26.12.21

Tmiem il-politika tal-kelma b’oħra

 

 

1.      Nafu li ma hemmx sistema politika aqwa mid-demokrazija.  Għalina hija valur.  Meta mħaddma tajjeb, tirrispetta d-dinjità tal-bniedem fil-libertà u l-ġustizzja.  Però, daqshekk ieħor nafu li hija fraġli.  Tibni kemm tibni mekkaniżmi legali interni biex tagħtiha l-aħjar garanziji, tibqa’ suġġetta għat-tmexxija tal-bniedem, u dan mhuwiex perfett.

 

L-esperjenza reċenti

 

2.      Fl-aħħar snin doqna direttament din l-esperjenza.  Fl-għarfien li ġie konċentrata saħħa popolari f’idejn immaturità politika.  Fl-apparenza tat-trasparenza sibna Stat Modern u Ewropew bħal tagħna jgħaddi minn dak li m’għandux.  Fundamentali f’dan huwa punt wieħed: in-nuqqas ta’ rispett lejn il-verità.  Għax ebda demokrazija ma żżomm il-pass u timxi ‘l quddiem jekk tabbanduna s-sewwa.

 

Dmir fil-lealtà

 

3.      Huwa min-natura essenjali tagħha li d-demokrazija tesiġi li kull politiku ma jiksirx dan id-dmir.  Dan id-dover li jkun lejali lejn is-sistema billi jsir huwa garanti tagħha billi jgħid il-verità.  Fit-traskuraġni u fit-tentazzjonijiet varji li jitwieldu quddiem ir-rappreżentanti tal-poplu nispiċċaw b’apparenza tagħha.  U din iġġib konsegwenzi iktar gravi.  Fuq naħa tħajjar aktar persuni biex jimitaw id-dnubiet mortali tal-oħrajn, u fuq l-oħra tipprova tagħlaq il-bieb lil min irid jgħid il-verità.

 

Dittatorjati

 

4.      Fl-istorja tad-dinja, id-dittatorjati huma mibnija fuq l-użu permanenti u strateġiku tal-gideb.  Ipinġu stampa lis-soċjetà ta’ dak li mhix, imma ta’ dak li huwa minnha mistenni li taċċetta.  Meta f’demokrazija jkun hemm min irid itambar kontinwament kemm kollox huwa sejjer “tajjeb”, b’ħafna “glorifikar”, allura jkun qabad triq żbaljata.  Is-soċjetà trid il-fatti u mhux opinjonijiet imressqa bħala fatti.

 

Falsitajiet

 

5.      Huwa punt li għandu jsir f’kull żmien, imma waqt li sejrin lejn il-Budget għandna nistabilixxu b’iktar linji skuri l-importanza tal-verità.  Għax il-kelma b’oħra tista’ tieħu dimensjonijiet varji.  Tista’ timxi fuq il-linja li taħbi l-verità.  Tista’, minflok, tiddeforma l-fatti.  Bħalma, anzi, l-iktar li twettaq hu li tippreżenta bħala verità dak li mhuwiex.  Jew f’doża oħra meta ssostni bil-piż politiku tiegħek lil ħaddieħor li jkun qiegħed jonqos mir-rispett lejn il-verità.

 

Dritt li jingħad is-sew

 

6.      Bħala poplu, u bħal kull wieħed ieħor, hemm organi uffiċjali tal-Istat li nafdaw li qed jgħidulna l-verità.  Tafda dan sakemm tara li qed iwieġbu għas-sejħa li nippretendu minnhom.  Meta tmur lura, ir-reputazzjoni malajr titlifha.  Hekk qiegħed iseħħ fix-xandir nazzjonali.  Jum wara jum, il-vuċi tal-Partit Nazzjonalista ma tiġix imxandra.  Mhux biss, imma meta jitbexxaq il-bieb, tkun wara l-ewwel ħmistax-il minuta.  Mhux biss, imma fil-biża’ tas-sewwa, ikun hemm “aħbarijiet” ġejjin mill-arja, li mingħajr ma jsemmuna, iridu jikkonvinċu l-kontra ta’ dak li qed ngħidu.

 

Forsi mhux nisimgħu

 

7.      Dan huwa ċertament gravi f’ħafna livelli.  Nuqqas ta’ verità, u magħha, ta’ demokrazija.  Imma rridu nirrealizzaw iktar li aħna għandna għodda li m’aħniexf napprezzaw.  Għandna l-mezzi tax-xandir tagħha li bħalissa għadna nistgħu nħaddmu.  Il-gazzetti, ir-radju, it-televixin, flimkien mal-midja soċjali hemm qegħdin.  Minna jiddependi kemm nużawhom tajjeb u nħaddmuhom b’aktar konvinzjoni, fis-sħiħ b’kunċetti tagħna u mhux tal-kompetizzjoni fis-suq.

 

Msieħba għad-demokrazija

 

8.      Bil-mentalità li daħlet li kull persuna, kull mezz huma f’kompetizzjoni kummerċjali, m’aħniex nisimgħu li hemm iż-żona ta’ koperazzjoni.  Bl-ideat varji u sfurmaturi daqshekk ieħor, min huwa involut f’dan is-settur jagħraf li d-demokrazija hija valur li rridu nipproteġu.  U dan jista’ jsir jekk ikun hemm il-garanzija li jingħadu l-fatt, il-verità.  Qegħdin f’dan ilkoll il-gazzetti u l-midja l-oħra f’daqqa, għax m’għandniex naċċettaw li jkun hemm is-salta tal-kelma b’oħra.

 

Il-fiduċja

 

9.      Hemm xettiċiżmu varju, ċertament.  Però, dan id-dubju, nuqqas ta’ ċertezza, ġid jagħmel għal min jgħarbel, min irid jimxi fil-proċess lejn is-sewwa  għax ifittex.  Proprju għalhekk li rridu nassiguraw iktar li l-fatti jingħadu mingħajr paraventi jew spettakli.  Mhux biss, imma iktar minn hekk, fil-linja li wieħed jassigura li l-vuċijiet kollha jinstemgħu u jingħataw piż.  Nirreaġixxu għall-iżball perikoluż li x-xandir nazzjonal qiegħed iwettaq billi nkunu aħna stess aħjar milli aħna.

 

Għandna nisimgħu

 

10.    Għandna, f’dan, nifhmu li l-isfida politika ma tiddependix biss mill-ilmenti pubbliċi tagħna.  Tiddependi aktar mill-bżonn li nkunu diretti u preċiżi fuq il-fatti.  Jekk irridu li l-pubbliku jsegwina u jasal għall-ġudizzji tiegħu, irridu li jkun hemm iktar sens u sustanza fi kliemna.  Investiment iktar f’dan.  Nifhmu, dejjem jekk irridu nagħtu widen, li l-elettorat huwa, fil-maġġor parti tiegħu, moderat li jħares lejn iċ-ċentru u mhux lejn il-kantunieri tal-estremi.

 

Kienu jafu

 

11.    Dawk li ġew qabilna kienu jafu x’inhuma jagħmlu meta ffurmaw u organizzaw il-Partit Nazzjonalista.  Kienu jafu li hemm valuri etiċi li l-bnedmin fuq dawn il-gżejjer iħarsu li jkollhom fil-politiċi.  Il-Partit twaqqaf fil-linja li jkun wieħed demokratiku-Kristjan, u mhux differenti minn dan.  Wara dawn is-snin għandna nagħrfu iktar li dan kien, u għandna nassiguraw li jibqa’, is-suċċess tiegħu.  Għax huwa forza politika li jħares id-dinjità tal-bnedmin fis-soċjetà f’dak li jaraw li huwa l-iktar prezzjuż għalihom.

 

Il-prova

 

12.    L-iktar, proprju f’dan, li din il-verità ġiet ippruvata maż-żmien.  Mhux biss pożizzjoni ideoloġika li hija l-element essenzjali ta’ partit politiku, imma wkoll il-prova tal-esperjenza politika.  L-ideat tagħna mhumiex fl-arja, jew imxandra kontra dak li jrid il-pajjiż.  Anzi, għax huma dak li huwa mistenni mill-politika f’din l-art li bqajna partit rilevanti.  Kif din il-lezzjoni fundamentali tintesa, jew tiġi skartata, daqshekk ieħor ir-riżultat fil-kunsensi elettorali.

 

Il-proċess tal-bidla

 

13.    Il-bidla li qed insejħu lill-poplu biex jingħaqad lura magħha hija proprju f’dan: li nassiguraw li l-verità terġa’ tieħu post ċentrali.  Post vitali fil-politika nazzjonali, fid-diskors u l-aġir tal-politiċi.  Mill-ġimgħat li ġejjin, meta l-Kamra tad-Deputati terġa’ titlaqqa’, tikber iktar din l-opportunità biex naraw li dan il-proċess iseħħ.  Jekk irridu li l-Politika tal-Kelma b’Oħra tispiċċa, din għandha tkun ħidmitna.

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...