Showing posts with label Santa Lucija. Show all posts
Showing posts with label Santa Lucija. Show all posts

18.9.21

SANTA LUĊIJA – RESIDENTI KUMPENSATI GĦALL-INKONVENJENT U DIFFIKULTAJIET TAL-BINI TA’ TRIQ IL-BARRANI

 

 

21376. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba r-residenti ta’ Santa Luċija Malta humiex se jiġu b’xi mod kumpensati għall-inkonvenjent u diffikultajiet varji li kellhom jgħaddu minnu tul il-kostruzzjoni ta’ Triq tal-Barrani?

 

24/05/2021

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-residenti ta’ Santa Luċija, bħal dawk f’lokalitajiet oħrajn fil-viċinanzi, gawdew minn jogging track imkabbra għall-ġiri u l-mixi, toroq aħjar, promenade u tisbieħ ġenerali. Bla dubju, l-akbar kumpens għar-residenti jibqa’ t-tnaqqis drastiku fit-tniġġis ikkawżat mit-traffiku li jgħaddi mill-inħawi.

 

Seduta  467

31/05/2021

 

SANTA LUĊIJA – RESIDENTI KUMPENSATI GĦALL-INKONVENJENT U DIFFIKULTAJIET TAL-BINI TA’ TRIQ IL-BARRANI

 

 

21375. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba r-residenti ta’ Santa Luċija Malta humiex se jiġu b’xi mod kumpensati għall-inkonvenjent u diffikultajiet varji li kellhom jgħaddu minnu, tul il-kostruzzjoni ta’ Triq tal-Barrani?

 

24/05/2021

 

  ONOR. IAN BORG:  F’Jannar li għadda, Infrastructure Malta lestiet il-proġett taż-żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, investiment ieħor ta’ €20 miljun biex ittejjeb is-sigurezza, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tar-rotta ewlenija lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta.

 

Il-mini ġodda b’erba’ korsiji li jgħaqqdu Triq Tal-Barrani ma’ Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata) qegħdin inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar b’aktar minn 30%. Qed itaffu wkoll it-tniġġis mid-dħaħen u l-istorbju tal-konġestjoni li kienet toħloq ir-roundabout li kien hemm qabel, li fiha kienu jiltaqgħu u jaqsmu kontra xulxin diversi rotot traffikużi, fosthom tliet toroq arterjali u tliet toroq oħrajn li jagħtu għal Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Bil-junction ġdida fuq żewġ livelli, ħafna mill-vetturi li kienu jgħaddu minn dan is-salib it-toroq issa jgħaddu dritt minn ġol-mini. B’hekk saret ukoll eħfef biex tivvjaġġa b’mod aktar sigur u b’metodi differenti bejn it-tliet lokalitajiet tal-madwar.

 

Il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija kien jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-mogħdija għall-ġiri (jogging track) li hemm fil-viċinanzi, kif ukoll punti għall-qsim pedonali bid-dwal tat-traffiku bejn Raħal Ġdid u Santa Luċija, waqfiet aktar siguri għall-karozzi tal-linja u passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti li jgħaqqad Santa Luċija mal-Marsa. Infrastructure Malta bniet ukoll mill-ġdid il-mina għall-mixi u r-roti (subway) ta’ Triq tal-Barrani b’disinn aħjar, b’rampi għaċ-ċiklisti, passaġġi aċċessibbli għal kulħadd u cameras ta’ sorveljanza li jħarsu s-sigurtà ta’ dawk li jgħaddu minnha biex jivvjaġġaw bejn Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien.

 

Waqt ix-xogħlijiet, Infrastructure Malta ħadet diversi miżuri sabiex jonqsu kemm jista’ jkun id-diffikultajiet inevitabbli li proġetti bħal dawn jikkawżaw fuq dawk li jgħixu jew jivvjaġġaw fl-inħawi. Fil-fatt, is-sit tal-proġett ingħalaq b’barrikati għoljin ħalli l-passaġġi u t-toroq maġenbhom ikunu protetti mix-xogħlijiet. Fl-istess waqt, waqt ix-xogħlijiet tal-proġett Infrastructure Malta installat sistemi ġodda tad-distribuzzjoni tal-elettriku, ilma u drenaġġ fl-inħawi ħalli jwasslu servizzi aħjar fid-djar tal-inħawi. Meta kien meħtieġ tqattigħ ta’ trinek viċin id-djar, jew jintuża makkinarju ieħor kbir, intużaw metodi li jagħmlu inqas storbju u vibrazzjonijiet. Fl-istess waqt, Infrastructure Malta kienet qed tieħu kejl tal-vibrazzjonijiet u l-kwalità tal-arja fl-inħawi sabiex tiżgura li waqt ix-xogħlijiet, dawn il-fatturi jiġu affettwati mill-inqas possibbli.    

 

Grazzi għal dan il-proġett, ir-residenti ta’ Santa Luċija llum qed igawdu minn kumpens imprezzabbli – kwalità ta’ ħajja aħjar b’arja aktar nadifa, tnaqqis drastiku fit-tniġġis tal-arja mill-karozzi, inqas storbju tat-traffiku u aċċess aħjar u aktar sigur mid-djar tagħhom għal lokalitajiet tal-inħawi bil-mixi, bil-karozza, bit-trasport pubbliku u b’mezzi oħra tal-ivvjaġġar. Fl-istess żona, Infrastructure Malta ħawlet mijjiet ta’ siġar u arbuxelli, u waħħlet installazzjoni artistika ġdida, sabiex tkompli ttejjeb l-ambjent taż-żona. Fl-aħħarnett, Infrastructure Malta, b’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, qed twettaq proġett ta’ madwar €2.5 miljun biex tibni mill-ġdid aktar minn żewġ kilometri ta’ toroq residenzjali f’Santa Luċija u ttejjeb il-belvedere li jħares fuq il-Wied ta’ Garnaw, b’mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti. Ix-xogħlijiet prinċipali li għaddejjin bħalissa jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ tliet toroq residenzjali twal li jmissu ma’ xulxin - Dawret it-Torri, Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale - mal-ġenb tal-Wied Ta’ Garnaw. Fl-istess waqt, Infrastructure Malta se terġa’ tibni wkoll diversi toroq oħra fl-istess lokalità, fosthom Triq Klematis, Triq Dun M. Mifsud, Triq il-Ġjaċinti, Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan u Triq iċ-Ċikwejra.

 

Seduta  467

31/05/2021

 

 

SANTA LUĊIJA – TRIQ DAWRET IT-TORRI - XOGĦLIJIET

 

 

21374. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid, jekk dejjem qed jiġi infurmat, meta ser tkun lesta u finalizzata Triq Dawret it-Torri Santa Luċija Malta?  Jistax ukoll jindika li l-istess triq ser tiġi lura bil-faċilità preċedenti tagħha ta' żewġ kareġġjati u faċilitajiet għar-roti? Jistax ukoll jgħid jekk kemm-il darba l-Kunsill Lokali huwiex jiġi konsultat f'dan?

 

24/05/2021

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija li l-Kunsill qabel illi jagħmel proġett pilota ta' xahar b'Dawret it-Torri bħala one way. Wara dan ix-xahar ta' prova ser issir laqgħa pubblika fejn il-Kunsill ser jieħu l-opinjoni tar-residenti, sabiex tittieħed deċizjoni għaqlija jekk l-istess triq għandhiex issir one way bil-karreġġjata tar-roti, jew tiġix lura bil-faċilità preċedenti tagħha ta' żewġ kareġġjati.

 

Seduta  467

31/05/2021

SANTA LUĊIJA – TRIQ IL-PRINJOL - XOGĦLIJIET

 

 

 

21372. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid, jekk dejjem hu informat, x’qed isir ġewwa Triq il-Prinjol Santa Luċija Malta? Jistax ukoll jindika kemm ilu jsir u kemm huwa previst li ser jiġi jiswa?

 

24/05/2021

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' Santa Luċija li fi Triq il-Prinjol ser issir il-bankina wisa' ta' tlett metri għal promenade u possibbilment t-triq tibqa two-way jekk tibqa’ tiflaħ. Fir-rigward ta kemm ilu jsir u kemm hu previst li jiswa x-xogħol imsemmi, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex  jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

 

Seduta  467

31/05/2021

SANTA LUĊIJA – TRIQ IL-PRINJOL - XOGĦLIJIET

 

 

21371. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid x'qed isir ġewwa Triq il-Prinjol Santa Luċija Malta? Jistax ukoll jindika kemm ilu jsir u kemm huwa previst li ser jiġi jiswa?

 

24/05/2021

 

  ONOR. IAN BORG:  F’Jannar li għadda Infrastructure Malta tat bidu għal proġett ta’ €2.5 miljun biex tibni mill-ġdid aktar minn żewġ kilometri ta’ toroq residenzjali f’Santa Luċija u ttejjeb il-belvedere li jħares fuq il-Wied ta’ Garnaw, b’mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti.

 

Wara li tejbet l-aċċessi ewlenin għal din il-lokalità bil-bini mill-ġdid ta’ Triq Ħal Luqa fl-2019 u bil-proġett taż-żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, li tlesta f’Jannar li għadda, l-aġenzija qed tikkollabora mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija biex tibni mill-ġdid diversi toroq f’din il-lokalità. Ix-xogħlijiet prinċipali tal-proġett jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ tliet toroq residenzjali twal li jmissu ma’ xulxin - Dawret it-Torri, Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale - li jestendu kważi żewġ kilometri mal-ġenb tal-Wied Ta’ Garnaw.

 

F’dawn it-toroq, Infrastructure Malta qed tgħaddi minn taħt l-art pajpijiet ġodda tal-provvista tal-ilma, katusi tad-drenaġġ u oħrajn għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita, kif ukoll pajpijiet għall-cables tal-Internet u telekomunikazzjonijiet oħra. Fejn meħtieġ, se ssaħħaħ ukoll il-pedamenti tat-toroq u tibni bankini ġodda, qabel ma tlestihom b’wiċċ ġdid bl-asfalt u tlesti xogħlijiet ta’ tisbieħ ieħor fl-istess inħawi.

 

It-titjib tal-belvedere tul medda ta’ kilometru fuq ix-xaqliba tan-nofsinhar ta’ Dawret it-Torri u Triq il-Prinjoli se jinkludi mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti u żoni msebbħin b’diversi siġar ġodda. Il-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija f’kolloaborazzjoni ma’ Infrastructure Malta, iddisinja mill-ġdid din iż-żona mħaddra biex joħloq spazju ta’ rikreazzjoni għar-residenti u rotta aktar sigura għaċ-ċiklisti u dawk li jgħaddu mill-inħawi bil-mixi. Fl-2020, Infrastructure Malta ħawlet bosta siġar maturi f’partijiet differenti ta’ dan il-belvedere. L-aġenzija qed tkompli tieħu ħsieb dawn is-siġar u se tkompli ssebbaħ l-inħawi bit-tħawwil t’aktar siġar indiġeni u arbuxelli.

 

B’hekk, filwaqt li f’dawn it-tliet toroq qabel kien hemm biss bankina, issa se jkun hemm ukoll korsija sigura li tista’ tintuża miċ-ċiklisti wkoll, b’veduti sbieħ tal-wied. Id-disinn ta’ partijiet minn dawn it-toroq u tal-korsija għar-roti u l-mixi ġdida qed jiġu kontinwament diskussi mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, li għamel id-disinn oriġinali. Infrastructure Malta infurmata li minn naħa tiegħu, il-Kunsill Lokali qed jikkonsulta r-residenti konċernati sabiex jiġi żgurat li dan l-investiment multi-miljunarju f’din il-lokalità verament iwassal għal ambjent aħjar u infrastruttura aktar sigura u sostenibbli għal dawk kollha li jgħixu, jaħdmu u jivvjaġġaw f’Santa Luċija.

 

Permezz tal-istess proġett, Infrastructure Malta se tibni mill-ġdid ukoll toroq oħrajn fil-viċin, fosthom Triq Klematis, Triq Dun M. Mifsud, Triq il-Ġjaċinti, Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan u Triq iċ-Ċikwejra. Fl-aħħar sentejn, permezz tal-proġett nazzjonali mifrux fuq seba’ snin għall-bini mill-ġdid tat-toroq residenzjali, l-aġenzija bniet mill-ġdid toroq oħrajn f’din il-lokalità, bħalma huma Triq Bruka, Triq il-Ġiżimin, Triq Żnuber u Triq Gardenja.

 

Seduta  467

31/05/2021

SANTA LUĊIJA – ART BEJN TRIQ KATRINE VITALE U TRIQ STEFANOTIS – ĠNIEN PUBBLIKU

 

 

21378. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba l-art bejn Triq Katrine Vitale u Triq Stefanotis f’Santa Luċija Malta, li kienet indikata għal ġnien pubbliku, huwiex ser isir tul din l-leġiżlatura u jistax jindika x'passi ttieħdu u jekk il-Kunsill Lokali ġiex konsultat dwar dan?

 

24/05/2021

 

  ONOR. JOSÈ HERRERA:  Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Santa Lucija illi l-art in kwistjoni tappartjeni parti lill-privat u parti lill-gvern. Il-Kunsill ma applikax sabiex l-art pubblika tiġi devoluta lilu.

 

Seduta  468

01/06/2021

SANTA LUĊIJA – ART BEJN TRIQ KATRINE VITALE U TRIQ STEFANOTIS – ĠNIEN PUBBLIKU

 

 

21377. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar: Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba l-art bejn Triq Katrine Vitale u Triq Stefanotis f’Santa Luċija Malta, li kienet indikata għal ġnien pubbliku, huwiex ser isir tul din l-leġiżlatura u jistax jindika x'passi ttieħdu u jekk il-Kunsill Lokali ġiex konsultat dwar dan?

 

24/05/2021

 

  ONOR. AARON FARRUGIA:  Ninsab infurmat li f’danl-istadju l-Ministeru tiegħi m’għandux pjanijiet għal din is-sit.

 

Seduta  468

01/06/2021

KANA

1. Wieħed mill-aktar angoli interessanti tat-Testment il-Ġdid huwa li t-tagħlim ma huwiex wieħed għarwien. Imdaħħal bħal xi preċetti jew avv...