26.12.21

Ħmira politika żbaljata

 

1.    Għad għandna bżonn tagħha.  Għadha tiġi użata, jum wara jum.  Dik li hija l-għaġina li titħalla tiqras bl-arja u l-indewwa, li tiswa biex wara li titħallat mal-għaġina friska u ġdida, tgħolli u ttalla’ l-ħobża fil-proċess ta’ fermentazzjoni naturali.

 

Taħlita

 

2.    Il-ħobż, anki jekk qiegħed ikompli jogħla fil-prezz, għadu importanti għalina.  Kemm, għalhekk, din it-taħlita tkun preċiża, daqshekk ieħor tiggarantixxi fit-tjubija bnina tagħha.

 

Ideat

 

3.    Il-ħmira fil-politika hija wkoll neċessità.  Ċertament, iċ-ċavetta li twassal lejn dik il-politika t-tajba li twettaq u sservi lill-poplu.  Għax hemm diversi forom ta’ politika.  Biss, kif qed naraw, ma jservux għall-ġid komuni.  Ikunu strumenti għal dak li m’għandux ikun.

 

Forma

 

4.    Proprju għax ħmira tajba ma jkunx hemm, jew kif iktar qed naraw, anqas xi forma tagħha, iseħħ dan.  Politika ibbażata fuq dak li jiġi mingħajr ma tagħmel unur jew sens lil din l-attività umana mill-iktar importanti.  Politika tal-ħaġa moħġaġa immedjata.

 

Populiżmu

 

5.    Sejħilhom, f’dan, li trid.  Populiżmu fil-varjetà u sfumaturi kollha tiegħu dak tal-lemin estrem, dak tat-teknokratiċi.  Bnedmin li jridu jibdlu mingħajr ma jafu xi jridu jibdlu, jew kif għandhom.  Nies li jużaw il-lievi biex jidhru u jirkbu fuq dwejjaq u problemi li s-soċjetà tmiss magħhom.

 

X’jaħsbu

 

6.    Persuni li jidħlu jaħsbu li huma tant “smart” li m’għandhomx bżonn li jħarsu lejn il-passat.  Li kollox jibda u jispiċċa magħhom, għax huma waħedhom is-soluzzjoni tal-problemi kollha.  Ċentri fil-kulti tal-personalità.

 

Mhux l-aħjar mument

 

7.    Ċertament, f’dan, mhuwiex l-aħjar mument għalina f’dan ix-xenarju politiku Ewropew.  Iktar u iktar bil-ħruġ tal-Kanċilliera Ġermaniża Angela Merkel.  Bniedma unika fil-politika li kienet mhux biss ċentru ta’ stabilità, imma taf fejn hija fl-ideat u l-linja ideoloġika.

 

Deżert

 

8.    F’dan iż-żmien, għalhekk, għaddejjin minn deżerti b’persuni li ma jispirawx.  Għal żmien twil, pajjiżna kellu x-xorti li jisma’ u jara diversi politiċi Taljani u Ngliżi li kellhom ideat.  Iffurmati f’ideoloġiji politiċi rispettivi.  Li tisma’ u tifhem, anke jekk ma taqbilx, imma li tirrispetta.

 

Imma issa

 

9.    Imma llum, dawn iż-żewġ ċentri ta’ influwenza naqsu sew minn dak il-kontenut politiku.  Magħhom jiġbdu wkoll politiċi f’pajjiżna.  Ta’ qabilna qalulna li l-kelma tqanqal, iżda l-eżempju jkaxkar.  Biss, huma almenu kienu jaraw u jgħarblu l-kelma, u mhux jifirduha mill-eżempju, mir-riżultat.

 

Fil-preżent

 

10.  Illum, l-effetti elettorali jibqgħu jkaxkru u jiġu interpretati li seħħew għal raġunijiet varji, ħafna drabi fil-kontra ta’ dak li huma.  Mingħajr ma wieħed jorbot proċess ta’ kawża u effett.  Sejrin għal rashom fejn il-politika hija nieqsa mill-politika.

 

Teknokratiċi

 

11.  Fl-assenza u x-xagħri li żviluppa f’dawn is-snin, daħlet issa l-idea iktar żbaljata.  Dik li taħseb li l-politika mhux bnedmin f’formazzjoni politika ċara trid, imma lil dawk li huma teknokrati.  F’kunċett stramb ta’ meritokrazija soċjali, id-demokrazija qed tinqaleb ta’ taħt fuq.  Għandhom dritt ikunu r-rappreżentanti tal-poplu mhux dawk li jagħżlu l-votanti fil-libertà tagħhom.

 

Borgeżija ġdida

 

12.  Imma għalihom, il-politika timxi b’dawk li huma l-iktar “edukati”, l-iktar “bravi”, l-iktar “smart”.  Għax huma hekk “ħaqqhom”, anke jekk ma jafux lil min qed jirrappreżentaw u x’inhuma l-uġigħat u l-bżonnijiet tagħhom.  Għax għandhom dritt, u suppost li ħaddieħor ma jafx juża l-vot tiegħu tajjeb.

 

Il-passat

 

13.  Jekk irridu nħarsu lejn il-futur b’linja ta’ direzzjoni u bi programmi politiċi ċari, irridu nħarsu lejn il-passat.  Kif kienu jgħidu tajjeb dawk id-Demokristjani: “Ripensare il passato per guardare al futuro”.  Nifhmu l-lezzjonijiet li għaddew u ngħarbluhom minn dak kollu li ġarrbu ta’ qabilna.  Niflu, mingħajr ma nkunu kundizzjonati f’dak li kienu konvinti minnu.

 

 

 

Proċess fil-ħmira t-tajba

 

14.  Jgħaddu l-esperjenza tagħhom mingħajr ma jorbtuna fil-proċess preżenti.  Għax fir-responsabbiltà parlamentari tagħna għandna nibqgħu fil-libertà li naħmu l-politika t-tajba f’dik l-awtorità morali li hija l-garanzija tagħha.  Fit-triq li tħares li jkun hemm il-ħmira t-tajba mħallta.

 

Demokrazija vera

 

15.  Il-proċess demokratiku jrid, f’dan, jiġi garantit u sostnut minna stess.  Partit ma jistax ma jkollux għarfien li jiġbed in-nies għax għandu l-ideoloġija tiegħu ċara.  Jista’ jkun li dawk il-partiti li jkunu vojta minn dan jagħmlu iktar “ħoss”.  “Ileqqu” iktar.

 

Sens u sustanza

 

16.  Imma l-politika t-tajba tiħi minn min jibni bis-sens u s-sustanza.  Żmien wara żmien, l-esperjenza turi li l-elettorat jippreferi jivvota għal min għandu l-ideat tiegħu ċari minn dak li m’għandux.  Minn dawk li ser jibdlu għall-aħjar.

 

Żwiemel varji

 

17.  F’dan, iktar u iktar jinkwadra ruħu l-programm finanzjarju tal-Gvern fil-Budget ta’ din is-sena.  Ċertament ma fihx linja poltika.  Huwa ġabra ta’ ideat, fejn kull persuna fil-politika tifhem differenti dak li taqra.

 

Kunċetti strambi

 

18.  F’kunċetti strambi ta’ neo-liberaliżmu soċjali li huma kollox u m’huma xejn.  Fejn hemm it-tentazzjoni li taħseb li huma biss forma komplessa jew sempliċement Żiemel ta’ Trojja.  Jiswew sal-elezzjoni ġenerali mmedjata, u wara jiġu abbandunati.

 

Sejrin jew le?

 

19.  Huwa kontra s-sens u l-loġika politika li l-pajjiż tagħna, f’dan il-mument, imur għal elezzjoni ġenerali.  Biss, nammetti li tant rajt, u għadni, li kull ma jagħmel politika tajba tiġi abbandunata, li ma nkunx wisq sorpriż.  Waqt li tul din il-ġimgħa ddiskutejt ma’ diversi  minn sħabi u ma’ ħbieb fuq dan il-punt, il-mazz jinsab f’idejn ħaddieħor.

 

Ammissjoni

 

20.  Ikun, però, mill-iktar evidenti li jekk tinqabad din it-triq li noħorġu l-poplu jivvota sal-aħħar tas-sena li l-affarijiet mhumiex f’posthom fil-finanzi.  Li qiegħed iberraq ferm iktar b’saħħa milli qiegħed jingħad barra.

 

Jitwieldu dubji oħra

 

21.  Jekk, kif qed jingħad dan iseħħ, jitwieldu dubji oħra dwar l-istat tal-kaxxa tagħna.  Diġà, kif sewwa ġibed l-attenzjoni l-Kap tal-Oppożizzjoni, id-dejn nazzjonali tielgħa b’saħħa tant li ma jistax jiġi traskurat.  Diġà qegħdin pajjiż li r-reputazzjoni tiegħu mhix proprju fl-aqwa kategorija.  Issa din jonqos.

 

Mhux sostenibbli

 

22.  Jikbru, għalhekk, iktar l-għidut li l-miżuri soċjali mħabbra ma jistgħux jiġu sostnuti.  Dak li seħħ it-Tnejn li għadda kien biss operazzjoni tal-bżar fl-għajnejn, li minnu tagħtas, imma li fil-ħmira t-tajba ma jitħallatx.

 

X’ħobż għall-poplu

 

23.  X’ser inservu ‘l-poplu fil-bżonnijiet tiegħu f’dan huwa iktar determinanti.  Il-ħobża Maltija u tradizzjonali tagħna tiddependi fuq dan.  Dak li jiġi kkunsmat, għall-ġid tiegħu nippretendu li jkun fih it-taħlitiet it-tajba.  Nistennew li jkun hemm il-ħmira t-tajba u mhux dik żbaljata.  Għax jekk din, fil-konfużjoni preżenti ma tiġix assigurata, il-prodott ma jittikilx.  Proprju għalhekk li dmirna huwa li naħdmu sabiex il-ħmira politika żbaljata ma tirbaħx.

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...