18.9.21

SANTA LUĊIJA – TRIQ IL-PRINJOL - XOGĦLIJIET

 

 

21371. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid x'qed isir ġewwa Triq il-Prinjol Santa Luċija Malta? Jistax ukoll jindika kemm ilu jsir u kemm huwa previst li ser jiġi jiswa?

 

24/05/2021

 

  ONOR. IAN BORG:  F’Jannar li għadda Infrastructure Malta tat bidu għal proġett ta’ €2.5 miljun biex tibni mill-ġdid aktar minn żewġ kilometri ta’ toroq residenzjali f’Santa Luċija u ttejjeb il-belvedere li jħares fuq il-Wied ta’ Garnaw, b’mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti.

 

Wara li tejbet l-aċċessi ewlenin għal din il-lokalità bil-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa fl-2019 u bil-proġett taż-żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, li tlesta f’Jannar li għadda, l-aġenzija qed tikkollabora mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija biex tibni mill-ġdid diversi toroq f’din il-lokalità. Ix-xogħlijiet prinċipali tal-proġett jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ tliet toroq residenzjali twal li jmissu ma’ xulxin - Dawret it-Torri, Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale - li jestendu kważi żewġ kilometri mal-ġenb tal-Wied Ta’ Garnaw.

 

F’dawn it-toroq, Infrastructure Malta qed tgħaddi minn taħt l-art pajpijiet ġodda tal-provvista tal-ilma, katusi tad-drenaġġ u oħrajn għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita, kif ukoll pajpijiet għall-cables tal-Internet u telekomunikazzjonijiet oħra. Fejn meħtieġ, se ssaħħaħ ukoll il-pedamenti tat-toroq u tibni bankini ġodda, qabel ma tlestihom b’wiċċ ġdid bl-asfalt u tlesti xogħlijiet ta’ tisbieħ ieħor fl-istess inħawi.

 

It-titjib tal-belvedere tul medda ta’ kilometru fuq ix-xaqliba tan-nofsinhar ta’ Dawret it-Torri u Triq il-Prinjoli se jinkludi mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti u żoni msebbħin b’diversi siġar ġodda. Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija f’kolloaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta, iddisinja mill-ġdid din iż-żona mħaddra biex joħloq spazju ta’ rikreazzjoni għar-residenti u rotta aktar sigura għaċ-ċiklisti u dawk li jgħaddu mill-inħawi bil-mixi. Fl-2020, Infrastructure Malta ħawlet bosta siġar maturi f’partijiet differenti ta’ dan il-belvedere. L-aġenzija qed tkompli tieħu ħsieb dawn is-siġar u se tkompli ssebbaħ l-inħawi bit-tħawwil t’aktar siġar indiġeni u arbuxelli.

 

B’hekk, filwaqt li f’dawn it-tliet toroq qabel kien hemm biss bankina, issa se jkun hemm ukoll korsija sigura li tista’ tintuża miċ-ċiklisti wkoll, b’veduti sbieħ tal-wied. Id-disinn ta’ partijiet minn dawn it-toroq u tal-korsija għar-roti u l-mixi ġdida qed jiġu kontinwament diskussi mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, li għamel id-disinn oriġinali. Infrastructure Malta infurmata li minn naħa tiegħu, il-Kunsill Lokali qed jikkonsulta r-residenti konċernati sabiex jiġi żgurat li dan l-investiment multi-miljunarju f’din il-lokalità verament iwassal għal ambjent aħjar u infrastruttura aktar sigura u sostenibbli għal dawk kollha li jgħixu, jaħdmu u jivvjaġġaw f’Santa Luċija.

 

Permezz tal-istess proġett, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid ukoll toroq oħrajn fil-viċin, fosthom Triq Klematis, Triq Dun M. Mifsud, Triq il-Ġjaċinti, Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan u Triq iċ-Ċikwejra. Fl-aħħar sentejn, permezz tal-proġett nazzjonali mifrux fuq seba’ snin għall-bini mill-ġdid tat-toroq residenzjali, l-aġenzija bniet mill-ġdid toroq oħrajn f’din il-lokalità, bħalma huma Triq Bruka, Triq il-Ġiżimin, Triq Żnuber u Triq Gardenja.

 

Seduta  467

31/05/2021

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...