1. F’dan iż-żmien sabiħ tas-sena meta, b’xi mod, nieqfu ftit. Mhux kemm inkunu rridu, jew kemm jippermettulna, imma li nduru fuqna nfusna biex naħsbu fuq dak li aħna u dak li mexjin għalih. Dak li jaqtagħlna qalbna u dak li jqawwina. Sejrin lejn direzzjoni li ma nkunux ċerti li hija dik it-tajba. Naħsbu mod imma jkollna d-dubji f’qalbna. Dawk li jikbru mal-passi li nieħdu. Dawk li nfittxu li nneħħu biex inħarsu iktar fit-tul minn dak li nkunu qegħdin naraw dak il-ħin.
Waslet għandna
2. F’dan, tul iż-żmien tar-Randan waslet l-aħbar li fis-Seminarju ser nirreġistraw, għall-ewwel darba, li m’hemmx persuna waħda li ser tidħol biex tibda l-mixja lejn is-saċerdozju. Smajt ħafna dwar dan. Uħud, nasħseb żbaljatament f’termini drammatiċi, jew li dan huwa xi nuqqas li ġej minn ġewwa l-Knisja stess. Smajt iktar f’dan spjegazzjonijiet varji li wħud isegwu u oħrajn le. Ħafna minnhom jaħarbu mill-punt li din hija sejħa, vokazzjoni unika. Parti mill-programm tal-Ħallieq tagħna. Is-saċerdoti mhumiex parti minn katina ta’ produzzjoni. Nipproduċu kemm irridu jew pro-kapita. Huma uniċi, u fl-istess ħin, fit-triq lejn il-futur. Però mhix xi mozzjoni ta’ sfiduċja jew xi tmiem inevitabbli. Għax hemm it-tama li ma tieqafx. Hemm l-irmied ta’ nar li minn żmien għal żmien jitqabbad lura fis-saħħa li kellu.
Fuq San Miniato
3. Ħsibt aktar proprju f’dan. Ġewwa l-belt sabiħa ta’ Firenze hemm bażilika mill-isbaħ. Waħda li nbdiet fis-sekli passati mertu tal-Ordni tal-Benedittini. Fiha hemm, fit-trapass tal-ġenerazzjonijiet, dawk li jissejħu bħala l-‘Olivetani’. Ordni li hija parti mill-Konfederazzjoni Benedittina li bdiet sitt mija u tmenin sena ilu, fl-1344. F’dak il-lok mill-isbaħ hemm jgħix Bernardo Gianni. Huwa hemm b’għażla. Daħal parti minn din l-Ordni għax kellu, u għadu jgawdi, sejħa ċara u soda, anki jekk f’soċjetà u dinja Taljana mqallba.
Eccomi
4. Sirt naf bih permezz ta’ programm fuq l-istazzjon TV2000 intitolat hekk, waqt intervista qsajra ta’ ftit minuti. Spjega kif mil-liġi mar għall-arkeoloġija, u wara erbgħin sena ta’ dixxerniment għażel li jidħol f’din il-komunità iddedikata għat-talba. Sorpriża għall-familja, b’ommu anzi ċerta li wara xahrejn kien ser joħroġ u jmur lura għandha d-dar. Fittixt u sibt li kellu ktieb, La Città dagli Ardenti Desideri: per squardi e gesti pasquali nella vita del mondo (2019), li xtrajt u li qrajt f’dawn l-aħħar jiem. Fih hemm riprodotti l-priedki tiegħu lill-Papa Franġisku, li saru bejn il-11 u l-14 ta’ Marzu 2019. Kull waħda unika u mill-isbaħ. Moħħ ċar u li jċaqilqek biex taħseb iktar fil-fond f’dak li tinsab int u dak li trid bil-volontà tiegħek, jew kif tifhem iktar maż-żmien dik li jeħduk għaliha, u tmur.
Tqawwi qalbek
5. Il-ħsieb huwa ibbażat fuq dan: “Che il Vangelo sia città è davvero la grande speranza che lascio nel cuore di ciascuno, perché le strade in cui abitiamo possano essere il riflesso autentico di una luce che solo Cristo ha acceso nella storia degli uomini e delle donne in ogni tempo.” (Li l-Vanġelu huwa belt hija t-tama l-kbira li nħalli fil-qalb ta’ kull persuna, għax it-toroq li ngħixu fihom għandhom ikunu r-rifless awtentiku tad-dawl li Sidna Ġesù Kristu biss xegħel fl-istorja tal-bnedmin f’kull żmien.) Dawk it-toroq li nbnew u ġew użati minn ta’ qabilna sabiex fihom jesprimu l-fidi. Dawk li jgħaddu l-purċissjonijiet fihom. Dawk li nieħdu ħsieb inżejnu biex nuru li hemm fidi iktar fond fl-għeruq tagħna.
Direzzjoni
6. L-awtur, li nirrakkomanda li taqrawh, ifittex minn kitbiet varji. Fosthom f’dawk ta’ Giorgio La Pira (1904-1977). Politiku Demokratiku-Kristjan u sindku tal-belt ta’ Firenze. Dak li qaleb ta’ taħt fuq kif il-poter għandu jiġi mqiegħed għas-servizz tal-bniedem, fir-rispett lejn id-dinjità tiegħu. Kull parti ċitata hija mimlija b’viżjoni li għal dawk li huma fil-ħajja pubblika hi ta’ ispirazzjoni. Jiċċita wkoll lil Thomas Merton (1915-1968) li fakkarni f’dak li kien kiteb, He is Risen (Huwa Qam).
Il-Ġebla li m’aħniex kapaċi nċaqilqu
7. F’din il-kitba mill-isbaħ, li skoprejt lura mill-ġdid, Merton ifakkarna hekk: “Though we may still ‘say’ with our lips that Christ is risen, we secretly believe him, in practice, to be dead. And we believe that there is a massive stone blocking the way and keeping us from getting to his dead body. Our Christian religion too often becomes simply the cult of the dead body of Christ compounded with anguish and desperation over the problem of moving the immovable stone that keeps us from reaching him.” Kliem li fil-mument tal-lum, f’din is-sitwazzjoni għandhom iservuna biex niftakru għala aħna Nsara, u f’dan, f’dak li nemmnu.
Paragrafu 278
8. Però, fost dawn, fil-ktieb hemm referenza kontinwa f’dak kontenut fl-Eżortazzjoni Appostolika tal-istess Papa, Evangelii Gaudium (2013). Dan ħadni lura biex naqra mill-ġdid dak likont ħbejt fil-memorja. U f’dan, sibt hekk: “Nemmnu fil-Vanġelu li jgħid li s-Saltna t’Alla diġà tinsab fid-dinja, u qed tikber ’l hemm u ’l hawn, b’għadd ta’ modi u dejjem għandha l-ħila tissorprendina b’mod sabiħ. Hi preżenti, tiġi mill-ġdid, tħabrek biex twarrad mill-ġdid. Il-Qawmien ta’ Kristu jqabbad ma’ kullimkien l-għeruq ta’ din id-dinja ġdida; u anki jekk jinqatgħu, jerġgħu jixirfu, għax il-qawmien tal-Mulej diġà daħal fin-nisġa moħbija ta’ din l-istorja, għax Ġesù ma qamx għalxejn mill-imwiet. Ejjew ma nibqgħux mal-ġenb ta’ din il-mixja tat-tama ħajja!” Sejħa f’kull żmien u f’kull kundizzjoni. Mhux x’jidher għalina, imma x’hemm imfassal għalina.
F’dawn il-jiem
9. Proprju iktar f’dawn il-jiem għandna nagħmlu l-qalb. Niftakru f’dak li aħna u dak li hu mistenni minna li mmorru lejh. Niftakru li aħna parti minn proċess ta’ bidla: wieħed li jħares b’tama lejn il-futur. Wieħed li għandu jfakkarna li mixjitna hija deċiżament f’din it-tama.
Merħba fil-blog tiegħi! F’dan l-ispazju nitfa l-kitbiet tiegħi, u għalhekk, il-ħsibijiet tiegħi. Nistiednek tgħidli l-fehema tiegħek billi tħalli kumment taħt il-posts hawn taht.
Showing posts with label Thomas Merton. Show all posts
Showing posts with label Thomas Merton. Show all posts
2.4.24
21.12.12
“Questo è il mio Corpo” – Raniero Cantalamessa *
Ktieb mill-iktar interessanti miktub minn bniedem ta’ intelliġenza. Raniero Cantalamessa kien predikatur
tal-mibki Papa Ġwanni Pawlu II. Huwa
pprepara l-eżerċizzji tar-Randan għal diversi snin. Bniedem ċar u profond fi ħsibijietu. Kapaċi jagħtik direzzjonijiet u sfumaturi li
żgur li jaqbżulek.
Mhux l-ewwel ktejjeb li qrajt tiegħu.
Ġew f’idejja oħrajn u qrajthom b’ħeffa u ħeġġa. Dan ilu kważi sena jistenna fuq l-ixkafef
wara li l-għażiża oħti xtratuli ma’ ġabra ikbar ta’ kotba miktuba mill-Papa
attwali Benedittu XVI.
Il-paġni tiegħu huma mimlija għerf. It-tema prinċipali
l-Ewkaristija. Ħsibijiet, ideat u
riflessjonijiet miġbura apposta għar-Randan tas-sena li għaddiet għall-aħħar Randan
tal-Papa Woytila. Fil-fatt il-ktieb
jibda proprju b’dan, b’ittra tat-18 ta’ Marzu 2005 ta’ l-imsemmi Papa
jirringrazzjah fi kliemu “La ringrazio di cuore per la ricchezza di spunti
meditative che ha saputo offrire e per l’affiato spirituale con cui li ha
presentati.”
Għalhekk fih valur varju. Varjetà ta’ aspetti. Għax għalkemm fih innifsu huwa dokument
storiku fis-sens li huwa l-aħħar tal-papat Pollakk, hemm ukoll faċċati
oħrajn. Huwa jesponi b’mod ċar
it-tifsira ta’ l-Ewkaristija billi jirrifletti fuq żewġ talbiet, l’”Adoro te
devote” u fl-aħħar kapitolu l-“Ave Verum”.
Hemm xalata ta’ ideat, ħsibijiet u punti ta’ riflessjoni li fl-aħħar
iħalluk b’togħma mill-aktar ħelwa. Huwa
jirnexxielu jispjega l-valur tat-tqarbin u, billi jidħol fid-dettall,
jirnexxilu jagħti dimensjonijiet qawwija lil min jieħu ħsieb jitqarben
regolarment. Il-ġid li min jitqarben
jirċievi, jew min jagħti l-ħin tiegħu għall-adorazzjoni jassorbi, huwa diffiċli
ħafna sabiex wieħed jinjorah, iktar u iktar wara li jaqra dan il-ktieb. Anzi joħroġ dejjem iktar ċar li min huwa
viċin is-Sagramenti, kif kien qal tajjeb Thomas Merton, jgħix il-ħajja sħiħa
fil-missjoni li huwa jagħżel.
Il-ktieb m’huxiex trattat teoloġiku tqil, twil
u komplikat. Anzi, proprju l-kontra. Huwa mimli bi spjegazzjonijiet mill-aktar
sempliċi. Il-kelma użata hija faċli u
ftit huma dawk il-kliem li biex jifhimhom wieħed irid ikollu dizzjunarju ħdejh.
Tieħu pjaċir tieklu għax tifhem iktar kif
il-fwieħa ta’ l-ingwent jixxerred f’kull rokna tad-dar u kif ma’ kull tqarbina
wieħed ikun qiegħed jiżra’ biċċa mill-ħajja eterna.
L-awtur jispjega kif għidt u biex jirnexxilu
jagħmel dan jirreferi għal numru ta’ inċidenti storiċi. Ifakkar kemm il-jum tal-Ħadd dam sabiex jiġi
rikonoxxut mill-Istat bħala dak tal-mistrieħ.
Kif l-Insara kienu jqumu kmieni filgħodu qabel titla’ x-xemx, jinġabru
jitolbu qabel imorru għax-xogħol sabiex ma jinqabdux mill-persekuzzjoni u kif
il-Ħadd sar li huwa llum meta l-Imperatur Kostantinu ddikjarah mhux iktar jum
tal-ġimgħa iżda jum ta’ ferħ u ta’ mistrieħ.
L-istess jispjega l-Miraklu ta’ Bolsena ta’
l-1263. Kif saċerdot fi triqtu lejn
Ruma, waqt li kien qiegħed iqaddes, iddubita ruħu minn dak li kien qiegħed
jagħmel u wara li refa’ l-Ostja Mqaddsa, minnha waqa’ qtar tad-demm. Mhux biss, iżda kif dan l-inċident mexxa u
xpruna lill-Papa Urbanu IV sabiex jistabbilixxi l-festa ta’ “Corpus Domini”.
Għalkemm dan il-ktieb qrajtu waqt irtir li
rnexxieli nagħmel f’Tas-Silġ, huwa wieħed li jista’ jinqara minn ħafna nies
għax huwa ċar u spjegattiv. Nirrakkomandah
lilkom ukoll, sabiex tieħdu pjaċir taqrawh bħalma ħadt jien.
*Dan l-artikolu deher fin-Nazzjon fl-2005.
Subscribe to:
Posts (Atom)
KANA
1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...
-
27921. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u t-Turiżmu: Jista’ d-Deputa...
-
12444. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid...
-
10922. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill- Ministru għall-Finanzi u x-Xogħol: Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li qegħdin...