Showing posts with label Elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Show all posts
Showing posts with label Elezzjoni għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista. Show all posts

21.8.25

KONVERĠENZA

1. Naħseb li issa li qed noqorbu iktar viċin lejn il-ġurnata li fiha ser ikun hemm il-vot tagħna, ikun tajjeb li nisiltu xi punti politiċi. Nagħrfu, l-ewwel, li dan għandu jkun proċess ta’ għaqda. Wieħed ukoll f’dik it-triq li ġġib iktar rikonċiljazzjoni bejn dawk li ma jaqblux jew li qabel ma qablux. Fid-dinja tagħna nistgħu nfittxu li nsibu dak li jifridna, jew inkella dak li jġibna f’daqqa. Wara dak li għaddejna minnu bħala partit internament u esternament għandna nifhmu, u naħseb li hemm ninsabu, li għandna dmir li mmorru f’daqqa, bl-aħjar mod, lejn elezzjoni ġenerali. Jekk ma nkunux ilkoll fuq linja waħda li biha naqblu li hemm bżonn ta’ bidla fil-Gvern tal-ġurnata nkunu qed nitilfu opportunità unika.

Innutajt

2. S’issa stajt nara li fil-maġġoranza, salv xi botta naħa jew oħra li mhux dejjem wieħed jifhem, il-membri tal-Partit dan jifhmuh. M’għandniex bżonn inkomplu nagħtu spettaklu bi ġlied fuq il-mejda. M’għandna ebda bżonn li mmorru lura lejn xi forma ta’ kontestazzjoni, li kif rajna, ma twassalx fejn nixtiquha. Għandna bżonn iktar li nsegwu dan il-proċess intern ta’ konverġenza u rikonċiljazzjoni. Il-Partit dan għandu jwettqu, u l-iktar, li jikkompletah fil-passi li diġà saru qabel biex b’hekk jikkonkludih. Billi tgħid kontra dawk li huma, jew li kienu parti mill-Partit, m’intix ser timxi. Wisq inqas li tibqa’ timmaġina li ser timxi ’l quddiem billi tagħmel il-bsaten fir-roti lill-oħrajn.

Spettaklu

3. F’dan, iktar attenzjoni għal dawk li jaħsbu li aħna qegħdin għad-divertiment tal-oħrajn. Dawk l-oħrajn li, fl-aġendi varji u mħawda tagħhom, qed jipprattikaw l-isport favorit tagħhom li huwa dak li jippruvaw iġellduna. U xi drabi jirnexxilhom, meta ma naħsbux ftit qabel dwar għala nsibu ċerti ‘aħbarijiet’. Hemm min irid jimla l-gazzetta tiegħu. Hemm min irid jimla l-programm tiegħu u għalhekk jaħseb li aħna s-suġġetti tal-ispettaklu tiegħu jew tal-qarrejja jew tat-telespettaturi li jsegwuh. S’issa nittama li kollox jibqa’ sejjer fit-triq li ma nkunux aħna stress il-kaġun li nidħlu f’dawn it-trabokki diretti jew indiretti. Li tagħżel Kap diġà, minnu nnifsu, mhijiex xi ħaġa faċli. Mela ejja nassiguraw li dan il-proċess ma nikkumplikawhx aħna stess. Nibqgħu lura, b’pass attent.

Ħafna biċċiet

4. Ninsabu fil-mument meta rridu nissuperaw diversi diviżjonijiet passati li b’xi mod ġbarna, kabbarna u kkumplikajna f’dawn l-aħħar għoxrin sena. Għandna l-melħ tagħna u s-sustanza partikolari li rridu nipproteġu. Aħna partit b’viżjoni politika ċara. Partit Demokratiku Kristjan b’esperjenza twila u b’reputazzjoni ta’ diversi miżuri fil-kamp tal-ġustizzja soċjali, l-ekonomija u d-demokrazija. Identità proprja, li baqgħet hemm, tiġi rikonoxxuta u vvutata. Biss irridu nagħrfu li hemm feriti li jridu jingħalqu. Qasmiet li ġiebu persuni fil-pożizzjoni li ma jistgħux jibqgħu jgħixu flimkien politikament. Uħud li mxew f’partit ieħor, avolja qalbhom għadha tħabbat fil-ġisem tagħna.

Proprju għalhekk

5. Hemm il-bżonn ta’ mixja lura lejn li ġġib il-biċċiet sħaħ lura, u dawn fil-post preċiż fl-istampa tal-mużajk li aħna nirrappreżentaw. F’kelma waħda, dak li sar qabel u dak li jista’ jsir illum. Ejja nħarsu madwarna u nifhmu li rridu nġibu din il-konverġenza fuq punt fundamentali: dak li jitlob li nifhmu li hemm bżonn nazzjonali li jkun hemm bidla fil-Gvern tal-ġurnata. Diġà aħna xhieda ta’ Partit Laburista li f’dan il-mument qiegħed, internament, imiss ma’ kritika ta’ ċertu piż. Ex-Prim Ministru, ex-Ministri li servewh qed iduru jikkritikawh. Uħud b’attenzjoni, oħrajn fl-evidenza li jagħrfu li jekk ma jitkellmux kollox ser jibqa’ sejjer l-istess, u oħrajn fil-bżonn li jiddistakkaw ruħhom minn dak li huwa għaddej. Kurrenti li jindikaw iktar li ebda partit politiku ma huwa fil-poter tal-pajjiż għall-eternità.

Alternanza

6. Jekk hemm lezzjoni kontinwa li wieħed irid jiffaċċja fil-politika Maltija hija proprju din: il-ġlied intern iwassal sabiex ma jibqax il-partit li fih il-bnedmin iridu jibqgħu. Wisq inqas li jkollhom il-ħeġġa li jaħdmu sabiex l-affarijiet, jew jinbidlu, jew jibqgħu kif inhuma. F’dan irridu nifhmu kemm il-konverġenza hija determinanti. Ħadd mhuwa l-istess; ħadd ma jaqbel f’kollox ma’ kulħadd. Fl-indipendenza personali, fid-dinjità umana tagħna rridu nifhmu li jekk ma niġux f’daqqa ser nitilfu l-appuntament. Proprju għalhekk irridu naqtgħu l-kunflitti futuri llum qabel għada, u nkomplu fil-proċess li nġibu fejqan għal dawk passati. Għarfien li aktar ma niġu flimkien, aktar ser ikollna suċċess fir-riżultat u fil-proġett politiku tagħna. Fejqan, paċi, u fehma li hija l-istabilità vera dik li tkattar, u mhux tkisser. Dik li biha nġibu lura klima soċjali u ekonomika aħjar milli għandna.

 

5.8.25

FIĊ-ĊIRKOSTANZI

1. Il-mument politiku attwali jitlob attenzjoni. Mhux biss f’dak li huwa għaddej, imma l-aktar f’dak li qed jiżviluppa quddiemna. Nistgħu naraw dan kollu u nistgħu le, imma r-realtà hija li hemm passi politiċi li qegħdin isiru. Huwa minnu li ninsabu fil-proċess twil u kkumplikat biex jiġi elett Kap tal-Partit, imma rridu niftakru li ħaddieħor mhuwiex qiegħed b’idejh fuq żaqqu. Qiegħed jimxi b’passi politiċi; jipprepara għall-appuntament politiku li ġej. Dak li qiegħed jagħmel mhux ser ikun neċessarjament effettiv, imma xorta ser ikollu effett fuq l-elettorat. Dan xorta jitlob tweġiba minn min qiegħed jikkandida ruħu. Il-pożizzjoni trid tiġi ekwilibrata għal dak li sejrin lejh.

Realpolitik

2. M’aħniex f’sitwazzjoni fejn id-dinja waqfet iddur tistenniena. Wisq inqas li mhu qed jiġri xejn. Il-ħajja tal-Gvern għadha għaddejja anki waqt li ż-żewġ kandidati qed jiltaqgħu man-nies u jwieġbu għad-domandi fl-intervisti twal li qed isirulhom. Meta, finalment nagħżlu, min jiġi hekk maħtur jiftaħ il-bieb biex isib jistennih Prim Ministru li anki jekk ma naqblux miegħu, xorta rridu nirrikonoxxi li ġabar esperjenza politika. Kwalità li ser tidħol fil-kalatura, irridu jew ma rridux, u din triq li trid tweġiba serja u kredibbli għalina. Nittama li ħadd ma jkompli, b’xi mod, jilludi ruħu. Il-politika hija fil-preżent u mhux fil-passat jew fil-futur.

Passi

3. Dan iktar u iktar fl-għarfien li l-Gvern għandu żvantaġġi li qiegħed jipprova jikkumbatti. L-ewwel, ovvjament, iż-żmien li issa ilu fil-poter, u li dan jiekol u jnaqqas mill-ħeġġa u l-entużjażmu politiku salv dak li wieħed jibqa’ jżomm il-poter f’idejh. It-tieni: il-problemi ekonomiċi. Il-potenzjal sabiex wieħed iqassam naqas proprju għax id-dħul li qabel kien jiggarantixxi, dan issa spiċċa. It-tielet: hemm żieda konsiderevoli fid-defiċit li qed iġġibna iktar diffiċli biex ikollna l-istess flessibilità. Ir-raba’: għax huwa ċar ħafna li l-popolarità tal-Gvern naqset sew u hemm tgergir u diskors marbut mal-arroganza ta’ min ikun fil-poter għal ċertu żmien – tlett leġislaturi. Ma’ dan iktar hemm il-fattur li min huwa fil-poter jifhem, forsi wkoll ikabbar iktar, id-difetti u l-iżvantaġġi tiegħu.

Ix-xenarju fil-bidla

4. Id-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru ftit ilu li jekk ikun hemm bidla fil-Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa jikkunsidra li jmur għal elezzjoni ġenerali ma tistax tiġi njorata. Forsi qabel kien jaħseb li huwa komdu. Forsi wkoll jagħraf, kif qiegħed naturalment jiġri, li hemm entużjażmu ġdid fi ħdan l-Oppożizzjoni. Forsi f’dan iktar l-għarfien li bidla hija bidla u li l-poplu, fil-maġġoranza tiegħu, b’attenzjoni u b’kalkolu jridha. Jingħad x’jingħad, huwa ta’ ġid għad-demokrazija tagħna li jkun hemm bidla politika wara tlett leġislaturi mmexxija mill-Partit Laburista. Iktar u iktar meta, kull darba, l-elezzjoni kienet impustata bi propaganda effettiva, f’forma ta’ reazzjoni kontra l-Oppożizzjoni.

Nagħrfu l-pożizzjoni

5. F’dan proprju aktar għandna nagħrfu s-sitwazzjoni tagħna. Iċ-ċirkostanzi huma li huma. Jista’ xi ħadd jippretendi li jkun hemm bżonn ta’ xi rinkarnazzjonijiet passati. Jiġu lura mill-mistrieħ ta’ dejjem dawk li qabel kellna magħna, li llum narawhom perfetti. Inkella li jibni lista ta’ kwalitajiet li jippretendi mill-kandidati. Inġustament jimponi fuqhom aktar milli, fil-mument, jistgħu juru li huma kapaċi jwettqu. M’aħniex fi stat ta’ perfezzjoni, imma ngħixu fost l-umani. Nifhmu aktar, u jifhmu aktar huma wkoll, li l-unità interna hija fil-massimu tal-kunsiderazzjonijiet, huma x’inhuma t-talenti tagħhom. Piż u responsabbiltà xejn faċli għalihom, huma li għaddejjin f’din il-kampanja fis-sħana tas-sajf u fil-festi li qed jiġu ċċelebrati f’kull rokna ta’ pajjiżna.

Kull persuna

6. F’dan il-Partit, kull persuna hija importanti. Ma nistgħux nippermettu mentalità ta’ parti kontra oħra. Irridu proċess lura biex il-biċċiet isibu posthom, skomdi kemm jistgħu jkunu. Wieħed li jibni lura f’daqqa, kienu x’kienu d-deċiżjonijiet żbaljati li ttieħdu fil-passat. Dan fih ħafna xogħol, u trid l-esperjenza biex twettqu. Imma huwa neċessarju li jsir proprju issa, waqt li għaddejja l-kampanja. Ma nistgħux naħsbu li nistgħu niġġieldu llum biex ningħaqdu għada. Meta joħroġ id-demm ma ġġibux lura, jekk mhux wara ħafna snin. It-tolleranza tal-kwalitajiet u tal-istorja politika tagħhom hija determinanti f’dan. Iktar u iktar waqt li għandna nagħrfu li ninsabu f’okkażjoni ġdida u f’opportunità differenti.

Take the Chance

7. Fi żmien ilu, dawn il-kliem kienu fuq fomm ħafna. Kienu jitkantaw fit-toroq. F’ċertu sens, ninsabu lura f’dik il-pożizzjoni. Hija waħda delikata u li titlob attenzjoni. Hemm bilanċ li wieħed irid jara li jżomm fi kliemu u f’ħidmietu. Iktar u iktar fl-għarfien ċar li, minn issa ’l quddiem, kliem mhux f’postu u deċiżjonijiet politiċi żbaljati ser ikollhom piż iktar mis-soltu. Aħjar wieħed ma jgħid xejn u jistenna l-mument preċiż milli jisparla. Ħadd, nittama li nifhmu, ma huwa ser ikun ġentili jew jagħlaq għajn, jew jgħid: nibda wara li jgħaddu mitt ġurnata. Hemm elettorat li huwa xettiku u jrid ħafna attenzjoni, għalkemm mhijiex impossibbli li din tingħata, biex jiġi persważ. Jekk ma jarax bidliet veri u li jirrispettaw dan kollu issa ser jibqa’ komdu fejn huwa, jistenna x’ser jiġri għal wara l-elezzjoni.

Possibbli

8. Nemmen li bidla tista’ sseħħ anki jekk il-Gvern qiegħed jimla’ l-pajjiż b’kartelluni li jfakkruna fuq kemm huwa stess qed jiddikjara li ħadem. Nemmen li m’għandna ebda raġuni għala naqtgħu qalbna jew naħsbu li hija triq iktar iebsa milli naraw. Ejja napprezzaw li ċ-ċirkostanzi huma tali u partikolari. Il-pajjiż qed jitlob mingħandna li nieħdu sehem f’dan il-proċess sabiex ikun hemm tmexxija differenti u aħjar minn dik preżenti. F’dan nistgħu aktar jekk nifhmu dak kollu li hemm fil-kalatura u r-riskji li rridu ngħaddu minnhom. Min ser imexxi lil dan il-pajjiż fil-futur ser ikollu fuqu responsabbiltà xejn faċli għax id-deċiżjonijiet huma ta’ portata. Xorta, fiċ-ċirkostanzi partikolari wieħed jista’ jimxi, b’kawtela u kalkolu politiku, ’il quddiem.

Fil-mument

9. Kif inhuwa ċar, il-mument mhuwiex faċli għall-Partit Nazzjonalista. Wieħed jista’ jargumenta inutilment li ċerti deċiżjonijiet messhom ittieħdu qabel. Wieħed jista’ jiddikjara ħafna fuq dan, imma l-pożizzjoni llum hija evidenti u xejn ma jiġri b’kumbinazzjoni. L-ispazju politiku ta’ manuvrar mhuwiex dak li kellhom mexxejja oħra li telqu wara elezzjoni ġenerali. Imma xorta dan diġà seħħ qabel u xorta bi preċiżjoni politika jista’ jsir. F’dan wieħed irid jikkunsidra li iktar ma l-għażla ssir malajr, iktar aħjar. Dan għax sejrin lejn appuntament politiku li fuqu l-Gvern, dejjem jekk irid iżomm ferm mal-kelma tiegħu, ikun irid jibni fuqu l-kampanja tiegħu. Il-Budget li ġej ser ikun magħna ferm iktar malajr wara s-sajf.

’Il quddiem

10. Il-politika hija xjenza wkoll. Titlob mingħandna għarfien tal-kurrenti u d-direzzjonijiet li għaddejja. Ninsabu għalhekk f’dawn iċ-ċirkostanzi sħaħ. Ninsabu f’dawn l-elementi kollha u m’għandniex nitilfu l-opportunità li naraw tibdil meritat għal pajjiżna. Hemm bżonn linja politika differenti li ġġib lura jaħdem dak li mhuwiex. Dik li tgħin sabiex ikollna iktar ugwaljanza. Dik li tkattar iktar ġid veru u mhux apparenti. Bini ta’ pedamenti ġodda u tisħiħ veru ta’ dak li għandna.

31.7.25

KONVENJENZA

1. Il-politika li niktbu u nitkellmu dwarha tifred lil dawk li jservu fiha f’żewġ gruppi prinċipali. Dawk li daħlu biex iservu lill-oħrajn u jsegwu linja ta’ prinċipju u dawk inqas, ferm inqas, li jħarsu anzi aktar lejn dak li huwa ta’ konvenjenza għalihom. Sfortunatament, dawn tat-tieni kategorija qed jinfluwenzaw wisq il-politika tagħna. Jekk qabel kienu fil-minoranza, issa wisq nibża’ li saru, u daħlu, fil-maġġoranza. Il-konvenjenza fiha tagħha u taltera l-binarji tal-politika. Iktar u iktar meta fis-soċjetà tagħna aħna mdorrijin b’politiċi ta’ onestà u integrata li lesti li jissagrifikaw lilhom infushom għall-oħrajn.

Darrejna

2. F’dan wieħed irid ikun aktar attent sabiex inrawmu kultura differenti. Iktar u iktar meta t-triq tal-karriera politika hija differenti minn dik li kienet qabel. Waqt li f’ħidmiet passati dawk fil-politika kienu jgħaddu minn għarbiel partikolari, illum dan m’għadux l-istess. Biex titla’ ’l fuq tista’ timxi skaluna skaluna fid-diffikultajiet li s-soċjetà tagħti. Tista’ wkoll, u f’dan titlef din l-esperjenza unika, issib ruħek mill-ewwel fuq. Tkun ilħaqt mingħajr ma tbati, imma meta ssegwi dan tibda iktar tidħol fit-triq tal-konvenjenza u dan iktar milli f’dik tat-tbatija tal-prinċipju. Verament f’dan, hija forma stramba ta’ rifless ta’ dak li aħna, fis-sens li hawn iktar min ifittex il-kumdità u jaħrab it-tbatija.

Mhux blalen

3. F’dan iktar għax il-bnedmin mhumiex blalen. Ballun tista’ tagħtih daqqa ta’ sieq u jaħbat bil-forza li trid mal-ħajt u jiġi b’daqstant ieħor lura, imma l-bnedmin le. Ftit ħafna huma dawk li jservu f’din il-linja li meta jlaqqtu dik id-daqqa jiġu lura. Il-maġġoranza jibqgħu fejn huma, jistennew li l-affarijiet jinbidlu. Jibqgħu jaraw jekk l-arja tinbidilx u jekk min qiegħed isejjaħ huwiex ġenwin jew le. Ifittxu l-irġulija u l-onestà. Ifittxu jaraw jekk bniedem huwiex awtentiku fi kliemu u f’ħidmietu. Jekk fil-fatt ġarrabx fit-triq iebsa li l-ħajja tagħti jew kienx għaddej fuq il-lixx. Jekk waqax, tbenġilx, inbaraxx, ġiex infaxxat u wara, jekk xorta kienx kapaċi jerġa’ jqum fuq saqajh u jimxi.

L-irġulija tiġi

4. F’din it-triq hemm il-linja li tifred u tissoda ’l-bnedmin. Il-politika tal-prinċipju u mhux tal-konvenjenza tagħmel minn dak li jkun wieħed li jiġi kkunsidrat f’għajnejn il-bnedmin fuq kulħadd. Jekk nisma’ kliem ta’ nostalġija passata fuq politiċi differenti u li jispikkaw, dan ġej proprju mill-għażliet tagħhom favur l-irġulija. Dik li minnha l-ħidma ssir fuq il-linja ta’ dak li huwa sewwa u dak li għandu jkun, mhux il-kontra. Il-liġijiet, il-ħidma politika jsiru jew fuq dak li huwa verament l-aħjar, inkella fuq dak li taħseb li ser iżidlek il-voti. Tat-tieni wieħed jaħseb li hija l-aħjar linja, imma maż-żmien tinduna li mhijiex hekk. Tinduna li tista’ tirbaħ wieħed imma li fil-fatt, wara, titlef diversi oħrajn. Dan l-iktar għax dak li ma jistax jagħti frott ma tistax tibni fuqu.

F’dan iż-żmien

5. F’dan il-perjodu partikolari li għaddejjin minnu huwa iktar ċar li għandna opportunità unika għad-dispożizzjoni tagħna. F’ħafna, il-karti nfetħu mill-ġdid. Hemm linja li nistgħu naqbdu b’attenzjoni mingħajr kunflitti inutli u bil-ħsieb kontinwu li fl-għaqda, u mhux fid-differenzi, wieħed jirbaħ. Il-passi ’l quddiem iġibuna f’daqqa jekk ikun hemm proġett politiku komuni. Wieħed li jrid jinbena mingħajr biża’ fuq il-prinċipju. L-esperjenza politika f’pajjiżna u barra hija li persuna tkun iktar lesta tivvota partit li taf x’jaħseb, abjad u iswed, anki jekk ma taqbilx għalkollox miegħu. F’dan għandna iktar il-vantaġġi li joffrulna l-prinċipji Demokratiċi-Kristjani li nħaddnu u li qabel ħaddanna b’suċċess.

Dak li tirbaħ bih

6. Għalhekk għalija huwa proprju ferm iktar evidenti li f’dan il-mument partikolari għandu jkun il-prinċipju li jirbaħ fuq il-konvenjenza. Min irid jinjora dan ikun qiegħed jidher li miexi ’l quddiem, imma fil-fatt ikun qiegħed jibqa’ wieqaf fejn hu. Lezzjoni li jagħtina l-passat u li għandna nsegwu sabiex ma nitilfux din l-okkażjoni unika li għandna quddiemna u f’idejna.

16.6.25

KLIEM MILL-INQAS

1. Mill-kantuniera li ninsab fiha nipprova nifhem kemm nista’ nifhem u nħares lejn dak li ġej għalina fil-futur. Għażla ta’ kap ta’ partit qatt ma kienet faċli. Hemm numru ta’ elementi li jvarjaw ukoll skont iż-żmien u ċ-ċirkostanzi. Il-bniedem perfett għadu ma twelidx u wisq inqas dak li kapaċi jkollu l-kunsens ta’ kull persuna fuqu. Dak li seħħ tul din il-ġimgħa naħseb li huwa kmieni wisq biex wieħed jasal għal konklużjonijiet. Però rridu nifhmu li aħna msejħa biex nieħdu sehem fi proċess ta’ għażla ġdida.

Kull persuna

2. Nittama aktar li dawk li jaħsbu li billi jmaqdru jew jiddenigraw lil ħaddieħor se jieħdu xi punt jifhmu li b’dan ma huma ser jaslu mkien. Kull bniedem għandu l-valur sħiħ tiegħu. Kull membru għandu jiġi stmat f’dak li huwa u permess li jieħu sehem fit-triq kompleta. L-aħħar appuntament ġieb wisq firdiet u telf ta’ demm prezzjuż. Nifhem li hemm feriti li għadhom m’għalqux. Nifhem li hemm min ħareġ barra u farfar it-trab minn ma’ saqajh. Sar diskors żejjed u dan għadu f’moħħ u f’qalb numru ta’ persuni. Proprju għalhekk li din l-opportunità m’għandhiex tintilef u l-biċċiet sħaħ tagħna jiġu lura f’daqqa. Il-mużajk tal-Partit irid jiġi rikompost u dan huwa mument ieħor li m’għandniex nitilfu.

Inħarsu ’l quddiem


3. F’dan, ċertament nappella għal inqas kuntrasti, inqas taqbiliet żbaljati u aktar unità. Kull parti mill-Partit hija importanti, mhux uħud biss. Kull min kien, kull min għadu u kull min irid isir għandu jkun parti minn dan il-proġett lejn il-futur. Ideat hemm. Bnedmin b’ħeġġa, determinazzjoni u esperjenza, ukoll. Ilkoll flimkien irridu nimxu f’din it-triq biex fl-isfida ferm iktar viċina minn qabel li għandna nkunu mhux maqsuma f’biċċiet imma flimkien, f’daqqa. Għandi tama qawwija li dan iseħħ. Għandi tama li lkoll nifhmu li dan huwa l-mument meta l-patrijottiżmu lejn pajjiżna u lejn l-istess Partit li naħdmu fih iġibna f’postna.

Ma naqtgħux qalbna

4. Ser ikun hemm min jaħseb li dan mhuwiex favur ħafna tagħna. Jista’ jkun, imma proprju għalhekk irridu naħdmu b’iktar għaqal u intelliġenza. L-esperjenza tgħarrfek li kull sitwazzjoni jkollha l-vantaġġi tagħha. Triq tieqaf, telenkahom u taħdem fihom. Dak li jidher mod irridu nibdluh. Iktar u iktar jekk ikollna l-opportunità li b’elezzjoni ġenerali qabel il-mument nibdlu l-Gvern. Bil-bnedmin li kellu, il-Partit ikkumbatta diversi sitwazzjonijiet ikkomplikati. Ninsab fiduċjuż li bl-għajnuna ta’ kull persuna dan jista’ jsir. Avolja nifhem is-sitwazzjoni politika kif ukoll dik storika, xorta f’dan m’għandniex b’xi mod naqtgħu qalbna.

Jista’ jidher

5. Jista’ jidher li qegħdin f’pożizzjoni drammatika. Biss irridu nifhmu wkoll li nistgħu nrenduha l-kontra. M’hemmx bżonn formoli kkumplikati jew programmi elettorali li ma jispiċċaw qatt. Hemm bżonn il-politika: sempliċi u ordinarja li fiha ġġib lill-bnedmin iktar f’daqqa fil-proċess li nbeda. Inħarsu iktar lejn il-futur li ġej u nagħrfu li kull pass, kull kelma, kull azzjoni rridu nżommu fiha l-ħsieb li din tista’ tkabbar jew tnaqqas l-okkażjoni li jinbidel il-Gvern. Tlett leġiżlaturi huma ta’ piż politiku. Għaddejna minnu aħna. Li jkun hemm ir-raba’ waħda, ferm ikbar bil-konsegwenzi.

Bidla

6. Nappella biex ħadd ma jaqta’ qalbu. Nappella sabiex l-esperjenza politika ta’ ebda persuna, Kap jew Deputat, b’xi mod jintilfu. Nappella għal inqas diskors, wisq inqas dak vojt jew żejjed. Nappella li nifhmu li pajjiżna qiegħed isejħilna sabiex nassiguraw il-bidla li hemm bżonn. F’dan għalhekk nappella għal ferm iktar għaqal, perseveranza u determinazzjoni u ma’ dawn nappella wkoll, iktar u iktar, għal kliem mill-inqas.

ĦAL TARXIEN/RAĦAL ĠDID – TRIQ NAZZARENU – XOGĦLIJIET

35817. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet...