1. M’aħniex ’il bogħod. Ftit ġimgħat oħra u nkunu msejħa nagħmlu l-għażliet tagħna. L-elezzjoni għall-Parlament Ewropew, li tieħu l-iktar importanza nazzjonalment, u dawk tal-Kunsilli Lokali, li fil-fatt jibqgħu l-iktar determinanti. Il-bnedmin iħarsu ’l bgħid minn xtutna f’dak li jkun għaddej fi Brussell. Mhux dejjem jieħdu pjaċir b’dak li jisimgħu u jaraw u li, fl-aħħar tal-ġurnata, ser ikollhom ifendu għal miegħu. Imma f’dak lokali għandhom il-vantaġġ li qegħdin jiltaqgħu, jekk iridu, kull ġurnata ma’ dawk li qed jingħataw ir-responsabbiltà li jmexxu. F’kull naħa, f’kull vot, hemm prijoritajiet varji.
Fuq livell lokali
2. F’dak li seħħ, u f’dik li hija l-politika nazzjonali tal-Gvern fil-konfront tal-Kunsilli Lokali, hemm linja inqas ambizzjuża. Hemm iktar il-ħsieb li għandhom il-fakultà li jamministraw, imma mhux neċessarjament li jimmaġinaw. Il-prospetti futuri, f’ċertu sens huma iktar marbuta ma’ dak li kien hemm qabel. Nirranġaw dak li għandna. Inwaqqgħu u nerġgħu nibnu. Niżbgħu u nibdlu l-kuluri, fl-għarfien ukoll li hemm ħafna li tneħħa minn idejhom. Toroq isiru, jinqalgħu u jerġgħu jsiru, mhux bi pjan mal-istess Kunsill, imma skont ma l-Gvern Ċentrali jiddeċiedi. Inkella ta’ permessi għall-bini ta’ kostruzzjoni li qed isiru mingħajr kontroll u wisq inqas konsultazzjoni. Fejn il-pożizzjoni tiġi finalment imposta u l-Kunsill, flok Gvern Lokali kif suppost hu, isir għaqda non-governattiva. F’sitwazzjoni ġenerali fejn il-prijoritajiet fil-lokalità mhux dejjem qegħdin jidhru, imma minflok, jintilfu.
Lejn fejn sejrin
3. F’dan hemm fuqna iktar piż u responsabbiltà meta sija l-Kunsilli Lokali, kif ukoll id-dħul tagħna fl-Unjoni Ewropea kienu, u f’ħafna nittama li għadhom, parti integrali mill-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista. Obbligi u dmirijiet li għandna sabiex nagħżlu iktar triqitna. Nagħżlu independentement minn dak li qiegħed jingħad minn ħaddieħor. U dan jgħodd sija fuq livell lokali, kif ukoll fuq dak Ewropew. M’għandniex niġu f’dan “ikkundizzjonati” mill-arja jew l-ambjent politiku li nbena madwarna. Għandna iktar li rridu nħarsu lejn il-futur li ġej għal pajjiżna u għall-poplu tagħna. Jingħad x’jingħad minn ħaddieħor, hemm linji tagħna li rridu nimxu fihom u lejhom. Prijoritajiet differenti, mhux opposti, u anqas neċessarjament kontrastanti, imma li huma l-iktar għal qalbna.
Deċentralizzazzjoni
4. F’dan iktar fil-Kunsilli Lokali fejn il-linja tagħna kienet dik li temmen f’inqas poteri konċentrati f’idejn il-Gvern Ċentrali. Iktar poteri meħuda u mogħtija f’idejn il-bnedmin li jgħixu u jqumu mal-persuni fil-lokalità. Dan il-vantaġġ dejjem ġie rikonoxxut sa minn żminijiet passati. U fil-fatt wieħed għandu jgħid li d-deċiżjoni politika li tibni l-Kunsilli Lokali ħadmet. Diversi huma l-lokalitajiet li mxew passi kbar ’il quddiem, li ma kienux jagħmlu kieku baqa’ kollox kif kien qabel. Kollox jiddependi minn fejn ġej jew sejjer il-Ministru tat-Trasport jew dak tax-Xogħlijiet. Biss issa dan il-momentum politiku naqas u qegħdin fil-fażi fejn qed namministraw mill-ġdid dak li konna qegħdin f’dawn l-aħħar snin. Xejn differenti, xejn ġdid, u l-isfidi sabiex il-poter jgħaddi iktar f’idejn dawk li huma l-kunsilliera eletti direttament minna.
Fuq livell Ewropew
5. F’dan iktar ukoll hemm il-bżonn li nħarsu ’l quddiem sabiex nagħrfu x’ħadem għalina f’dawn is-snin, u dak li le. Nevalwaw fejn hemm bżonn nibdlu. Sija fil-proċess metodoloġiku ta’ kif jittieħdu d-deċiżjonijiet u kif dawn jiġu ikkomunikati, kif ukoll fid-djalogu li għandu jakkumpanja sija qabel, kif ukoll wara dak li jkun sejjer isir. Strutturi li hemm bżonn li jinbnew aħjar. Mhux biss, imma iktar fit-teħid, fl-aġenda parlamentari, ta’ dak li jkun ser jiġi diskuss u wara li jiġi fil-ministeri kollha. Bħalissa huwa kważi esklussivament li l-Prim Ministru jiġi biex iwettaq dan. Ħafna drabi, biex jingħad kemm aħna tajba u l-Oppożizzjoni inqas. Mentri f’dan il-ftuħ lejn id-dibattitu bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra bi proposti varji li dan iwelled, qiegħed jitħalla mhux utilizzat.
Valuri
6. F’dan iktar hemm il-kwistjoni tal-valuri u l-prinċipji etiċi li qegħdin jipprevalixxu fl-Unjoni Ewropea. Fejn hemm forma ta’ alleanza, jew aċċettazzjoni stramba, li fiha l-valuri Nsara ma jissemmewx. Qisu xi żball, jew li mhuwiex diskors politikament aċċettabbli li jsir. Fejn diversi politiċi li huma Nsara kommessi qed isibu ruħhom emarġinati, jekk mhux ridikolati. Qisha l-Unjoni Ewropea trid tafferma ruħha fid-dinja stramba tal-ateiżmu, li messejna qabel, fi żmien fejn rajna traġedji varji. Indipendentement minn dak li qed jingħad f’dan minn oħrajn, jien ngħid li huwa iktar dmir tagħna li nasserixxu li l-Ewropa mingħajr valuri u l-kultura Nisranija tagħha ma tkunx dik li hi għaliha nfisha u fil-pożizzjoni tagħha fix-xenarju internazzjonali.
Forsi wkoll aħjar għalina
7. F’dan ukoll, forsi mhux neċessarjament, hemm min jadvoka direttament jew indirettament li l-fatt li naqsu l-partiti tal-Insara, Kattoliċi, qed ikollu dan l-effett. L-aġenda Ewropea kienet tkun iktar differenti kieku hemm iktar il-pożizzjoni li partit li jesprimi, fil-moderazzjoni sekulari tiegħu politika ispirata minn dawn il-valuri, imexxi. Nistaqsi iktar: kif f’pajjiżi oħra fejn qiegħed jinħass iktar il-bżonn tagħhom mill-istess elettorat, hemm linji differenti? Kif aħna, li fil-maġġor parti tiegħu l-elettorat fuq iż-żewġ partiti huwa mibni fuq dawn l-ideat, isib li ma jiġux magħduda fuq skala u politika nazzjonali u Ewropea? Il-politika f’pajjiżna trid iktar diskussjoni. Trid għalhekk, f’dan, iktar bnedmin impenjati sabiex jagħrfu dak li sejrin għalih. L-elezzjonijiet daqt huma magħna, u f’dan nittama li pajjiżna jara iktar politiċi impenjati sabiex iwasslu l-aġenda fil-lokalità u fl-Ewropa b’aktar viżjoni ċara u diretta għalina.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment