19552. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura
u l-Proġetti Kapitali: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19005, jista’
l-Ministru jgħid meta ser jkun lest ix-xogħol fit-triq għax hija kaġun ta’
hafna diffikultajiet għar-residenti?
25/02/2021
ONOR. IAN
BORG: Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà spjegat fit-tweġiba
preċedenti, Triq Paola f’Ħal Tarxien hija fost 50 triq residenzjali li
Infrastructure Malta qed tibni mill-ġdid bħalissa. Din hi twila madwar nofs
kilometru, tant li tibda minn ħdejn il-Knisja Parrokkjali u tmiss ma’ Triq Ħal
Tarxien fid-direzzjoni lejn Raħal Ġdid.
Ix-xogħlijiet f’din it-triq
li bdew fit-tieni ġimgħa ta’ Jannar huma kumplessi u mhux sempliċiment kisja
asfalt. Dawn jinkludu fost oħrajn bdil tal-pajpijiet tal-ilma u servizzi ġodda
għall-ilma. Fil-każ ta’ din it-triq, is-servizz tad-distribuzzjoni tal-ilma
ntsab li kien pożizzjonat eżatt taħt il-wheel path u dan kien qed joħloq
inkonvenjent kbir meta jkun hemm ħsarat. Għaldaqstant, ġie mċaqlaq għal taħt
il-parking bay.
Barra minn hekk, qegħdin
isiru wkoll servizzi tat-telekomunikazzjoni, bini ta’ bankini ġodda fuq iż-żewġ
naħat u fl-istess triq għaddej ukoll xogħol minn entità oħra, li qed jiġi
kkordinat biex isir waqt il-bini mill-ġdid tat-triq biex jonqos l-inkonvenjent
lir-resident. Kif ikunu lesti t-testijiet li għaddejjin bħalissa, tibda l-aħħar
fażi li tinkludi l-bini tal-pedamenti u l-wiċċ tat-triq biex din tkun lesta
fix-xhur li ġejjin. Il-kuntratturi qed jippjanaw ix-xogħol b’mod li jkun
tal-inqas inkonvenjent u biex id-diffikultajiet jiġu minimizzati.
Din il-ħidma se tagħti
lir-residenti ta’ Triq Paola u dawk li jgħaddu minnha infrastruttura ta’
kwalità u aktar sigura, li n-nuqqas tagħhom għal snin twal kien joħolqilhom
ħafna diffikultajiet.
Seduta 435
03/03/2021
No comments:
Post a Comment