18.4.24

ORDNI U DIXXIPLINA

1. Ċerti drabi nieħu l-impressjoni li l-bnedmin fuq dawn il-gżejjer iħobbu l-ordni, l-indafa, il-paċi, imma mhux tant id-dixxiplina. Ħafna drabi jridu li l-affarijiet isiru sewwa mill-oħrajn. Li dawn ikunu organizzati, f’posthom, u regolati tajjeb. Mhux b’estremiżmu, imma bl-użu kostanti tar-raġuni. Dik li titlob li fil-moderazzjoni, imma wkoll fil-korrettezza, dak li għandu jsir, isir. Mhux anqas li jingustaw lil dawk li jridu dan kollu billi jitolbu l-qtugħ tal-irjus, imma billi jaraw li dawk li għandhom il-piż u r-responsabbiltà jwettquha kif għandu jkun. Ċertament f’dan kollu, però, il-giljottina ma kinitx, u mhix popolari hawn.

F’dak li ninsabu


2. Il-pajjiż, f’dan, jerġa’ jinsab ifittex lilu nnifsu lura mill-ġdid. Kien hemm min, f’xi żmien, li kien semma li għandna nkunu xi forma ta’ Svizzera, u xi wħud dan fehmuh fl-aspirazzjoni li jkollna l-istess ordni. Li jkollna Stat fejn iċ-ċittadini tiegħu jobdu u josservaw iktar ir-regoli u l-liġijiet. Ideat, linji ta’ direzzjoni politika li ħadd m’għandu jkun kontra tagħhom. Imma fil-fatt, fir-realtà tagħna din il-pożizzjoni, tul dawn l-aħħar snin, flok morna ’l quddiem fiha, morna iktar lura. Flok għollejna l-bżonn li ngħaddu dan il-messaġġ politikament, l-iktar ukoll lill-politiċi nfushom, rajna u smajna l-kontra.

Il-bidliet

3. Il-poplu, f’dan, qiegħed iktar minn qatt qabel jifhem li altru x’jingħadlu u altru x’qiegħed isir. Minkejja l-propaganda kostanti li tridna nemmnu li kollox miexi sew, dawk fit-triq mhumiex wisq konvinti. Il-persuni li jivvutaw jafu li sar infieq, u miegħu sar tberbieq kbir ta’ flus fuq proġetti li ħafna għadhom jistaqsu jekk kinux neċessarji. Pjazez, toroq, servizzi varji għaddew u saru, u f’ħafna ma kienx hemm proprju n-neċessità għalihom. Mhux biss intefaq dak li ma kienx hemm lok għalih, iżda terġa’ sar ħażin u kellhom jintefqu iktar flus sabiex jiġi rranġat dak li sar ħażin mill-bidu. U m’aħniex nitkellmu fuq ftit eluf żejda, imma fuq miljuni fuq il-miljuni.

Mingħajr rispett u koordinazzjoni

4. Iktar f’dan jew minn dan, ħafna xogħlijiet saru mingħajr koordinazzjoni. Toroq jingħalqu biex jiġu “irranġati”. Wara jerġgħu jinqalgħu biex jgħaddu servizzi oħra, u l-bnedmin fit-triq u dawk li jużaw l-istess imsemmija triq lanqas biss jiġu nfurmati. Ħadd ma jaf x’qiegħed jiġri, wisq inqas jingħata informazzjoni korretta ta’ għala ser jibda x-xogħol u wisq u wisq inqas kemm ser idum għaddej. Ħafna drabi kollox jinħass li qiegħed isir mingħajr ma hemm fin-nofs il-ħsieb għala qiegħed isir, meta ser isir u kif qiegħed isir. Fl-aħħar mill-aħħar, il-bnedmin qed iħossu iktar li verament mhumiex stmati. Bl-avviżi kollha li nisimgħu dwar persuni li jgħixu hawn, qed naraw li naqsitilhom id-dinjità u r-rispett li huma jippretendu li jingħataw.

Rapporti

5. Dan huwa parti mit-traġedja nazzjonali li qegħda tkompli timxi ’l quddiem. Għax dan kollu mhuwiex frott l-immaġinazzjoni fertili ta’ xi kritiku, imma ta’ diversi istituzzjonijiet li jirrapportawlna. L-Awditur Ġenerali, l-Ombudsman huma miżgħuda b’rapporti varji li jiġu sistematikament injorati u midfuna. Mhux biss, imma għandna wkoll issa dawk li twieldu minn rapporti oħra separati, bħal dak li rajna wara l-mewt ta’ Jean Paul Sofia, u qabel ta’ Daphne Caruana Galizia, u qabel ta’ Miriam Pace. Konklużjonijiet, direzzjonijiet li juru li huwa iktar evidenti, minn dak li qiegħed nara, li ma jistgħux jiġu implimentati, u dan għax tant ninsabu lura. Linji ta’ pariri varji li qed isirulna biex ikollna pajjiż aħjar milli għandna. Pariri li fil-fatt, fl-inadegwatezza tagħna biex nibdew il-proċess tal-bidla skonthom qed nabbandunaw, waqt li bil-fomm ngħidu kemm irridu nwettquhom. Il-pożizzjoni ħarġet mill-idejn u mhix proprju fit-triq tal-ordni.

Widen veru

6. F’dan qiegħed joħroġ iktar u iktar evidenti li pajjiżna jippreferi inqas xogħol, inqas proġetti u iktar, ferm iktar, rispett uman. Inqas ‘suppost’ avvanzi, u iktar passi konkreti favur il-bniedem. Daħlet iktar din l-idea li, tmur fejn tmur, qed naraw fil-konfront ta’ oħrajn. Tmur fejn tmur, il-Lingwa Nazzjonali ma tinstemax, u tingħata ordnijiet minn persuni li mhux dejjem iġibu stima lejn dawk li huma jikkunsidraw inqas minnhom, ’l hekk imsejħa “baxxi”, li fil-fatt, mhumiex. Ħafna ma jirrikorrux fejn għandhom id-dritt li jirrikorru għax iħossu li ser jiġu mżebilħa. Hemm, f’dan, fuq naħa rabja li qegħda tiġma minn dawk li ma jistgħux jemmnu li qegħdin iħossu li pajjiżhom m’għadux aktar tagħhom u fuq in-naħa l-oħra, li hu iktar inkwetanti, dawk li qed jirrassenjaw ruħhom. Dawk li ma jridux jiċċaqilqu għax huma ċerti li mhu ser jinbidel xejn.

Barra mill-kontroll

7. Jekk, kif jingħad, dawn iż-żewġ reazzjonijiet huma kbar f’diversi setturi, fuq in-naħa l-oħra diversi qed iħossu li m’għadniex fil-kontroll. Diversi qatgħu qalbhom li jilmentaw, għax jaraw li ħadd ma jista’ jirrettifika dak li hemm ħażin. Iktar u iktar f’soċjetà fejn il-flus biss saru importanti, jiġu kif jiġu f’idejk! F’soċjetà fejn tgawdi u jkollok ir-rispett skont kemm inti kapaċi tixtri u tonfoq. Imma r-realtà hija li hemm wisq affarijiet imxerrda naħa jew oħra fl-irkejjen tal-pajjiż fejn hemm evidenza mhux tant biss ta’ traskuraġni, imma aktar ta’ diżorganizzazzjoni kważi organizzata fil-perfezzjoni li dan jista’ jitlob. Biex issir xi ħaġa trid iddum titkarrab, hemm ħafna li ma nbediex, u ħafna iktar li nbeda imma ma jistax jiġi finalizzat.

Ħela

8. F’dan, huwa iktar evidenti li l-pajjiż għandu l-abbundanzi tiegħu, li però mhumiex ikkurati. Hawn forom ġodda ta’ għażż li daħal u li qed iżomm ix-xogħol li għandu jitwettaq lura u lil dawk li għandhom jingħataw xi forma ta’ direzzjoni fil-baħħ. Biex ikun hawn iktar għarfien ta’ dak li aħna u dak li għandna nkunu jrid jinbeda proċess veru ta’ ordni. Proċess li m’hemmx bżonn noqogħdu mmoru mill-estremi ta’ dixxiplini riġidi, imma wieħed li jitlob minn kull persuna li twettaq dmirha. Bnedmin li joħorġu minn triqthom biex ma jibqax ikollna telqa ġenerali. Il-pajjiż u l-poplu tiegħu jixirqilhom ferm aħjar minn dak li qed jingħataw. Jixirqilhom li dak li għandna jiġi użat aħjar u b’iktar intelliġenza. Fejn min imexxi jibda jaħseb li jwettaq dak li l-Istat Demokratiku tagħna għandu kollu u mhux skont x’jista’ jaħseb li jaqbillu politikament.

Pajjiż bħal tagħna

9. F’pajjiż tad-daqs tagħna wieħed jistaqsi: huwa ħafna li wieħed jippretendi li l-affarijiet isiru ferm u ferm iktar aħjar? Iddur fejn iddur, għadu iktar aċċettabbli li f’dan is-seklu jkun hawn postijiet mitluqa, siġar mhux ikkurati, bankini mkissra, arbli mqaċċta u lista ma tispiċċa qatt ta’ mkejjen oħra li jinsabu f’abbandun totali? Dawn huma sinjali li m’għandniex iktar kontroll, organizzazzjoni u l-ordni li nippretendu li jkollna. Intlifna f’toroq fejn ħadd ma jaf fejn sejjer, u wisq inqas, fejn hu ġej.

Dak li jgħidu

10. It-Taljani jgħidu: “L’occhio del padrone ingrassa il cavallo”. U għandhom raġun. Min imexxi fil-ministeri varji nippretendu dan mingħandhom. Biss, jekk jinbidlu regolarment, jew iħossu kontinwament li ser jinbidlu, dan ma jistax iseħħ. F’dan huwa iktar evidenti li l-programm għal bidla futura f’pajjiżna jrid ikun wieħed loġiku, ċar, u li jmiss ma’ dak li huwa verament neċessarju. Ninvestu f’li nibdlu l-mentalità fi stabilità li permezz tagħha niġu f’pożizzjoni li nimplimentaw il-pariri t-tajba li jingħatawlna. Nonfqu dak li għandna nonfqu fil-ġid li jrid isir biex ikollna iktar ordni u dixxiplina. F’dan nittama li diversi jifhmu li jekk ma jkunx hemm bidla vera, dan kollu jibqa’ ma jseħħx.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...