26.12.21

Konferma taċ-ċertezza

 


1.    Sittin sena ilu, id-dinja ma kinitx għaddejja minn żmien tajjeb.  Fit-13 ta’ Awwissu 1961 beda l-proċess sabiex jinbena ħajt li kompla jbiddel ix-xenarju politiku u militari Ewropew.  Dak li nagħrfuh bħala l-Ħajt ta’ Berlin sarraf fl-evidenza ċara li warajh l-affarijiet ma kinux tajba.  Li l-Komuniżmu Sovjetiku ma kienx favur tal-bniedem, imma fit-tħaddim tal-materjaliżmu storiku kien iċ-ċaħda.  Diversi bnedmin li għexu f’dawk iż-żminijiet sabu ruħhom maħkuma.  Sabu l-libertajiet u d-drittijiet fundamentali tagħhom meħuda.  Għaddew eżistenza mill-iktar diffiċli, b’persekuzzjonijiet mill-iktar ħorox.  Ingħataw imrar velenuż li għalkemm waqa’ l-Ħajt, “wirtu” għadu jiġri fit-tessut soċjali.

 

Għadna fil-proċess

 

2.    Il-waqa’ tal-Ħajt ta’ Berlin kien u jibqa’, ċertament, mument uniku fl-istorja.  Ħafna kienu dawk li ma kinux jgħidu li f’ħajjithom ser jarawh jinżel.  Imma għalkemm niżel, u nbdiet paġna ġdida ta’ demokrazija wara dittatura twila u ħarxa, xorta għadna fil-proċess tal-bidla u l-għarfien.  Kull stat maħkum li issa huwa fil-libertà, u terġa’, uħud ukoll membri tal-Unjoni Ewropea, għaddejjin ifittxu t-toroq tas-sewwa.  Proċess mhux apprezzat biżżejjed, iktar u iktar f’Ewropa li tipprova tqiegħed fil-ġenb dak li sawwarha.  Tiddikjara li m’għandhiex responsabbiltà fil-valuri etiċi fundamentali tagħha.  Fil-pedamenti Nsara li hemm għadhom.  Għeruq li jżommu siġra li tidher tinħakem minn xeblieka li tiddependi minnha.

 

Libertajiet mingħajr responsabbiltajiet

 

3.    Fl-istudji tal-liġi, l-impatt u l-pożizzjoni tal-Ġermanja, maqsuma f’erbgħa, wara t-Tieni Gwerra Dinjija, kienu jiġu mgħallma lilna fid-dettall.  Id-Dritt Pubbliku Internazzjonali kif mgħoddi lilna ma kienx jiġġustifika li “might is right”.  Kien, anzi, jinsisti li kull Stat Sovran għandu d-drittijiet u wkoll id-dmirijiet tiegħu.  L-iktar wara dak il-kunflitt fil-konfront tal-bniedem.  Għax hemm drittijiet u libertajiet, però hemm ukoll il-parti l-oħra tal-munita.  Illum għandna preżenti f’forom ta’ ‘soċjetajiet f’soċjetajiet oħra’ li jridu jabbandunaw dak li wirtu.  Li, fil-piż tal-attenzjoni tar-responsabbiltà tal-aġir tagħhom fil-konfront ta’ persuni oħra, iridu jabbandunaw boxxla interna.  Jaffermaw li għax għandhom il-libertà li jaġixxu b’mod jew ieħor, dan minnu nnifsu għalihom huwa “sewwa”, indipendentement mill-effetti u l-konsegwenzi tagħhom.

 

Dak li tiżra’ taħsad

 

4.    Hekk ngħarfu li ġejna mgħallma.  Għalkemm f’din id-dinja, fejn hawn kunċetti li jridu jaqtgħu bnedmin mid-dmirijiet tagħhom, qed naraw iktar dawk li jridu jieħdu dak li ma ħadmux għalih.  Li jaħsbu li jimxu bil-ħsieb li għandhom il-libertà li jieħdu frott l-art li ma ħadmux, li jgħixu fi bliet li ma bnewx, u li jieklu mid-dwieli u ż-żebbuġ li ma ħammlux.  Imma xorta, għall oħrajn mhux kull ma tiżra’ huwa tajjeb.  U anki li taħseb li għandek tieħu  dak li ma ħdimtx għalih, xorta hija żerriegħa fis-soċjetà.  Xorta hemm, f’dan, l-għażla bejn il-qamħ u s-sikrana.  Għażla li hija f’idejn il-bniedem.  Jew tħares li tibni fis-sewwa, inkella f’dak li mhuwiex.  Xorta hija azzjoni fil-libertà, imma mhux fl-għarfien tar-responsabbiltà.  Azzjoni li ma tiħux lejn it-twettiq tal-ġustizzja.

 

Id-dmir li nwettqu dmirna

 

5.    Għax fl-għarfien li l-ġustizzjaliżmu mhuwiex għas-servizz tal-ġustizzja.  Proprju iktar fl-għarfien ta’ din il-pożizzjoni fis-soċjetà.  Fl-għarfien ta’ dak li l-istorja tgħallem, xorta għandna fuqna dmir.  Wieħed ikun qiegħed, f’dan, ċertament, jonqos jekk ma jwettaqx dmiru u jsemma’ leħnu.  Sija għas-sewwa, sija għal dawk li jaqblu miegħu, però iktar biex fis-silenzju tas-soċjetà jingħad dak li għandu jingħad.  Forsi fl-iskumdità, imma b’attenzjoni, b’responsabbiltà, għax dan huwa għalija vitali f’soċjetà demokratika li rrid ngħix fiha u naħdem għaliha.  F’soċjetà demokratika magħżula minn dawk li jgħixu f’dawn il-gżejjer, mhux imposta minn xi mudell ta’ fundamentaliżmu żbaljat.  Fil-libertà tagħna ma narax li għandna naċċettaw impożizzjonijiet jew diktat żbaljat.  Impożizzjonijiet minn min huwa fil-“poter” mingħajr il-kunsens popolari.  It-toroq tat-tiranniji varji u sfumati ġejjin proprju minn dan.  Ta’ persuni li huma fil-politika li jitkellmu għalihom infushom, mhux fis-servizz li għandhom ikunu għall-oħrajn.

 

Rispett mhux mibgħeda

 

6.    Jekk huwa proċess lejn id-demokrazija u l-ġustizzja, dan irid isir fir-rispett, fit-tolleranza, fl-għarfien li kull bniedem għandu valur f’dak li jgħid u jaħseb.  Jekk huwa wieħed il-kontra, bażat fuq l-intolleranza, fuq ix-xewqa li jseħħ id-deni jew il-ħsara lil xi ħadd, dan huwa proċess dittatorjali.  L-estremiżmu tal-lemin u tax-xellug, Hitler u Stalin, kienu proprju magħquda f’dan, fl-istmerrija, fl-odju, fl-avversjoni lejn bnedmin oħra.  Dak li wassalhom jeqirdu bnedmin innoċenti.  Min, għalhekk, jitkellem u jaġixxi fil-mibgħeda, ikun qiegħed jiżra’ s-sikrana fis-soċjetà.  Aġir li ma jwassal imkien u ma jagħtix frott.  Aġir li jibda jdur u jdur fl-istess roqgħa, fl-istess metodi, fl-istess riżultati.  Fil-labirinti li jidħol u jżomm ruħu fi sterilità jdur fihom.

 

Għax meta tidher dgħajjef, dak il-ħin tkun qawwi.

 

7.    Dawk li għexu taħt id-dittatorjati m’abbandunawx f’qalbhom it-tama tal-fidi li, f’mument, dak li kien hemm, jinbidel.  Il-Ħajt ta’ Berlin, sittin sena ilu ma damx ma tela’.  Daqshekk ieħor, meta ġie żmienu fl-1989, waqa’ f’ħakka t’għajn.  Dak li kien jidher tant sod u immortali, tkisser.  Il-poplu maħkum kisser il-ktajjen tiegħu u rabat il-mexxejja li kellu.  Mingħajr rivoluzzjonijiet vjolenti.  Din hija l-esperjenza tal-ġenerazzjonijiet.  Is-sewwa jieħu l-proċess tiegħu biex jirbaħ, imma huwa proċess inevitabbli, ma żżommux.  Hija, għalhekk, għalina f’din il-konferma taċ-ċertezza li m’għandniex niddubitaw li dak li huwa, mhux ser jibqa’.

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...