26.12.21

Sqaqien l-estemiżmu

 1.    Hemm min jaħseb li l-politika t-tajba, għax hemm dik inqas u żbaljata, trid issir b’ideat u b’ħidma fis-settur tal-estremiżmu.  Hemm min jirreaġixxi billi jinsa l-użu tar-raġuni.  Jitkellem qabel jaħseb u jinxeħet jiddikjara dak li forsi xi ġurnata jirrealizza li ma kellux.  F’dan, flok wieħed jolqot u jifhem sewwa s-sitwazzjoni, jaqbad sqaqien.  Flok jifhem il-polz elettorali, jitilfu.  F’dan jassigura aktar li ħaddieħor jgħaddi dak li jrid fuqu mingħajr ma jkun qiegħed jinduna.

 

Triq tan-nofs

 

2.    Hemm, fil-politika, ideat u forzi moderati.  Jistgħu jidhru li ma jkollhomx kunsens ġenerali għax ma jiġux imfaħħra f’ċerti postijiet, imma jkollhom.  Meta tmiss mal-poplu u titkellem, tifhem li hemm apprezzament u qbil għal dawk li jridu li l-bidliet jitwettqu b’attenzjoni.  Huma l-maġġoranza, u huma jiddeċiedu liema partit imexxihom.  Jistgħu l-politiċi fi ħdanu jiġu deskritti bħala medjokri jew nani, imma għandhom l-approvazzjoni maġġoritarja.

 

Għala huwa dan

 

3.    Flok wieħed jipprova jifhem billi jidħol fi proċess ta’ djalogu, għax hemm raġunijiet, dejjem jekk fl-umiltà rridu nippruvaw nifhmu, minflok insibu żewġ reazzjonijiet.  Waħda li tiddisprezza u tiddikjara li l-vot mhuwiex użat tajjeb għax ma hemmx biżżejjed kultura.  L-oħra daqshekk ieħor perikoluża, li tattakka u ċċekken dakkollu li jiffurmana fid-demokrazija: l-istituzzjonijiet, il-politiċi u kull min jipparteċipa fid-demokrazija.  Fid-demokrazija ma tibnix billi taqbad toroq anarkiċi.  Tibni ‘l quddiem billi tifhem: l-ewwel int x’qed jiġri, u wara tidħol biex tifhem li huwa dmirek li tipperswadi fejn trid timxi.

 

Wisq estremi

 

4.    Kull partit politiku jrid jagħmel eżamijiet ta’ kuxjenza.  Kull wieħed għandu jżomm ħajja l-importanza tal-awtokritika.  Imma dan ma jfissirx li huwa fallut, jew li l-klassi politika hija hekk.  Anqas li huma perikli serji għall-pajjiż.  Il-periklu huwa iktar imwieled mill-proċess li wieħed jinsa l-lezzjonijiet tal-passat.  L-ewwel, fil-falliment totali u assolut li d-dittatorjati li ħaddnu l-estremiżmu ġiebu; u t-tieni, fil-promozzjoni ta’ bnedmin fil-poter li m’għandhomx formazzjoni u esperjenza politika.

 

L-aqwa politika

 

5.    Dan huwa parti mill-proċess neċessarju biex pajjiż jara min għandu l-aqwa politika.  Mhux biss, imma l-aħjar metodu ta’ kif problemi nazzjonali jiġu konfrontati u solvuti.  Jekk l-elettorat qiegħed kostantement jibgħat messaġġi ċarissimi fuq dan ma nistgħux ninjorawh.  Anqas li nibqgħu ngħidu lil xulxin kemm aħna għandna raġun.  Irridu nirreaġixxu aktar biex nifhmu f’dibattiti bejn il-politiċi varji fuq il-mezzi tax-xandir, ibda bl-użu tal-vantaġġ li aħna għandna fuq tagħna.  Ibda mill-użu tar-raġuni u mhux fil-monologi twal.

 

Fadal kemm fadal

 

6.    Missejna, u għadna naraw, spekulazzjoni varja dwar l-elezzjoni ġenerali.  Diversi jaraw dan bħala s-suġġett tallum, li għandu jiġi diskuss.  Kollox huwa possibbli, f’Novembru jew iktar tard, però forsi ftit iktar ċar li l-Gvern Laburista Abela jrid jinfatam f’għajnejn il-pajjiż, direttament jew indirettament, minn ta’ qablu.  Meta u kif dan isir għad irridu naraw.  Hemm lezzjonijiet li l-kult tal-personalità jridu jagħtu u jiggwidawna.  Imma fost il-poplu hemm ideat varji.  Hu x’inhuwa, fadal kemm fadal għall-elezzjoni ġenerali li ġejja, hemm bżonn proċess ta’ diskussjoni.

 

Tgħin

 

7.    Forsi wieħed jifhem iktar li l-Gvern attwali qabad triq li jimxi għal rasu.  Fejn esternament jagħżel li jinjora kontinwament dak li ngħidu, u internament jikkunsidrah.  Qiegħed jipprova jagħżel li ma jagħtix importanza lil dak li ngħidu fil-pubbliku.  Però jifhem iktar fejn aħna stess nikkontribwixxu fil-politika tiegħu.  Jifhem, ċertament, li għandu interess li jkun ikkontrollat inqas.  Mentri nafu li huwa fl-interess tal-pajjiż, u tagħna, li l-istituzzjonijiet jiġu ssudati u rinfurzati biex jeżerċitaw kontroll, u mhux jiġu deklassati.

 

Indipendenza 2021

 

8.    Dan huwa punt li qiegħed isir jum wara jum.  Il-ġebla tax-xewka tal-futur demokratiku tas-soċjetà tagħna.  Il-poplu tagħna huwa sovran, u ilu hekk.  Il-pajjiż tagħna huwa indipendenti u mmexxi mill-Maltin u l-Għawdxin.  Dan huwa mertu tagħna – wieħed li nfakkru u nirrikonoxxu kull 21 ta’ Settembru.  U fl-istess ħin naċċettaw iktar li ma hemmx nostalġiji żbaljati għall-passati kolonjali.  Mhux veru li kollox kien tajjeb, dixxiplinat u li l-istituzzjonijiet kienu perfetti meta konna taħt ħaddieħor.  Ma konniex hekk, u għalhekk il-poplu għażel demokratikament li jiċċaqlaq.  M’aħniex fil-Babilonja sejrin lura lejn Ġerusalemm, u min irid jieħu lilu nnifsu f’din il-fosdqa qiegħed jidħak bih innifsu.

 

Il-Bidla

 

9.    Hawn bżonn bidliet fis-soċjetà tagħna, però mhumiex dak li jitwieldu mill-estremiżmu.  Wisq inqas dawk li jridu  jġibu fl-irmied dak li għandna.  Jew li jkomplu jħarsu lejn stampa falza ta’ dak li seħħ fil-passat.  Jekk irridu nbiddlu għall-aħjar il-pajjiż tagħna, irridu naqbdu u nqabbdu t-toroq kuntrarji għal dan kollu.  Is-soċjetà feruta u traduta tagħna trid aktar dożi ta’ moderazzjoni u raġuni biex tfiq.  Trid tifhem dak li għaddiet minnu.  Dak li hija, u dak li tagħżel li timxi lejh.

 

Vot attent

 

10.  Partit ma jinbidilx għax ineħħi jew jiċħad Prim Ministru li kellu jmexxih.  Dak li kien jgħid li huwa l-aqwa, u li ser jeħodna lejn l-eċċezzjonali.  Partit is-soltu jinbidel jekk jieħu l-lezzjonijiet it-tajba lura fl-oppożizzjoni.  Jinbidel għax jipprova jifhem dak li huwa, fil-valuri veri u mhux apparenti li jsawruh.  Din hija l-isfida preżenti.  Tista’ tiġi konfrontata jew, kif qed naraw, tista’ tinħarab u tiġi posposta għal għada pitgħada.  Hija x’inhija l-għażla tal-Prim Ministru attwali, f’dan jidher ħiereġ iktar ċar li l-użu tal-vot mill-elettorat ser ikun iktar attent.

 

Inqas mejkapp

 

11.  L-elettorat ser jagħżel iktar minn qabel.  Jagħżel jekk jivvutaw jew le.  Jagħżel liema persuni jivvota qabel il-partit.  Jagħżel li jkollu iktar politiċi li jista’ jafda fl-onestà u fl-awtentiċità.  Fuq kollox ser ifittex iktar moderazzjoni, iktar raġuni u dan sabiex jaħrab mill-isqaqien li l-estremiżmu jkompli jġibna fih.

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...