26.12.21

Il-bniedem jipproponi u Alla jiddisponi.

 

1.    F’din il-kriżi globali, wieħed ma jistax ma jsibx konfort f’kelmet dan il-qawl tagħna.  Fih ħafna sens u huwa lezzjoni għal kull min jaħseb li għandu tant saħħa li jista’ jipprevedi l-futur.  Is-saħħa tista’ tkun fiżika jew waħda politika, elettorali.  Imma min jiġbor fih l-esperjenza, min jgħaqqad ġewwa fih dak li jġarrab fis-snin, flimkien ma’ dak li jara lil oħrajn jgħaddu minnu, jew li qrahom, jifhem din il-lezzjoni tal-ħajja.  Jaf li jagħmel sens li tifhem il-limitazzjonijiet umani.  Tifhem aktar, speċjalment fil-politika, li hemm riħ li jvenven naħa u oħra.  Tifhem li ma tistax iddaħħal dan il-proċess kostanti ġewwa flixkun tal-ħġieġ, trasparenti jew mhux.

 

Mhux kull ma jleqq huwa deheb

 

2.    Bdejna din il-ġimgħa bl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika, li kull xahar sar issa parti integrali mill-politika.  Ħafna saru jiddependu fuq dan.  Il-boxxla mhix jekk dak li qiegħed isir mill-Gvern huwiex tajjeb fih innifsu, imma jekk jidhirx hekk.  Anzi, iktar il-proċess li fih il-vleġġa trid issib kalamita oħra sabiex tassigura li dak li huwa żbaljat ma jidhirx.  Imma lkoll nafu li l-elettorat jista’ ma jarax illum, imma jaf jagħraf għada.  Dak li huwa miżmum lura minnu għax ma ġarrbux jew għax ma daħalx fil-fond tiegħu fit-telefonata, ma jfissirx li mhux ġej għada għalih.  Altru dak li wieħed jaħseb, u altru dak li fl-aħħar jinxeħet fil-boxxla.

 

Bil-jekk u bil-jewwilla ma timla ebda bixkilla

 

3.    Il-kawtela hija f’dan determinanti.  Il-ġudizzju politiku jiddependi fuq il-karattru tal-bniedem.  Fuq il-bilanċ li jieħu meta mmexxi bir-raġuni lejn dak li għandu jsir.  Proprju għalhekk li l-figuri tal-istatistika m’għandhomx ikunu l-ġudizzju finali.  Għandhom, anzi, ikunu l-indikaturi sabiex minnhom wieħed jibdel, jirfina u jsaħħaħ il-linja tal-ħidma tiegħu.  M’għandhomx iseru ta’ kundanni jew ċapċip, imma għarfien għaqli.  Iktar u iktar meta wara l-figuri ma hemmx l-ispjegazzjoni jew il-motivazzjoni tal-ġudizzju popolari.  Ċertament, wieħed irid ikun attent iktar li ma jispiċċax jieħu, f’kalkolu mhux infurmat, passi politiċi li flok iġibuh ‘il quddiem jeħduh lura.  Kawtela, attenzjoni u moderazzjoni jgħinu sabiex, kif jgħidu tajjeb, il-bajta isir tajjeb biex jittiekel.

 

Aħseb mitt darba iżda aqta’ darba

 

4.    Li wieħed idum, f’dawn iċ-ċirkostanti, mhuwiex ħażin.  F’kull stħarriġ ikun hemm dak li jinżel tajjeb, u dak li le.  Biss, meta wieħed jibda jħares lejn dan bħala pedament, jew pożizzjonijiet assoluti, jiżbalja.  Il-politika hija pendlu.  Daqqa tmur naħa, u daqqa tmur oħra.  Trid dożi ta’ paċenzja u sabar fil-frattemp.  Biss, dan m’għandux iżommok lura jew jaqtagħlek qalbek.  Il-proċess tal-bidla u dak tal-persważjoni ma jiġix, ċertament, f’daqqa.  Jiġi bil-preparazzjoni u anki b’metodoloġiji ġodda.  Jiġi bit-tkomplija ta’ politika bażata fuq il-fatti, fuq l-istatistika soċjali u ekonomika.  Jiġi fuq il-gwida tal-prinċipji.  Partit li jarmi dak li huwa biex jipprova jsir dak li mhuwiex jiġi mwarrab mill-elettorat.  Iktar u iktar meta l-votant ma jkunx jista’ jirrikonċilja dak li kien hemm fil-passat ma’ dak li jkun f’għajnejh qed jara fil-preżent.

 

Omm il-ġifa qatt ma tagħli

 

5.    Dak li għaddej, għal min huwa fil-politika, irid għalhekk jieħdu bħala parti mix-xenarju li qiegħed jiżviluppa.  Jekk jixħet lilu nnifsu lura jkun qiegħed jirreaġixxi ħażin.  Il-ħidma titlob li wieħed jiffaċċja l-kuntrarjetà kontinwament.  Mhux b’aġir reazzjonarju, imma fit-tul.  Għax biex wieħed jibdel, biex wieħed jagħraf l-għażliet it-tajba jrid ikollu dan il-kurrent avvers għalih.  Iktar ma l-isfida tkun qawwija, iktar dak li jsir wara jkun jimmerita l-isforz kollu.  Hemm it-taqbida li tagħti l-frott tagħha.  Għax mhuwiex biżżejjed li wieħed iħares li jkollu l-poter politiku f’idejh.  Huwa iktar bis-sens li, minn dik ir-responsabbiltà, tkun kapaċi twettaq il-ġid lill-poplu.  Partit politiku, kif jinxef mill-ħeġġa, kif jitgħażżen, isir bla ħila, beżżiegħ u skartatur.  Jitlef ir-raġuni tal-eżistenza tiegħu u jsir, fir-realtà, katavru politiku.

 

Iż-żmien isajru l-bajtar

 

6.    Kull partit fis-sekli jħaddan fih kurrenti varji.  Iħaddan fih alleanzi nterni, personali, jew ta’ ideat, imma dan ma jfissirx  nuqqas ta’ għaqda taħt il-bandiera tiegħu.  Ifisser iktar imħabba, impenn dirett lejn il-partit.  Fejn kull persuna li l-elettorat għażel jiġi aċċettat fl-abbiltajiet tiegħu.  Jiġi aktar gwidat, forsi wkoll ikkritikat, mogħti l-parir joqgħod lura, u jkollu l-assistenza biex isir strument aħjar għall-ġid politiku.  Partit mhuwiex żwieġ, imma jitlob livell tajjeb ta’ koperazzjoni.  Fejn mingħajr pre-kunċetti, preġudizzji jew antipatiji, wieħed jaħdem għal għan wieħed.  Iż-żmien huwa f’dan essenzjali fil-formazzjoni ta’ bnedmin li kapaċi li jaslu li jaħdmu flimkien u li jwettqu s-sewwa.

 

Li għadda nafuh, li ġej nobsruh

 

7.    Ċertament li f’dan kollu hemm proċess li l-poplu għaddej minnu.  F’mumenti ta’ kriżi nazzjonali, l-esperjenza politika hija, fid-dinja tal-bnedmin, li l-elettorat ikun tul tagħha ma’ min imexxih.  Wara li jgħaddi l-għawġ, l-arja taf tinbidel għax il-prijoritajiet ikunu differenti.  Dak li l-Prim Ministru Ingliż Winston Churchill għadda minnu huwa parti mill-istorja.  Il-poplu, f’dawn il-pożizzjonijiet, iħares li jivvota fuq dak li ġej, u mhux fuq li sejjer jew għadda.  Imma f’dan hemm dejjem il-varjabbli.  Hemm l-għarfien politiku.  Hemm id-diskors u l-passi li jridu jsiru.  Iktar attenzjoni lejn il-kalkolu politiku li jitlob tattika u strateġija.

 

Bil-qtajra l-qtajra timtela’ l-ġrajra

 

8.    Proprju għalhekk li hemm realtà li ħadd ma jista’ jaħrab minnha.  Preżentement, il-poplu qiegħed jifhem, bil-qatra l-qatra, kemm il-bnedmin li kienu fil-poter ħadu u ħaxxmu bwiethom.  Il-kwistjoni tal-korruzzjoni mhix titwarrab minnu.  Biss, mhix tittieħed fil-kuntest ġenerali tagħha bħala xi forma ta’ ‘prinċipju akkademiku’, imma fil-kuntest partikolari ta’ kemm il-ħajja tagħna setgħet tkun aħjar milli hija jew kemm tista’ tkun wara l-effetti devastanti tal-pandemija.

 

Meta tiġi, iftħilha l-bieb

 

9.    Il-poplu qiegħed jagħraf iktar li n-nies li ngħataw fiduċja qawwija, abbużaw u ħadu dak li ma kellhomx b’daqshekk iktar qawwa.  Il-miljuni li ssemmew huma veri, ittieħdu u għadhom jittieħdu, u proprju għalhekk iridu rimedju effettiv.  Fit-traskuraġni konvenjenti tal-Gvern, hemm bżonn bidla.  Dak li ttieħed irridu li jingħata lura.  Biss, biex dan ikun jista’ jseħħ, hemm bżonn, għall-kuntrarju tax-xewqat tal-Partit Laburista, partit politiku differenti li kapaċi, bid-difetti umani tiegħu, iwettaq dan.  Nafdaw fil-futur għax kif kienu jgħidu tant tajjeb missirijietna: il-bniedem jipproponi, imma Alla jiddisponi.

    

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...