawk li fil-maġġor parti tagħhom ma taqbilx mal-kontenut tagħhom, xorta numru ta’ drabi nsibhom ta’ għajnuna. Kapaċi jagħtuk direzzjoni fis-sens li tifhem dak li ma taqbilx miegħu u tafferma aktar dak li taqbel fih. Għax il-qari jgħin sabiex tifhem aħjar dak li jkun għaddej. Tifhem ukoll dak li tkun għaddiet minnu d-dinja ta’ madwarek. Tħares ’il quddiem sabiex tibni argumenti varji li jsostnuk jew isostnu dawk li huma l-kontra ta’ dak li jkun qiegħed jingħad.

Hemm vantaġġ

2. Biss, hemm vantaġġ kważi dejjem li tinxteħet taqra kitbiet ta’ oħrajn. Dawk li jaqraw jitgħallmu sew, u terġa’, ikunu f’pożizzjoni li jgħinu oħrajn jimxu flimkien ’il quddiem. Ħafna drabi, proċessi li jsiru f’daqqa. Għax biex taqsam dak li taqra trid taħseb u tgħarbel il-mod li ser twettaq dan. Proċess mhux faċli, sija jekk isir bil-fomm, u daqshekk ieħor jekk isir bil-kitba. Imma hemm dejjem vantaġġ li taqra kemm tista’ u kemm tiflaħ, u tħajjar lill-oħrajn li jagħmlu dan. Forsi b’dawn l-artikli li fihom immiss ma’ ktieb jew awtur nittama li, b’xi mod jew ieħor, dan qed nikkontribwixxi għalih.

Trid is-sabar

3. F’dan, ċertament trid is-sabar li tifli l-argumenti ta’ oħrajn f’kitbiethom, speċjalment meta ma tkunx taqbel magħhom. Hekk ħassejt f’dawn l-aħħar jiem waqt li kont qed naqra mill-ġdid il-ktieb ta’ Gianni Baget Bozzo (1925-2009), saċerdot Kattoliku li nvolva ruħu sew fil-ħajja politika Taljana, bl-isem Cattolici e Democristiani (1994). Għamel żmien attiv fid-Democrazia Cristiana. Wara, mill-1984, sar Membru Parlamentari Ewropew fi ħdan il-Partit Soċjalista Taljan immexxi minn Bettino Craxi (1934-2000). Għamel dan għal żewġ leġislaturi u tulhom kien sospiż, billi huwa magħruf li s-saċerdoti ma jistgħux jieħdu karigi pubbliċi jekk mhux bil-permess. Kien jara lill-Partit Soċjalista Taljan ta’ dak iż-żmien bħala wieħed iktar avvers għall-Komuniżmu mid-Democrazia Cristiana fit-triq tal-hekk imsejjaħ ‘kompromess storiku’.

Trid il-paċenzja

4. Lejn tmiem dan il-perjodu, fl-1994 reġa’ ġie reintegrat u waqaf minn dik il-karriera politika. Kien iż-żmien, però, meta Craxi u diversi partiti sabu diffikultajiet b’dak li rriżulta minn Tangentopoli. Kien f’dan li ħadem sabiex jgħin lil Silvio Berlusconi (1936-2023) biex jifforma l-partit Forza Italia. Ħajja li minnha nfisha tindika dak li l-bniedem għadda minnu, b’ideat differenti u ġudizzji daqstant ieħor hekk. F’dan il-kuntest storiku, għalkemm kiteb diversi artikli u kotba oħra, dan il-ktieb huwa partikolari għax fih riflessjonijiet li mexxewh sabiex jibdel kif bidel.

Il-ktieb

5. F’din il-kitba hemm kritika qawwija għal dak li, skont hu, id-Democrazia Cristiana ma wettqitx u li suppost kellha tagħmel. Kważi ċaħda qawwija u totali tal-bidliet soċjali, ekonomiċi u favur il-libertà, ispirati mill-prinċipji etiċi Nsara li diversi politiċi f’dak il-partit irnexxielhom iwettqu. Jaqsam f’diversi kapitoli l-proċess li huwa jara li twettaq jew li seħħ fit-tmexxijiet li żvolġew. Fuq l-oħra tifħir kważi ferm iktar mir-raġuni lejn Bettino Craxi fl-abbiltajiet politiċi tiegħu. Iktar u iktar meta dik l-esperjenza politika kienet immarkata fil-fatt li Craxi kien irnexxilu jkun l-ewwel Prim Ministru Soċjalista fl-Italja u għal żmien itwal minn oħrajn qablu.

Ideoloġija

6. F’dan kollu, tul dawn il-paġni sibt punti li laqtuni bħala referenza u analiżi. Biex jispjega iktar dak li seħħ, l-ewwel, huwa jgħid hekk: “La fine delle ideologie svuota le morali politiche, riferite a una istituzione e a un costume.” (It-tmiem tal-ideoloġiji jiżvojta l-moralità politika marbuta ma’ istituzzjoni u ma’ kostum.) It-tieni, ftit iktar ’l isfel: “La crisi delle ideologie conduce con sè la crisi dei partiti, che non sono più in grado di dare motivazione ai loro militanti.” (Il-kriżi tal-ideoloġiji ġġib magħha l-kriżi fil-partiti, li ma jkunux fil-qagħda li jagħtu motivazzjoni lil dawk li jimmilitaw fihom.)

Kif tintilef it-triq

7. Proprju iktar f’dan kif it-triq tintilef minn partit li ma jsibx politiċi fi ħdanu li jagħrfu li mingħajr ideoloġija jitilfu s-sens u s-sustanza tagħhom. Il-melħ, huwa ta’ liema kulur hu, ma jibqax iktar f’pożizzjoni li juri ideat differenti u ibbażati fuq premessi loġiċi. Isir dak li jsiru l-oħrajn. Partiti tal-isem li meta daqqa jgħidu ħaġa u daqqa jgħidu oħra jikkontradiċu lilhom infushom. Ma jibqgħux u la jispiraw u wisq inqas jiddistingwu ruħhom. Isiru parti mill-bżieżaq tas-sapun li jakkumpanjaw argumenti fejn, flok tittieħed pożizzjoni, nimxu iktar fuq il-linja ta’ dak li huwa suppost diskors politikament korrett li ma jieħdok imkien imma jħallik fejn int: bla pożizzjoni u bla direzzjoni.

Trasparenza

8. Dan fih iktar valur ta’ ħsieb u riflessjoni f’dinja fejn l-imġieba skorretta u l-każijiet ta’ politiċi li jiġu ttantati sew mill-korruzzjoni. Dan jingħad iktar għax min huwa parti minn ideoloġija politika jappartjeni għal numru ta’ prinċipji. Mhux biss parti, imma f’ħafna huwa kkunsidrat li huwa marbut ma’ dawk l-ideat f’linja tajba. Impenjat li ma jiksirx il-prinċipji etiċi tal-partit u fl-istess ħin hemm spjegazzjoni politika għall-ideat, il-proposti u d-direzzjoni sħiħa tiegħu. Pass fit-trasparenza politika u fl-akkontabilità li għandha takkumpanjahom. Kull politiku huwa mitlub li jagħti spjegazzjoni ċara ta’ dak li ddeċieda li jiddeċiedi, u f’dan, l-eżistenza ta’ ideoloġija hija ta’ konfort ikbar milli n-nuqqas tagħha.

Jintremew

9. Meta dawk il-politiċi fi ħdan partit jabbandunaw l-ideoloġija tagħhom ma jkunux qed isiru aktar moderni jew progressivi: ikunu qed jiddeklassaw lilhom infushom. Ikunu qegħdin jintremew, u f’dan jitilfu r-rispett li l-elettorat irid u jippretendi mingħandhom. Proċess li seħħ f’dawn is-snin, sija minħabba l-eżempji żbaljati ta’ barra minn xtutna, kif ukoll minħabba l-fatt li l-kultura politika mhijiex ikkultivata. Kif ukoll għax għandna iktar politiċi li ma jafux fhiex jemmnu u kapaċi jidentifikaw ruħhom f’partit politiku. Fejn anzi l-partit, skont huma, irid isir xmara ta’ ideat differenti li, kif jgħidu, m’għandhomx u la kap u lanqas kuda.

Immarka

10. F’dan kollu l-ktieb, fil-paġni differenti li erġajt qrajt, naħseb li apprezzajt ftit aktar dak li kont meta xtrajtu lura fl-10 ta’ Frar 1985 u qrajtu għall-ewwel darba. Fil-ħajja ikkulurita ta’ din il-persuna hemm, xorta ngħid, ħafna x’titgħallem. Biss, ċertament, permezz tiegħu affermajt iktar l-insistenza tiegħi li partit mingħajr ideoloġija huwa destinat li jfalli. Kif inhuwa wkoll dak il-politiku meta jieqaf milli jħaddan u ma jiddefendix iktar l-ideoloġija politika tiegħu. Proprju quddiem din ir-realtà li wieħed jinqabad f’dawn in-nases, nibqa’ ninsisti magħkom kemm hu importanti li wieħed iżomm mal-prinċipji tiegħu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...