26.12.21

Mhux il-politika t-tajba

 

 

1.     Hemm numru ta’ persuni li jaqraw u jsegwu l-istorja militari, u b’mod partikolari jibqgħu jistudjaw dak li seħħ fit-Tieni Gwerra Mondjali.  Hemm għad-dispożizzjoni kwantità kbira ta’ studji llum, iktar dettaljati u attenti għall-proċess ta’ għarfien ta’ x’ġara sewwasew.  Dak li nkiteb is-seklu li għadda narawh evalwat mill-ġdid.  Imqiegħed fid-dawl ta’ dokumenti ġodda u varji li joħorġu kontinwament.  Ħafna minnhom ġew issa għad-dawl u rilaxxati għal storiċi varji.  Dak il-kunflitt biddel ħafna.  Però, il-ħsara li seħħet għadha magħna sallum.  Id-distruzzjoni tibqa’ dik, xejn iktar.  Tista’ tibni mill-ġdid, imma l-gwerra mhix proċess ta’ żvilupp fiċ-ċiviltà.

 

Inħallsu sallum

 

2.     Meta taqra fuq id-devastazzjoni li seħħet f’dawk is-snin, tifhem iktar li għadna qed inħallsu għaliha.  Il-flejjes kbar li ntefqu biex il-gwerra tiġi miġġielda huma konsiderevoli.  Dan fisser li ġid ġenerat minn ħidmet il-bniedem, flok intefaq fi proġetti soċjali u ekonomiċi marru f’armamenti.  Ċertament, id-dinja demokratika ma setgħetx iċċedi għal dik dittatorjali u distruttiva.  Kellha hija wkoll tiddedika r-riżorsi tagħha għall-eżistenza futura.  Ferm iktar minn hekk, mietu miljuni ta’ bnedmin li kienu lkoll jagħtu sehemhom fid-dinja.  Mhux biss dan, imma b’dawn l-armamenti kissirna djar, monumenti varji, toroq, knejjes, li trid, li wara kellhom jinbnew mill-ġdid.  Daqqa ta’ ħarta enormi u irriversibbli għall-ħajja fuq din il-pjaneta.  Waħda li għadna sallum inħallsu għaliha.

 

L-agħar

 

3.     Meta tmur lura u tara biex tifhem tinduna li l-kaġun ta’ dan kien, fuq ħafna punti, xprunat mill-mibgħeda.  Mibgħeda kontra l-oħrajn, kontra l-Lhud, kontra dawk li ma jaqblux miegħek.  Id-dittatorjati, f’kull żmien jibnu l-forza politika u militari tagħhom fuq il-ħdura, l-istmerrija u l-odju.  Id-demokrazija hija dijametrikament il-kontra.  Triq tieħu deċiżjonijiet politiċi, u ħafna drabi iebsa, però mhix bażata fuq l-intolleranza u l-abbuż tal-oħrajn.  Mhix bażata fuq il-ħsieb li l-bniedem m’għandux valur u dinjità.  Mhix bażata fuq il-ħsieb li huwa biss għodda li tintuża u tintrema.  Mhuwiex serv, skjav tal-Istat, imma li dan huwa għas-servizz tiegħu.

 

Rommel

 

4.     Tifhem din il-konsegwenza diretta meta tara li dawk li mexxew fiż-żminijiet tat-Tieni Gwerra Dinjija kellhom f’qalbhom dan.  Bagħdu tant, li ġiebu ruħhom kif wieħed ma kienx, u ma jistenniex li l-bnedmin iġibu ruħhom ma’ xulxin.  Dan missejtu iktar fil-ħsieb u fir-riflessjoni meta qrajt dak li l-Ġeneral Tedesk Johannes Erwin Rommel, magħruf aħjar bħala “The Desert Fox”, stqarr.  Dan l-eroj għall-Armata Ġermaniza f’dak il-kunflitt, f’diversi teatri jgħid li wara laqgħa partikolari ma’ Hitler, kemm baqa’ mpressjonat bil-mibgħeda kbira li kienet tmexxih.  Kien ċar li kien qiegħed jitlef, li kien ser jispiċċa, imma ma kienx kapaċi jara r-realtà għax kien mitluf fil-mibgħeda tiegħu.  L-odju, fil-bniedem, huwa żbaljat fih innifsu, imma huwa aktar hekk għax il-bniedem jagħma.  Ma jarax dak li huwa ovvju.

 

X’ideat strambi

 

5.     Għalhekk, meta tmur lura u taqra dak kollu li ħareġ f’dawk iż-żminijiet, tifhem aktar kemm fil-politika demokratika m’għandekx taqa’ għat-tentazzjoni li ssaħħan jew timla’ ‘l-bnedmin kontra l-oħrajn.  Tifhem ukoll li l-politika tal-mibgħeda tmexxi lin-nies biex jagħmlu l-iżbalji.  Tifhem li min jippriedka dan il-messaġġ, jaf ikollu suċċessi elettorali temporanji.  Dawk li minnhom jipprova jibni dak li ma jistax iżomm sod, għax huwa biss fuq ir-ramel.  Jitla’ mingħajr ma jkun sostnut fin-natura vera umana.  Biss, avolja l-istorja turi dan, xorta, speċjalment meta jiġu appuntamenti elettorali nsibu lil min jaqa’ għat-tentazzjoni u jiżra’ s-sikrana.  Nittama li f’din li ġejja dan ma jseħħx, minn ebda politiku.

 

Fiż-żmien li ġej

 

6.     Il-pajjiż, fit-triq li qiegħed, għandu bżonn proġett politiku ġdid.  Wieħed differenti.  Għandu bżonn partit li jaħdem għas-sewwa, b’miżuri u proposti ġodda, imma l-iktar għax ispirati minn valuri etiċi sodi.  Huma dawk li d-Demokratiċi-Kristjani bnew, fasslu u taw lura bihom il-ġid lil pajjiżna.  Fl-appuntament elettorai li jew illum, jew għada ġej, hemm bżonn nifhmu iktar dawn il-lezzjonijiet.  Nifhmu lkoll li m’għandniex naqgħu għat-tentazzjoni li, għal xi forma ta’ popolarità temporanja, nitilfu l-ġieħ u r-reputazzjoni tagħna.  Il-politika t-tajba tiddependi f’kemm ikollna politiċi, preżenti u futuri, iffurmati fuq din il-ġebla tax-xewka demokratika.  Ċertament, mhux f’dik tal-mibgħeda, li mhix il-politika t-tajba għalina.

 

 

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...