1. F’dan iż-żmien sabiħ tas-sena meta, b’xi mod, nieqfu ftit. Mhux kemm inkunu rridu, jew kemm jippermettulna, imma li nduru fuqna nfusna biex naħsbu fuq dak li aħna u dak li mexjin għalih. Dak li jaqtagħlna qalbna u dak li jqawwina. Sejrin lejn direzzjoni li ma nkunux ċerti li hija dik it-tajba. Naħsbu mod imma jkollna d-dubji f’qalbna. Dawk li jikbru mal-passi li nieħdu. Dawk li nfittxu li nneħħu biex inħarsu iktar fit-tul minn dak li nkunu qegħdin naraw dak il-ħin.
Waslet għandna
2. F’dan, tul iż-żmien tar-Randan waslet l-aħbar li fis-Seminarju ser nirreġistraw, għall-ewwel darba, li m’hemmx persuna waħda li ser tidħol biex tibda l-mixja lejn is-saċerdozju. Smajt ħafna dwar dan. Uħud, nasħseb żbaljatament f’termini drammatiċi, jew li dan huwa xi nuqqas li ġej minn ġewwa l-Knisja stess. Smajt iktar f’dan spjegazzjonijiet varji li wħud isegwu u oħrajn le. Ħafna minnhom jaħarbu mill-punt li din hija sejħa, vokazzjoni unika. Parti mill-programm tal-Ħallieq tagħna. Is-saċerdoti mhumiex parti minn katina ta’ produzzjoni. Nipproduċu kemm irridu jew pro-kapita. Huma uniċi, u fl-istess ħin, fit-triq lejn il-futur. Però mhix xi mozzjoni ta’ sfiduċja jew xi tmiem inevitabbli. Għax hemm it-tama li ma tieqafx. Hemm l-irmied ta’ nar li minn żmien għal żmien jitqabbad lura fis-saħħa li kellu.
Fuq San Miniato
3. Ħsibt aktar proprju f’dan. Ġewwa l-belt sabiħa ta’ Firenze hemm bażilika mill-isbaħ. Waħda li nbdiet fis-sekli passati mertu tal-Ordni tal-Benedittini. Fiha hemm, fit-trapass tal-ġenerazzjonijiet, dawk li jissejħu bħala l-‘Olivetani’. Ordni li hija parti mill-Konfederazzjoni Benedittina li bdiet sitt mija u tmenin sena ilu, fl-1344. F’dak il-lok mill-isbaħ hemm jgħix Bernardo Gianni. Huwa hemm b’għażla. Daħal parti minn din l-Ordni għax kellu, u għadu jgawdi, sejħa ċara u soda, anki jekk f’soċjetà u dinja Taljana mqallba.
Eccomi
4. Sirt naf bih permezz ta’ programm fuq l-istazzjon TV2000 intitolat hekk, waqt intervista qsajra ta’ ftit minuti. Spjega kif mil-liġi mar għall-arkeoloġija, u wara erbgħin sena ta’ dixxerniment għażel li jidħol f’din il-komunità iddedikata għat-talba. Sorpriża għall-familja, b’ommu anzi ċerta li wara xahrejn kien ser joħroġ u jmur lura għandha d-dar. Fittixt u sibt li kellu ktieb, La Città dagli Ardenti Desideri: per squardi e gesti pasquali nella vita del mondo (2019), li xtrajt u li qrajt f’dawn l-aħħar jiem. Fih hemm riprodotti l-priedki tiegħu lill-Papa Franġisku, li saru bejn il-11 u l-14 ta’ Marzu 2019. Kull waħda unika u mill-isbaħ. Moħħ ċar u li jċaqilqek biex taħseb iktar fil-fond f’dak li tinsab int u dak li trid bil-volontà tiegħek, jew kif tifhem iktar maż-żmien dik li jeħduk għaliha, u tmur.
Tqawwi qalbek
5. Il-ħsieb huwa ibbażat fuq dan: “Che il Vangelo sia città è davvero la grande speranza che lascio nel cuore di ciascuno, perché le strade in cui abitiamo possano essere il riflesso autentico di una luce che solo Cristo ha acceso nella storia degli uomini e delle donne in ogni tempo.” (Li l-Vanġelu huwa belt hija t-tama l-kbira li nħalli fil-qalb ta’ kull persuna, għax it-toroq li ngħixu fihom għandhom ikunu r-rifless awtentiku tad-dawl li Sidna Ġesù Kristu biss xegħel fl-istorja tal-bnedmin f’kull żmien.) Dawk it-toroq li nbnew u ġew użati minn ta’ qabilna sabiex fihom jesprimu l-fidi. Dawk li jgħaddu l-purċissjonijiet fihom. Dawk li nieħdu ħsieb inżejnu biex nuru li hemm fidi iktar fond fl-għeruq tagħna.
Direzzjoni
6. L-awtur, li nirrakkomanda li taqrawh, ifittex minn kitbiet varji. Fosthom f’dawk ta’ Giorgio La Pira (1904-1977). Politiku Demokratiku-Kristjan u sindku tal-belt ta’ Firenze. Dak li qaleb ta’ taħt fuq kif il-poter għandu jiġi mqiegħed għas-servizz tal-bniedem, fir-rispett lejn id-dinjità tiegħu. Kull parti ċitata hija mimlija b’viżjoni li għal dawk li huma fil-ħajja pubblika hi ta’ ispirazzjoni. Jiċċita wkoll lil Thomas Merton (1915-1968) li fakkarni f’dak li kien kiteb, He is Risen (Huwa Qam).
Il-Ġebla li m’aħniex kapaċi nċaqilqu
7. F’din il-kitba mill-isbaħ, li skoprejt lura mill-ġdid, Merton ifakkarna hekk: “Though we may still ‘say’ with our lips that Christ is risen, we secretly believe him, in practice, to be dead. And we believe that there is a massive stone blocking the way and keeping us from getting to his dead body. Our Christian religion too often becomes simply the cult of the dead body of Christ compounded with anguish and desperation over the problem of moving the immovable stone that keeps us from reaching him.” Kliem li fil-mument tal-lum, f’din is-sitwazzjoni għandhom iservuna biex niftakru għala aħna Nsara, u f’dan, f’dak li nemmnu.
Paragrafu 278
8. Però, fost dawn, fil-ktieb hemm referenza kontinwa f’dak kontenut fl-Eżortazzjoni Appostolika tal-istess Papa, Evangelii Gaudium (2013). Dan ħadni lura biex naqra mill-ġdid dak likont ħbejt fil-memorja. U f’dan, sibt hekk: “Nemmnu fil-Vanġelu li jgħid li s-Saltna t’Alla diġà tinsab fid-dinja, u qed tikber ’l hemm u ’l hawn, b’għadd ta’ modi u dejjem għandha l-ħila tissorprendina b’mod sabiħ. Hi preżenti, tiġi mill-ġdid, tħabrek biex twarrad mill-ġdid. Il-Qawmien ta’ Kristu jqabbad ma’ kullimkien l-għeruq ta’ din id-dinja ġdida; u anki jekk jinqatgħu, jerġgħu jixirfu, għax il-qawmien tal-Mulej diġà daħal fin-nisġa moħbija ta’ din l-istorja, għax Ġesù ma qamx għalxejn mill-imwiet. Ejjew ma nibqgħux mal-ġenb ta’ din il-mixja tat-tama ħajja!” Sejħa f’kull żmien u f’kull kundizzjoni. Mhux x’jidher għalina, imma x’hemm imfassal għalina.
F’dawn il-jiem
9. Proprju iktar f’dawn il-jiem għandna nagħmlu l-qalb. Niftakru f’dak li aħna u dak li hu mistenni minna li mmorru lejh. Niftakru li aħna parti minn proċess ta’ bidla: wieħed li jħares b’tama lejn il-futur. Wieħed li għandu jfakkarna li mixjitna hija deċiżament f’din it-tama.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Subscribe to:
Post Comments (Atom)
MEXXEJJA PARTIKOLARI
1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...
-
20788. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid f...
-
18543. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni: Jista’ ...
-
20869. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: B’referenza għall-mistoq...
No comments:
Post a Comment