5.8.25

FIĊ-ĊIRKOSTANZI

1. Il-mument politiku attwali jitlob attenzjoni. Mhux biss f’dak li huwa għaddej, imma l-aktar f’dak li qed jiżviluppa quddiemna. Nistgħu naraw dan kollu u nistgħu le, imma r-realtà hija li hemm passi politiċi li qegħdin isiru. Huwa minnu li ninsabu fil-proċess twil u kkumplikat biex jiġi elett Kap tal-Partit, imma rridu niftakru li ħaddieħor mhuwiex qiegħed b’idejh fuq żaqqu. Qiegħed jimxi b’passi politiċi; jipprepara għall-appuntament politiku li ġej. Dak li qiegħed jagħmel mhux ser ikun neċessarjament effettiv, imma xorta ser ikollu effett fuq l-elettorat. Dan xorta jitlob tweġiba minn min qiegħed jikkandida ruħu. Il-pożizzjoni trid tiġi ekwilibrata għal dak li sejrin lejh.

Realpolitik

2. M’aħniex f’sitwazzjoni fejn id-dinja waqfet iddur tistenniena. Wisq inqas li mhu qed jiġri xejn. Il-ħajja tal-Gvern għadha għaddejja anki waqt li ż-żewġ kandidati qed jiltaqgħu man-nies u jwieġbu għad-domandi fl-intervisti twal li qed isirulhom. Meta, finalment nagħżlu, min jiġi hekk maħtur jiftaħ il-bieb biex isib jistennih Prim Ministru li anki jekk ma naqblux miegħu, xorta rridu nirrikonoxxi li ġabar esperjenza politika. Kwalità li ser tidħol fil-kalatura, irridu jew ma rridux, u din triq li trid tweġiba serja u kredibbli għalina. Nittama li ħadd ma jkompli, b’xi mod, jilludi ruħu. Il-politika hija fil-preżent u mhux fil-passat jew fil-futur.

Passi

3. Dan iktar u iktar fl-għarfien li l-Gvern għandu żvantaġġi li qiegħed jipprova jikkumbatti. L-ewwel, ovvjament, iż-żmien li issa ilu fil-poter, u li dan jiekol u jnaqqas mill-ħeġġa u l-entużjażmu politiku salv dak li wieħed jibqa’ jżomm il-poter f’idejh. It-tieni: il-problemi ekonomiċi. Il-potenzjal sabiex wieħed iqassam naqas proprju għax id-dħul li qabel kien jiggarantixxi, dan issa spiċċa. It-tielet: hemm żieda konsiderevoli fid-defiċit li qed iġġibna iktar diffiċli biex ikollna l-istess flessibilità. Ir-raba’: għax huwa ċar ħafna li l-popolarità tal-Gvern naqset sew u hemm tgergir u diskors marbut mal-arroganza ta’ min ikun fil-poter għal ċertu żmien – tlett leġislaturi. Ma’ dan iktar hemm il-fattur li min huwa fil-poter jifhem, forsi wkoll ikabbar iktar, id-difetti u l-iżvantaġġi tiegħu.

Ix-xenarju fil-bidla

4. Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru ftit ilu li jekk ikun hemm bidla fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa jikkunsidra li jmur għal elezzjoni ġenerali ma tistax tiġi njorata. Forsi qabel kien jaħseb li huwa komdu. Forsi wkoll jagħraf, kif qiegħed naturalment jiġri, li hemm entużjażmu ġdid fi ħdan l-Oppożizzjoni. Forsi f’dan iktar l-għarfien li bidla hija bidla u li l-poplu, fil-maġġoranza tiegħu, b’attenzjoni u b’kalkolu jridha. Jingħad x’jingħad, huwa ta’ ġid għad-demokrazija tagħna li jkun hemm bidla politika wara tlett leġislaturi mmexxija mill-Partit Laburista. Iktar u iktar meta, kull darba, l-elezzjoni kienet impustata bi propaganda effettiva, f’forma ta’ reazzjoni kontra l-Oppożizzjoni.

Nagħrfu l-pożizzjoni

5. F’dan proprju aktar għandna nagħrfu s-sitwazzjoni tagħna. Iċ-ċirkostanzi huma li huma. Jista’ xi ħadd jippretendi li jkun hemm bżonn ta’ xi rinkarnazzjonijiet passati. Jiġu lura mill-mistrieħ ta’ dejjem dawk li qabel kellna magħna, li llum narawhom perfetti. Inkella li jibni lista ta’ kwalitajiet li jippretendi mill-kandidati. Inġustament jimponi fuqhom aktar milli, fil-mument, jistgħu juru li huma kapaċi jwettqu. M’aħniex fi stat ta’ perfezzjoni, imma ngħixu fost l-umani. Nifhmu aktar, u jifhmu aktar huma wkoll, li l-unità interna hija fil-massimu tal-kunsiderazzjonijiet, huma x’inhuma t-talenti tagħhom. Piż u responsabbiltà xejn faċli għalihom, huma li għaddejjin f’din il-kampanja fis-sħana tas-sajf u fil-festi li qed jiġu ċċelebrati f’kull rokna ta’ pajjiżna.

Kull persuna

6. F’dan il-Partit, kull persuna hija importanti. Ma nistgħux nippermettu mentalità ta’ parti kontra oħra. Irridu proċess lura biex il-biċċiet isibu posthom, skomdi kemm jistgħu jkunu. Wieħed li jibni lura f’daqqa, kienu x’kienu d-deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu fil-passat. Dan fih ħafna xogħol, u trid l-esperjenza biex twettqu. Imma huwa neċessarju li jsir proprju issa, waqt li għaddejja l-kampanja. Ma nistgħux naħsbu li nistgħu niġġieldu llum biex ningħaqdu għada. Meta joħroġ id-demm ma ġġibux lura, jekk mhux wara ħafna snin. It-tolleranza tal-kwalitajiet u tal-istorja politika tagħhom hija determinanti f’dan. Iktar u iktar waqt li għandna nagħrfu li ninsabu f’okkażjoni ġdida u f’opportunità differenti.

Take the Chance

7. Fi żmien ilu, dawn il-kliem kienu fuq fomm ħafna. Kienu jitkantaw fit-toroq. F’ċertu sens, ninsabu lura f’dik il-pożizzjoni. Hija waħda delikata u li titlob attenzjoni. Hemm bilanċ li wieħed irid jara li jżomm fi kliemu u f’ħidmietu. Iktar u iktar fl-għarfien ċar li, minn issa ’l quddiem, kliem mhux f’postu u deċiżjonijiet politiċi żbaljati ser ikollhom piż iktar mis-soltu. Aħjar wieħed ma jgħid xejn u jistenna l-mument preċiż milli jisparla. Ħadd, nittama li nifhmu, ma huwa ser ikun ġentili jew jagħlaq għajn, jew jgħid: nibda wara li jgħaddu mitt ġurnata. Hemm elettorat li huwa xettiku u jrid ħafna attenzjoni, għalkemm mhijiex impossibbli li din tingħata, biex jiġi persważ. Jekk ma jarax bidliet veri u li jirrispettaw dan kollu issa ser jibqa’ komdu fejn huwa, jistenna x’ser jiġri għal wara l-elezzjoni.

Possibbli

8. Nemmen li bidla tista’ sseħħ anki jekk il-Gvern qiegħed jimla’ l-pajjiż b’kartelluni li jfakkruna fuq kemm huwa stess qed jiddikjara li ħadem. Nemmen li m’għandna ebda raġuni għala naqtgħu qalbna jew naħsbu li hija triq iktar iebsa milli naraw. Ejja napprezzaw li ċ-ċirkostanzi huma tali u partikolari. Il-pajjiż qed jitlob mingħandna li nieħdu sehem f’dan il-proċess sabiex ikun hemm tmexxija differenti u aħjar minn dik preżenti. F’dan nistgħu aktar jekk nifhmu dak kollu li hemm fil-kalatura u r-riskji li rridu ngħaddu minnhom. Min ser imexxi lil dan il-pajjiż fil-futur ser ikollu fuqu responsabbiltà xejn faċli għax id-deċiżjonijiet huma ta’ portata. Xorta, fiċ-ċirkostanzi partikolari wieħed jista’ jimxi, b’kawtela u kalkolu politiku, ’il quddiem.

Fil-mument

9. Kif inhuwa ċar, il-mument mhuwiex faċli għall-Partit Nazzjonalista. Wieħed jista’ jargumenta inutilment li ċerti deċiżjonijiet messhom ittieħdu qabel. Wieħed jista’ jiddikjara ħafna fuq dan, imma l-pożizzjoni llum hija evidenti u xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni. L-ispazju politiku ta’ manuvrar mhuwiex dak li kellhom mexxejja oħra li telqu wara elezzjoni ġenerali. Imma xorta dan diġà seħħ qabel u xorta bi preċiżjoni politika jista’ jsir. F’dan wieħed irid jikkunsidra li iktar ma l-għażla ssir malajr, iktar aħjar. Dan għax sejrin lejn appuntament politiku li fuqu l-Gvern, dejjem jekk irid iżomm ferm mal-kelma tiegħu, ikun irid jibni fuqu l-kampanja tiegħu. Il-Budget li ġej ser ikun magħna ferm iktar malajr wara s-sajf.

’Il quddiem

10. Il-politika hija xjenza wkoll. Titlob mingħandna għarfien tal-kurrenti u d-direzzjonijiet li għaddejja. Ninsabu għalhekk f’dawn iċ-ċirkostanzi sħaħ. Ninsabu f’dawn l-elementi kollha u m’għandniex nitilfu l-opportunità li naraw tibdil meritat għal pajjiżna. Hemm bżonn linja politika differenti li ġġib lura jaħdem dak li mhuwiex. Dik li tgħin sabiex ikollna iktar ugwaljanza. Dik li tkattar iktar ġid veru u mhux apparenti. Bini ta’ pedamenti ġodda u tisħiħ veru ta’ dak li għandna.

No comments:

KATINA TA' GARANZIJI

1. F’din il-ġimgħa, dawk li jirrispettaw il-lezzjonijiet tal-istorja, jafu. Anzi aħjar, jiftakru li tmenin sena ilu żewġt’ibliet mimli...