26.12.21

Il-Bakkaljaw u l-Metodu Falcone


 

1.       Illum huwa l-jum li nfakkru l-mewt ta’ Giovanni Falcone.  Bniedem tal-Liġi, maġistrat, servitur tal-Istat Taljan.  Fit-23 ta’ Mejju 1992, ħajjet dan il-bniedem ġiet distrutta mill-Mafja fi Sqallija permezz u bl-użu ta’ kwantità kbira ta’ splussiv.  Sallum, kull min jgħaddi mit-triq, sejjer lejn Palermo, jara l-post fejn seħħ dan kollu.  Għadu mmarkat u jimpressjonak.  Biss, dan l-artikolu mhuwiex biss kommemorazzjoni.  Huwa wkoll sejħa għal riflessjoni.  Biex tulu wieħed jifhem ftit iktar dak li għadda minnu.  Jinforma aħjar lilu nnifsu dwar l-ambjent tossiku ta’ illegalità li kien inbena, li sab u li kien, b’kuraġġ u determinazzjoni, qiegħed jipprova jikkumbatti.  Mhux biss.  Tifkira għax jista’ wkoll isir għalina forma ta’ proċess ta’ awto-kritika nazzjonali.  Forsi biex naraw jekk hemmx paralelliżmi.  Jekk hemmx realtà skomda li qed naħarbu u ntawwlu biex, finalment, naffrontaw.

 

Stampa ikbar

 

2.    Giovanni Falcone, għal dawk li ma jafuhx, kien il-bniedem li kkumbatta l-Mafja.  Kien il-bniedem li pprova, u f’ħafna rnexxielu, jorganizza l-forzi tal-ordni sabiex jifhmu aħjar ħidmet din l-organizzazzjoni kriminali u jikkuntrastawha.  Jifhmu kif il-flus li kienu jaqilgħu dawk fil-Mafja, fl-attività illegali tagħhom, jidħlu lura fis-sistema ekonomika.  Jiġu mċappsa bid-demm u joħorġu lura fin-“normalità”.  Jiġu bil-bejgħ, traffikar, produzzjoni tad-droga u jiġu nvestiti fil-kostruzzjoni.  Kif inbniet dik is-sistema li biha l-ekonomija s-sewda nett ma tibqax iktar identifikata.  Anzi, l-illegalità tiġi “mfaħħra” fil-pretest li suppost qegħda twettaq “ġid soċjali”.  Kif tirkeb, tinfiltra, tixtri u ssikket kull ma huwa tajjeb fis-soċjetà.  Kif taħkem, tmarrad u timla velenu bnedmin u soċjetà.  Kif larinġ bnin isir morr.  Kif jinbena paraventu “sabiħ ileqq” fuq barra, mentri minn ġewwa hemm realtà maħmuġa, perikoluża, marradija.

 

Iddedika ruħu

 

3.    Falcone ddedika ruħu għal dan.  Fetaħ toroq differenti.  Kellu l-kuraġġ jikkonfronta b’intelliġenza dawk li kellhom ‘is-suq’ l-iswed f’idejhom.  Dawk li kienu jipprattikaw verament il-linja li s-suq isuq.  Fejn xejn ma jżommhom lura.  Fehem aħjar kif jaħsbu l-kapijiet li kienu jikkmandaw.  Fehem ir-rabtiet li kellhom il-kapijiet Sqallin mal-familji mafjużi fl-Istati Uniti.  Ġieb rispett u kollaborazzjoni bejn forzi tal-ordni taż-żewġ pajjiżi.  Ġieb ukoll bnedmin bħal Tommaso Buscetta, kap huwa wkoll, sabiex jiftaħ triq fil-ħidma ta’ dawk li saru ‘pentiti’.  Ma kellux karriera faċli.  Kellu ostakli varji.  Dawk interni li saru fi ħdan il-maġistratura biex jinżamm lura, u dawk esterni li ppruvaw jeliminawh diversi drabi fl-istima u fil-ġisem.  Dawk li ‘jaqilgħu’, b’xi mod, flus maħmuġa jafu li qed jissugraw sew, u għalhekk l-iktar li għandhom interess huwa li jeliminaw lil min jista’ jwaqqafhom.  Ġie attakkat pubblikament fil-gazzetti b’ittri anonimi varji, dubitat f’ħidmietu, kif ukoll attakkat fil-ħajja.

 

Agħti lura

 

4.    Hemm prezz li l-bnedmin tal-Istat iridu jħallsu quddiem l-illegalità.  Hemm riskji li jgħaddu minnhom.  Ma jservux lis-soċjetà għax imħallsa tajjeb.  Anzi, mhumiex.  Imma għandhom konfort uniku u nobbli li jservihom jum wara jum.  Viżjoni u dinjità fil-ħidma tagħhom.  Linja ċara li dak li qed iwettqu kontra diversi kurrenti għandu skop uniku, li huwa verament tajjeb.  Wieħed ċar li jispira ‘l-bnedmin ta’ rieda tajba li jaħdmu għall-ġid komuni veru, u mhux dak apparenti.  Iktar u iktar meta Falcone u dawk li ngħaqdu miegħu fehmu kemm, idawru kemm idawru wiċċhom, kien hemm bnedmin mixtrija u fis-servizz ta’ din l-attività illegali.  Dik ta’ diversi bnedmin ‘innoċenti’, ‘inċensurati’ li jservu sabiex jippermettu li jiġu użati biex jaħslu dak li huwa maħmuġ.  Dawk li minħabba tradimenti varji, minħabba l-poter ekonomiku jew politiku, lesti jarmu d-dinjità tagħhom.

 

Tletin sena

 

5.    F’din is-sena nimmarkaw tletin sena mill-ktieb Cose di Cosa Nostra.  Intervista li Giovanni Falcone kien ta’ lill-ġurnalist Marcelle Padovani.  Fih spjega ferm iktar dik ir-realtà li l-Mafja kienet bniet.  Fl-istat illegali tagħha daħlet u ħakmet l-Istat legali.  Ktieb mimli informazzjoni li kont qrajt dik is-sena stess li ġie ppubblikat, u f’li sibtni nipprepara ruħi lura fl-2012.  Hemm ħafna ġewwa fih għall-attenzjoni, li hija ħasra li ma jingħatax l-importanza li ħaqqu minn dawk, u lil dawk li jridu jikkumbattu għas-sewwa.  Jibqa’ ktieb, manwal essenzjali biex tifhem iktar din ix-xibka li qarnita mafjuża tibni.  Dik il-linja li min jispiċċa fis-servizz tal-ħażen jibni.  Tifhem iktar il-komportament intern u għala jittieħdu d-deċiżjonijiet li jittieħdu.  Ċertament ngħid li kull min irid iservi fis-sewwa fil-politika għandu jiġi obbligat jaqra.  Tifhem kif larinġ bnin jispiċċa bakkaljaw.

 

Lura lejn il-poplu

 

6.    F’dawn il-jiem, qbadt il-ktieb li oħtu, Maria Falcone, kitbet: Giovanni Falcone un eroe solo. Il tuo lavoro, il nostro presente. I tuoi sogni, il nostro futuro. Fih minjiera oħra ta’ informazzjoni fuq żewġ livelli.  L-ewwel, ovvjament dak li għadda minnu ħuha.  It-tieni, ideat varji sabiex wieħed jirrifletti fuq dak li qed ngħixu fis-soċjetà Ewropea u Maltija llum.  Tikteb u tesponi veritajiet storiċi.  Tgħid dak li ħuha ratu jgħaddu fil-passjonijiet tiegħu proprju minn dawk li ma kienx mistenni minnhom.  Sagrifiċċji kbar li daħal għalihom.  Dak li fl-aħħar wassal sabiex hu u martu jitilfu ħajjithom.  Imma f’din it-triq kellhom mira ċara.  Qalbhom kienet qawwija fil-ħsieb konvint li kienu qegħdin jaħdmu sabiex jagħtu lura pajjiżhom lill-poplu.  Li dawk li kienu serqu jispiċċaw biex min huwa l-leġittimu proprjetarju jieħdu lura f’idejh.  Tneħħi dak li jaħkem u tgħaddi lura għat-twettiq u t-tħaddim tad-demokrazija.  Kif is-siġra tal-bakkaljaw, bit-tikdir trendi lura larinġ bnin.

 

Storia e credibilità

 

7.    F’dik id-determinazzjoni nfetaħ proċess kontra erba’ mija u ħamsa u sebgħin persuna f’daqqa.  Inbniet Qorti apposta.  Triq li wasslet sabiex, finalment, bnedmin ġew ikkundannati u msakkra.  Illum infakkru lil Giovanni Falcone.  Hekk jixraq, imma għandna naraw jekk aħniex ngħaddu mir-ritwali u naħirbu milli nikkunsidraw sa liema livell pajjiżna jinsab f’idejn dawk li m’għandux.  Ix-xenarji huma viċin ħafna.  Mhux neċessarjament l-istess.  L-elementi li wieħed isib kif b’idejn ineħħi ‘t-trab’ simboliku li nġabar.  U jsib li hawn iktar droga fil-pajjiż, u li hawn iktar ħidma ‘ekonomika’ fl-istess direzzjonijiet.  X’ġara, sirna nafu in parti.  X’qed jiġri llum, ma nafux.  Nafu biss li hemm min żbalja li għatta, tawwal u ġebbed sabiex il-pajjiż jaħseb li kollox għadda diġà.

 

Ir-realtà

 

8.    Għax xorta tibqa’ r-realtà li hemm il-ħidma, is-sewwa li trid issir b’iktar saħħa biex dan il-pajjiż jiġi lura f’idejn il-poplu li huwa sidu.  Hemm ġlieda għas-sewwa li jista’ jkun li nbdiet, imma li għadha ‘l bgħid.  Waħda li trid iktar sforzi, iktar informazzjoni, iktar intelliġenza w għaqal, iktar bnedmin iffurmati għas-sewwa.  Waħda li trid tifhem li m’għadux iż-żmien li nibqgħu lura milli nibnu l-istess liġijiet li ħaddieħor kellu jibni.  Waħda li trid tħares kif qiegħed isir ċertu “tkabbir ekonomiku”.  Proprju għalhekk li għandna d-dmir li naffrontaw il-verità tal-fatti.  Għax pajjiżna jixraqlu li dan isir, u kemm jista’ jkun malajr.  Jixraqlu jara li jingħata lura frott ħelu, mhux qares.  Jixraqlu li jifhem u jieħu l-lezzjonijiet ta’ dak li Giovanni Falcone għadda minnu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...