26.12.21

Din hija sejħitna

 

1.      Ma naħdmux mal-ġebel, imma mal-bnedmin.  Ma’ bnedmin li għandhom drittijiethom, fl-għarfien sħiħ tagħhom infushom, bħala parti jew le mill-Gvern tal-pajjiż.  Fil-passat, preżent jew futur tagħna.  Persuni li jaħdmu, jistinkaw, jippruvaw ibiddlu dak li jgħixu fih.  F’dak li huma lejn ħajja aqwa milli għandhom.  Ilkoll, finalment, favur is-servizz lejn is-soċjetà li ngħixu fiha.  Dik demokratika u li tiggarantixxi l-libertà ġusta tagħna.

 

Mill-bidu

 

2.      Dan il-partit li naħdmu fih huwa parti minn din il-garanzija.  Fi żminijiet, kien waħdu jistinka, jistenna s-siegħa tal-ġustizzja meta ma ħalliex ruħu jaqa’ fid-disperazzjoni, imma baqa’ jafda fit-tama.  Tama ta’ futur aqwa, li seħħ.  Kien hu li ma ħalliex ruħu jkun moviment maħlul ta’ idet varji li jittieħdu naħa jew oħra skont ir-riħ jew il-personalitajiet politiċi.  Ħa ħsieb iġib fis-seħħ partit organizzat, li rrappreżenta ‘l-ħafna, mhux il-ftit.  Ħa ħsieb jibni ideat politiċi li ffurmawh.  Dawk li ggwidawh ‘il quddiem biex ikun mhux il-vuċi ta’ ftit politiċi, jew professjonisti jew akkademiċi, imma tal-ħafna.

 

Il-linja politika

 

3.      Il-Partit Nazzjonalista twaqqaf u baqa’ hekk għax ma ħalliex lilu nnifsu jkun limitat.  Ikun biss vuċi ta’ minoranza jew illimita ruħu ma interessi partikolari.  Kiber u sar forza li taqbeż għall-ġid komuni tas-soċjetà kollha.  Ma ħarisx lejn li jirrappreżenta lil dawk li kienu komdi, imma li jaqbeż għal dawk li kellhom bżonn.  Vuċi, missjoni, proposti ċari biex wieħed jara lil kull persuna tikber, li jwettaq il-ġid lil iktar bnedmin.

 

Kull bniedem

 

4.      Immarka avvanz fil-familja u fil-ħidma tiegħu.  Ir-rilevanza u s-suċċess politiku tiegħu ddependa preċiżament minn dan.  L-għarfien li kull persuna hija importanti u li l-pajjiż irid jibni l-istrutturi neċessarji biex jista’ jimxi ‘l quddiem.  Il-Partit Nazzjonalista ġie elett għax ipprova lilu nnifsu fuq dan.  Id-deċiżjonijiet li ħa ma ġibux għawġ, imma progress.

 

Indipendenza

 

5.      Tul din il-ġimgħa niċċelebraw ġurnata partikolari: dik tal-Indipendenza.  Dak il-pass ma kienx ittieħed biss biex wieħed jafferma pożizzjoni politika, imma l-iktar għax kien hemm il-konvinzjoni li aħna kapaċi nimxu aħjar waħedna.  Fil-linja ta’ politiċi li għax huma mal-poplu, u tal-poplu, għarfu li dan jista’ jsir, u anzi li kienu konvinti li għandu jsir.

 

Il-garanzija futura

 

6.      Dak li seħħ huwa kukkarda għal din il-ħidma, din il-fidi fis-sewwa.  Hija ċertament il-mertu tal-fatt li l-linja politika ttieħdet fi ħdan l-istruttura ta’ partit.  Wieġeb għal dak li l-pajjiż kellu bżonn, u fl-istess ħin kien huwa stess il-garanzija futura fl-istabilità tal-proġett.  Ispira fiduċja f’dak li kien qiegħed jiddikjara u jafferma għax kellu l-fiduċja tal-poplu fi kliemu.  Imma wkoll għax kien forza ta’ kontinwità politika li wieħed seta’ jiddependi minnha.

 

Duttrina soċjali

 

7.      Il-partit, minn meta twaqqaf, kellu dawn iż-żewġ binarji.  L-indipendenza u s-sovranità tal-pajjiż.  Fuq l-oġra, il-progress tal-ħajja ispirata mid-duttrina soċjali. Naħa ma mxietx mingħajr l-oħra.  Imma t-tnejn kienu u baqgħu f’daqqa.  Aħna indipendenti, fl-Unjoni Ewropea, imma l-iktar għandna strutturi ċari li rridu nassiguraw li jaħdmu biex ikun hemm ugwaljanza, ikun hemm ġustizzja soċjali fil-prattika.

 

Stat soċjali

 

8.      Waqt li tgħaddi l-ġimgħa tal-Indipendenza, għandna nżommu quddiemna u nirriflettu s-sitwazzjoni preżenti tas-soċjetà.  Kemm għandha bżonnijiet li m’aħniex nifhmu.  Neċessitajiet biex il-ħajja tan-nies kollha fuq dawn il-gżejjer tkun iktar minn sempliċi diċenti.  Qed nimxu fil-jiem u ma narawx it-tbatija li għaddejja.  Ma narawx kif għandna dak li qed iseħħ u anqas m’aħna nifhmu li għandna bżonn nifhmu iktar.

 

 

Dawk li qed ibatu

 

9.    Qed ngħixu f’soċjetà fejn dawk li qegħdin ibatu mhumiex jifhmu minn xhiex għaddejjin, u anqas mahemm min jifhimhom.  Diversi, fl-umiltà tagħhom, u fil-fatt li l-mezzi tax-xandir huma maħkuma u parti minn strumenti ta’ klassi soċjali li tinsab affluwenti, mhux jifhmu.  Mhux jifhmu li għandna sistema soċjali li qegħda ssir antikwata.  Waħda li kienet isservi l-bżonnijiet tas-soċjetajiet passati, imma llum hemm bżonn għodod ġodda, iktar diretti u personali.

 

Kemm qed insostnu

 

10.  F’dan, ċertament hemm differenza fil-viżjoni tagħna tal-bniedem fis-soċjetà.  M’aħniex, u m’għandniex narawha f’individwaliżmu anti-soċjali fejn kull persuna huwa għal rasu, imma nħarsu li nipproteġu ‘l-familja, il-koppja.  Ir-riżultati llum jitoblu tibdil f’dan.  Apprezzament ikbar tal-ġenitur li jibqa’ d-dar irabbi.  Sostenn ta’ dawk li jagħżlu li jrabbu iktar ulied.

 

Għarfien

 

11.  Għarfien ikbar li huwa aħjar jekk jiżdied il-ħlas ta’ dawk li jkollhom l-ulied.  Għarfien akbar li l-“in work benefit” irid, l-ewwel, parametri aqwa biex iktar jiġu nklużi; u t-tieni, iċ-children’s allowance garantiti.  Miżuri li ma jippenalizzawx lil min jaħdem u jistinka biex jaħdem iktar, imma jħajru mingħajr ma nibdlulhom l-għodda ekonomiċi.  Il-bniedem għandu dritt, u l-Istat dmir lejh, li d-dinjità tiegħu tkun rispettata fis-sħiħ fil-prova ta’ kull ġurnata.

 

Nibqgħu lura

 

12.  Meta nikkunsidraw l-infiq kapitali u rikorrenti tal-Istat taħt din l-amministrazzjoni, wieħed jirnexxilu jifhem kemm sar f’direzzjonijiet mhux proprju għaqlin.  Kien ikun aħjar li nvestejna iktar fis-soċjetà.  Fil-bnedmin fis-soċjetà.  Fl-assigurazzjoni tat-tqassim tal-ġid nazzjonali, aktar milli proġetti li baqgħu sterili jew ma nħadmux sewwa, jew iridu jinqalgħu mill-ġdid.  Hija, fir-realtà, kwistjoni ta’ prijorità, ta’ ideat politiċi.

 

Prijorità

 

13.  Hija hekk, għax il-Gvern qiegħed juri dak li huwa f’dan.  Fejn jonfoq, fejn jinvesti, fejn jassigura li jibqa’ attent.  F’dan il-mument partikolari huwa proprju iktar ċar li ma hemmx linja ta’ ħidma bażata fuq dawn il-prinċipji soċjali.  Hemm waħda ta’ kontinwazzjoni amministrattiva.  Hemm, forsi, l-idea li wieħed jista’ jkollu tmexxija parlamentari iktar milli popolari.  Li wieħed jista’ jkollu politika tal-kompromess mal-forzi ġenerali fis-soċjetà.

 

Kompromessi

 

14.  Dawk il-varji li qegħdin naraw bħalissa, li ma jfissirx li bihom hemm is-soluzzjoni tal-problemi.  Imma, kif nafu, mezz biex wieħed itawwal lejn ħidma parzjali li pożizzjonijiet partikolari jogħġbu lil xi wħud.  Ħidma li, fl-aħħar mill-aħħar, hija ta’ ħsara għas-soċjetà demokratika tagħna għax takkumula u tikkarga iktar il-kumplikazzjonijiet.

 

Partit jibqa’ hekk

 

15.  Proprju għalhekk li l-partit irid jibqa’ dak li huwa.  Ma jmurx lura mitt sena sabiex jipprova jsir moviment proprju meta hija l-istorja li turi li dan huwa sorpassat.  Mhuwiex proġett li jwieġeb għall-ħtiġijiet tal-poplu kollu, imma ta’ wħud f’dak li huma jiddeċiedu li hija għalihom prijorità.  Proprju għalhekk, jekk irridu nbiddlu verament li għandna, irridu nwieġbu lura għal dak li aħna.  Dak ta’ partit organizzat li jimxi fuq il-prinċipji demokristjani tiegħu, li jagħtuh ir-raġuni tal-eżistenza.  Inkunu l-bnedmin li fil-politika jwieġbu għas-sejħa tagħhom.

 

 

 

 

 

   

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...