18.9.21

SANTA LUĊIJA – RESIDENTI KUMPENSATI GĦALL-INKONVENJENT U DIFFIKULTAJIET TAL-BINI TA’ TRIQ IL-BARRANI

 

 

21375. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI  staqsa lill- Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali: Jista’ l-Ministru jgħid jekk kemm-il darba r-residenti ta’ Santa Luċija Malta humiex se jiġu b’xi mod kumpensati għall-inkonvenjent u diffikultajiet varji li kellhom jgħaddu minnu, tul il-kostruzzjoni ta’ Triq tal-Barrani?

 

24/05/2021

 

  ONOR. IAN BORG:  F’Jannar li għadda, Infrastructure Malta lestiet il-proġett taż-żewġ mini taħt ir-roundabout ta’ Santa Luċija, investiment ieħor ta’ €20 miljun biex ittejjeb is-sigurezza, l-effiċjenza u s-sostenibbiltà tar-rotta ewlenija lejn in-naħa t’isfel ta’ Malta.

 

Il-mini ġodda b’erba’ korsiji li jgħaqqdu Triq Tal-Barrani ma’ Vjal Santa Luċija (it-Telgħa tal-Addolorata) qegħdin inaqqsu l-ħin tal-ivvjaġġar b’aktar minn 30%. Qed itaffu wkoll it-tniġġis mid-dħaħen u l-istorbju tal-konġestjoni li kienet toħloq ir-roundabout li kien hemm qabel, li fiha kienu jiltaqgħu u jaqsmu kontra xulxin diversi rotot traffikużi, fosthom tliet toroq arterjali u tliet toroq oħrajn li jagħtu għal Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien. Bil-junction ġdida fuq żewġ livelli, ħafna mill-vetturi li kienu jgħaddu minn dan is-salib it-toroq issa jgħaddu dritt minn ġol-mini. B’hekk saret ukoll eħfef biex tivvjaġġa b’mod aktar sigur u b’metodi differenti bejn it-tliet lokalitajiet tal-madwar.

 

Il-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija kien jinkludi wkoll il-bini mill-ġdid tal-mogħdija għall-ġiri (jogging track) li hemm fil-viċinanzi, kif ukoll punti għall-qsim pedonali bid-dwal tat-traffiku bejn Raħal Ġdid u Santa Luċija, waqfiet aktar siguri għall-karozzi tal-linja u passaġġ ġdid għall-mixi u r-roti li jgħaqqad Santa Luċija mal-Marsa. Infrastructure Malta bniet ukoll mill-ġdid il-mina għall-mixi u r-roti (subway) ta’ Triq tal-Barrani b’disinn aħjar, b’rampi għaċ-ċiklisti, passaġġi aċċessibbli għal kulħadd u cameras ta’ sorveljanza li jħarsu s-sigurtà ta’ dawk li jgħaddu minnha biex jivvjaġġaw bejn Santa Luċija, Raħal Ġdid u Ħal Tarxien.

 

Waqt ix-xogħlijiet, Infrastructure Malta ħadet diversi miżuri sabiex jonqsu kemm jista’ jkun id-diffikultajiet inevitabbli li proġetti bħal dawn jikkawżaw fuq dawk li jgħixu jew jivvjaġġaw fl-inħawi. Fil-fatt, is-sit tal-proġett ingħalaq b’barrikati għoljin ħalli l-passaġġi u t-toroq maġenbhom ikunu protetti mix-xogħlijiet. Fl-istess waqt, waqt ix-xogħlijiet tal-proġett Infrastructure Malta installat sistemi ġodda tad-distribuzzjoni tal-elettriku, ilma u drenaġġ fl-inħawi ħalli jwasslu servizzi aħjar fid-djar tal-inħawi. Meta kien meħtieġ tqattigħ ta’ trinek viċin id-djar, jew jintuża makkinarju ieħor kbir, intużaw metodi li jagħmlu inqas storbju u vibrazzjonijiet. Fl-istess waqt, Infrastructure Malta kienet qed tieħu kejl tal-vibrazzjonijiet u l-kwalità tal-arja fl-inħawi sabiex tiżgura li waqt ix-xogħlijiet, dawn il-fatturi jiġu affettwati mill-inqas possibbli.    

 

Grazzi għal dan il-proġett, ir-residenti ta’ Santa Luċija llum qed igawdu minn kumpens imprezzabbli – kwalità ta’ ħajja aħjar b’arja aktar nadifa, tnaqqis drastiku fit-tniġġis tal-arja mill-karozzi, inqas storbju tat-traffiku u aċċess aħjar u aktar sigur mid-djar tagħhom għal lokalitajiet tal-inħawi bil-mixi, bil-karozza, bit-trasport pubbliku u b’mezzi oħra tal-ivvjaġġar. Fl-istess żona, Infrastructure Malta ħawlet mijjiet ta’ siġar u arbuxelli, u waħħlet installazzjoni artistika ġdida, sabiex tkompli ttejjeb l-ambjent taż-żona. Fl-aħħarnett, Infrastructure Malta, b’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Santa Luċija, qed twettaq proġett ta’ madwar €2.5 miljun biex tibni mill-ġdid aktar minn żewġ kilometri ta’ toroq residenzjali f’Santa Luċija u ttejjeb il-belvedere li jħares fuq il-Wied ta’ Garnaw, b’mogħdija ġdida għall-mixi u r-roti. Ix-xogħlijiet prinċipali li għaddejjin bħalissa jinkludu l-bini mill-ġdid ta’ tliet toroq residenzjali twal li jmissu ma’ xulxin - Dawret it-Torri, Triq il-Prinjoli u Triq Katerina Vitale - mal-ġenb tal-Wied Ta’ Garnaw. Fl-istess waqt, Infrastructure Malta se terġa’ tibni wkoll diversi toroq oħra fl-istess lokalità, fosthom Triq Klematis, Triq Dun M. Mifsud, Triq il-Ġjaċinti, Triq Stella Maris, Triq it-Tulipan u Triq iċ-Ċikwejra.

 

Seduta  467

31/05/2021

 

 

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...