26.12.21

Musmar imsaddad, ħajt taqla’ biex tneħħih

 

 

1.      Ninsabu f’mument determinanti għal pajjiżna.  Ninsabu f’mument meta hemm bżonn, iktar minn qabel, li jittieħdu d-deċiżjonijiet.  Dawk li huma tajbin biex jibdlu, biex inaddfu, mhux biex ikissru u jeqirdu.  Ma’ kull jum, dak li għaddejjin minnu qiegħed jaggrava ruħu.  Sejrin iktar lura mhux biss minħabba dak li seħħ taħt il-Gvern Laburista Muscat, imma issa dak li mhuwiex taħt il-Gvern Laburista Abela.

 

Fuq il-venda

 

2.      Il-pajjiż għadda, f’dawn l-aħħar għoxrin sena, minn perjodu ta’ bidliet fundamentali.  Rajna tibdiliet soċjali u ekonomiċi li rregolaw u kkundizzjonaw l-iżvilupp lejn proċess ta’ progress qawwi u sostnut.  Issa, illum però, ninsabu wieqfa fuq il-venda.  Żmien li għandu jmexxina biex nagħżlu liema direzzjoni ser naqbdu.  Minflok bdejna l-proċess biex inneħħu minn fuqna d-dell ikrah tal-fama u fl-istima li ninsabu qed nittitubaw, nissaddu u nistennew iktar.

 

It-twissija

 

3.      It-tqegħdin ta’ isem pajjiżna fuq il-Lista l-Griża tal-Financial Action Task Force ġiebet dan.  Mertu tal-ħidma żbaljata mill-amministrazzjoni passata u preżenti, ingħatajna dan iċ-ċertifikat.  Wieħed li jmiss direttament mhux biss mal-fama, imma wkoll mal-but tagħna.  Il-ħajja qegħda togħla wkoll għal din ir-raġuni.  L-istat tal-finanzi ta’ pajjiżna wkoll, kif iċ-ċifri tal-NSO iddikjaraw din il-ġimgħa.

 

Għal min irid jisma’

 

4.      Ftit jiem ilu, is-Sur Paul Bonello, li huwa magħruf bħala persuna ntiża sew fis-settur finanzjarju, ipprova jiftaħ għajnejna.  F’rapport li deher f’din il-gazzetta fil-15 ta’ Awissu ddikjara ċar: l-ewwel, li hemm bżonn il-miżuri iebsa; u t-tieni, li l-Gvern irid iħalli kollox għal wara l-elezzjoni ġenerali li ġejja.  Ħadd ma ċaħad jew merih f’din id-dikjarazzjoni.  Bħas-soltu għaddiet, u l-Gvern qiegħed idawwar mill-ġdid wiċċu.

 

Figuri u fatti

 

6.      Il-fatti huma iktar evidenti.  Hemm iktar sadid dieħel.  Fl-ewwel seba’ xhur tas-sena, diġà kien hemm ftit anqas minn 900 miljun ewro f’defiċit.  Id-dejn fl-istess perjodu ġie rappurtat li kien 7.9 biljun ewro, jew żieda ta’ 1.2 biljun ewro fuq l-istess perjodu tas-sena.  Mhux biss, imma qed naraw: l-ewwel, defiċit li huwa strutturali b’żieda ta’ terż; it-tieni, li huwa viċin id-doppju ta’ dak li kien ippjanat, u ċertament fost l-ogħla rata fl-Unjoni Ewropea.

 

Fama

 

5.      Ilkoll nafu li l-fama hija l-isem li wieħed jagħmel jew jikseb għalih innifsu minħabba għemilu jew kliemu.  Fuq dak li wieħed iwettaq tinbena l-istima ġenerali jew popolari tiegħu.  Tista’ tkun pożittiva u tista’ tkun peġġorattiva.  Hija parti mill-proċess ta’ dak li jwettaq kull pajjiż f’ħidmietu.  Jista’ jiddeċiedi li jimxi fit-triq li jibniha għat-tajjeb.  Jista’ le, u wara jkollu jħallas il-kont.  Jista’ jħalli s-sadid, u jista’ jneħħih.

 

Hemm oħrajn

 

6.      L-istima u l-fama jorbtu u jgħinu lil min irid jagħmel il-ġid lill-proxxmu tiegħu.  Huma l-elementi essenzjali li fuqhom tista’ tibni u fuqhom tiddependi biex ħaddieħor jafda f’dak li qiegħed tipproponi.  Dan dejjem, l-ewwel, jekk tħobb lill-poplu tiegħek; u fit-tieni, għalhekk, li tieħu ħsieb tressaq proposti ġodda ta’ bidla mingħajr dewmien.

 

X’qed isir

 

7.      Min jipprova jgħid il-kontra, li jista’, naturalment ikun biss qiegħed jidħak bih innifsu.  Il-Gvern preżenti għamel, u għadu għaddej, b’kampanja ta’ nuqqas jew ħabi tal-verità biex jiċħad dak li kien u huwa minnu.  Flok jattakka l-problemi u l-kumplikazzjonijiet qiegħed, fir-realtà, jaħrab minnhom.  Qiegħed itawwal, u għalhekk ser ikun hemm bżonn ta’ ferm iktar miżuri minn issa meta niġu għalihom.

 

Ebda pjan

 

8.      Is-sitwazzjoni hija gravi minnha nfisha.  Hija gravi aktar għax hemm defiċit ta’ kredibilità.  Min kien fl-għaġna ma jistax jitwemmen, barra minn xtutna, li huwa l-Gvern li jista’ jġib il-bidla.  Imma mhux biss.  Anki jekk wieħed iwarrab dan il-punt, is-sitwazzjoni qegħda tiggrava iktar ruħha.  Dan quddiem il-fatt li l-Gvern m’għandux pjan, u wisq inqas għandu wieħed serju biex noħorġu minn dan id-dell li ninsabu fih.

 

Ma ssolvix ruħha

 

9.      Din mhix sitwazzjoni li ser issolvi ruħha bit-trapass taż-żmien.  Anqas bil-ħidma ordinarja ta’ amministrazzjoni.  Trid ferm u ferm iktar minn hekk.  Triq ħidma preparata u determinata biex nirbħu lura l-fiduċja.  Miżuri ġodda, ċertament, li jolqtu fejn għandhom.  Tħaddim ta’ dak li għandna, iktar minn qatt qabel.  Bidla fil-mentalità u fil-persuni li okkupaw ċerti karigi istituzzjonali.

 

Barra minn xtutna

 

10.    Mhux biss f’pajjiżna, imma trid issir ukoll il-ħidma barra minn xtutna fil-kapitali varji Ewropej biex l-opinjonijiet jinbidlu.  Mhuwiex biżżejjed li darba kull xahar wieħed jiltaqa’ fil-laqgħat fi Brussell.  Imma hemm bżonn attività diretta mal-kapijiet tal-Istati varji.  Dan, ovvjament, jekk dejjem iridu jiltaqgħu magħna.  Din hija ħidma essenzjali li trid issir anki fin-normalità u li għamilna fil-Gvernijiet Nazzjonalisti preċedenti.  Issa, f’dan il-mument gravi, mhix issir.  U nibża’ iktar li jum wara jum ser tiġi f’pożizzjoni li ma tistax issir.

 

Mhux biss

 

11.    Imma ma’ dan hemm bżonn iktar direzzjoni ċara lid-diplomatiċi tagħna.  L-ambaxxati ta’ pajjiżna mxerrda mad-dinja jridu linja ta’ strateġija ċara ta’ fejn u kif għandhom jaħdmu.  Iridu iktar għajnuna f’persuni biex ilaħħqu ma’ dmirijiethom.  Iridu iktar il-libertà tal-awtonomija li jaħdmu kif jafu sewwa huma.  Iridu ferm iktar informazzjoni preċiża u korretta sabiex jaħdmu.

 

Fil-passività

 

12.    Fil-passività tal-Gvern hemm konsegwenzi.  Huwa ċar ħafna li ttieħdet id-deċiżjoni li Awwissu għalih huwa xahar ta’ mistrieħ.  M’għandux bżonn jitħabat sabiex jibdel.  Kif, allura, nistgħu nirbħu lura l-punti ta’ kredtu?  Kif jista’ xi ħadd jemmen li qed nieħdu l-passi, meta m’aħna nagħmlu xejn konkret?  Kif jista’ xi ħadd jipprova jidħol tarka u jgħinna, jekk aħna stess qegħdin nittraskuraw lura?  Hawn xi ħadd jaħseb li minn barra minn xtutna mhuwiex iqis il-passi tagħna, jum wara jum?

 

Għadna daqshekk lura

 

13.    Il-punt leġittimu huwa proprju dan.  Għax jekk hemm min mill-Gvern li qiegħed jaħseb li għax qed jipprova jċekken dak li huwa kbir li ħaddieħor qed jemmen, nafu proprju l-kontra.  Iktar ma jaġixxi kif qiegħed dan il-Gvern, iktar qed jikber is-suspett.  L-effett huwa li hawn ferm aktar persuni speċjalizzati fis-settur li qegħdin josservaw b’iktar dettalji dak li qiegħed isir.

 

Rapport

 

14.    Ir-rapporti tagħhom mhumiex favorevoli għalina.  U dan, il-Gvern jafu sewwa, għax qiegħed jiġi nfurmat.  Jekk qegħdin ‘l isfel, iktar ser nibqgħu niżlin.  Jekk Maltin qed ibatu biex jiftħu l-kontijiet ma’ banek barranin, issa hemm kollox wieqaf.  Jekk kellna l-oġġezzjoni ta’ tlett pajjiżi, ser inkunu qed inżidu iktar in-numru kontra tagħna.

 

Min imexxi

 

15.    Ftit snin ilu, wettaqna x’wettaqna, il-poplu kien ċert u moħħu mistrieħ li l-fama ta’ pajjiżna kienet miżmuma tajba.  Il-Partit Nazzjonalista ħalla warajh dan il-kredtu.  Kien għad-dispożizzjoni tal-Gvern Laburista biex kompla jimxi fuq dak li stabbilejna, imma nafu li ġie abbużat.  Illum daħal iktar is-sadid, u kif kienu jgħidulna: musmar imsaddad, il-ħajt triq taqla’ biex tneħħih.

 

 

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...