26.12.21

Fost l-aqwa mħuħ

1.    Naf li nqastek.  Snin ilu kont iktar attent u assidwu li nsegwi kitbietek.  F’dawn il-jiem erġajt bdejt it-triq lura biex nipprova nżomm ma’ dak li kont intrabatt li nagħmel ħafna snin ilu.  Dik id-direzzjoni li tgħinni nħib għal-lingwa nazzjonali kitbietek.  Proġett ambizzjuż.  Wieħed ikbar milli ħsibt, imma li jrid isir.  Ikbar, għax kitbietek, qaddis kbir, fihom ħafna iktar milli jidhru fi ktejjeb.

 

2.    Issa, iktar minn qabel, waqt dan il-perjodu twil u mimli kumplikazzjoni ta’ din il-pandemija, kelli tulu l-ħin naqra ktejjeb sabiħ dwarek, San Anselmo.  Wieħed miktub minn Gil R. Evans, Professoressa tal-punt fl-Università ta’ Cambridge.  Dak li jġib it-titolu sempliċi u li jitkellem waħdu: Anselm.  Kont, fil-fatt, ilni li xtrajtu, u kien jinsab jistenna li jmiss lilu fuq l-ixkafef ta’ dawn is-snin fil-librerija fejn kien qiegħed jiġbor ftit trab iktar milli kellu fuq il-parti ta’ fuq.

 

3.    Imma l-mument kien tajjeb li reġa’ ġie f’idejja.  Il-21 ta’ April, jiġri x’jiġri, jibqa’ għalija jum speċjali, proprju għax huwa l-jum li l-Knisja għażlet meta niċċelebraw il-festa ta’ dan il-qaddis.  Waqt li sibt ruħi msakkar id-dar, ċertament ukoll bil-kompliċità sħiħa tiegħu, dan il-ktieb qrajtu f’ġimgħa.  Fih, ħarist lura lejn kitbiet varji, passati.  Lejn dak li saħħarni warajh.  Lejn dak li sibt tant ta’ għajnuna fi triqti.  Dik li nittama li hija hi li tmexxini lejn is-salvazzjoni.

 

4.    Mort lura biex nerġa’ napprezza lil dan il-bniedem, li kitbietu huma oriġinali f’kull sens.  It-talbiet tiegħu huma mill-isbaħ.  Illum nifhem iktar kemm, f’dawn is-snin, influwenzani bihom.  Kull waħda mimlija riflessjonijiet mill-iktar diretti għal qalb u moħħ il-bniedem.  Għandu dawk miktuba għall-ħbieb u dawk għal dawk li mhumiex.  Għandu diversi għall-qaddisin varji.  Imma dik diretta lejn il-fundatur tal-Ordni fiha elementi iktar fondi.

 

5.    Anzi, elementi iktar personali.  Waqt li jfaħħar ħidmet, b’imħabba qawwija diretta lil San Benedittu jistqarr, b’kuntrast, in-‘nuqqasijiet’ tiegħu.  Waqt li jkellmu direttament, personalment, bil-kunfidenza.  Filwaqt li jarah bħala mexxej tajjeb u għalliem ġentili, jakkuża ruħu bi tlett dgħjufijiet.  Ngħid jien, inġustament, għax ebda persuna ma tista’ tkun imħallef tajjeb fil-kawża tagħha.  L-ewwel: li mhuwiex suldat qalbieni u tajjeb tas-sewwa.  It-tieni: li mhuwiex dixxiplu sura tal-għalliem tiegħu.  It-tielet: li mhux denju li jkun membru tal-Ordni li huwa fih.

 

6.    Jgħid hekk: “No, you see rather a false monk, lost to all virtue, dominated by a crowd of vices, burdened with a weight of sin.”  Le, għandek quddiemek patri falz, li tilef il-virtujiet kollha, dominat b’folla vizzji, mgħobbi b’mażżra ta’ piż ta’ dnubiet.  Imma f’dan jitolbu iktar mill-qalb sabiex ikun il-protettur kostanti tiegħu.  Jitolbu jieħdu għar-rebħa li twasslu għall-kuruna tal-vittorja.  Il-bniedem li jafda verament lilu nnifsu fir-regoli li Benedittu waqqaf b’tant għaqal u attenzjoni.

 

7.    San Anselmu jibqa’ f’dan iktar il-bniedem tad-dinja teoloġika u dik filosofika.  Mitlub fil-Latin.  Studjuż ta’ kitbet Aristotile u l-Platoniżmu ta’ Santu Wistin sabiex ikompli jfittex fil-fond ġewwa fih.  Għamel, f’dan il-proċess, ħbieb varji u kitbietu nqraw sew fi żmienu.  Kienu jistaqsuh, jikkonsultawh, u huwa jwieġeb.  Jassigura li qiegħed iwieġeb għall-bżonnijiet ta’ min iħabbatlu l-bieb.  Ma jaħrabx, imma jindirizza direttament.  Persuna attenta, dinamika u li kapaċi jżomm il-punt tas-sewwa, ikunu xi jkunu l-konsegwenzi għalih innifsu.  Ma jċedix għal dak li m’għandux.  Għal dak li jmur kontra dak li l-Fundatur għaddielu.

 

8.    Kien, u baqa’ dawl u fonti ta’ għerf.  Jemmen, sabiex maż-żmien, fl-esperjenza tal-ħajja, fit-tagħlim kostanti, jifhem u mhux jipprova jmexxi ruħu l-kontra.  Kiteb, f’dan, trattati mill-aqwa, bħall-Proslogion.  Fih ‘jipprova’ Quod Vere Sit Deus (Alla jeżisti verament).  Wieħed li anki fl-aħjar tal-ħakma Komunista Sovjetika kien jiġi studjat.  Studjat, analizzat, apprezzat u li kien jimmarka fl-influwenza ta’ dawk li kienu jipprofessaw l-ateiżmu.

 

9.    Kien, f’dan kollu, deċiż li jgħix ħajja qaddisa.  Il-Fidi tikber jekk tingħta l-ħajja tal-imħabba għall-bniedem.  Il-ħidma t-tajba hija essenzjali biex turi s-sinċerità fid-dispjaċir ta’ dak li sar ħażin.  Deċiż li jagħmel ħiltu biex jinqata’ mid-dinja li tiġbdu lura biex jaħseb u jikteb.  Diversi minn kitbietu, kif nafu, tant kien apprezzati u mfittxija, li għalkemm kien għadu mhux lest kompletament, trattat il-kapitoli kienu jkunu diġà mxerrda.

 

10.  Dan, il-Professoressa Evans tmexxina iktar fih.  Hija, li speċjalizzat fit-teoloġija medjevali, f’kapitoli qosra imma studjati, tiġbor is-sustanza u ma tħalli xejn essenjali barra.  Jista’, għal xi wħud, jiġi kunsidrat bħala ktieb ta’ introduzzjoni u riflessjoni.  Imma fih iktar.  Għax tħajrek, kif irnexxilha miegħi, biex terġa’ tmur lura taqra dak li kont qrajt snin ilu, u tħares lejh mill-bidu b’lenti differenti.

 

11.  Meta, fis-snin passati, Anselmo daħal għandi, mingħajr ma kont ħsibt ġejt introdott formalment għalih.  Fil-mitt paġna ta’ kitbietha din il-mara, li mhix Kattolika, imma ċertament milquta, tagħlaq hekk: “In reading Anselm we are in the presence of not only a man of quite exceptional holiness and deep spirituality, but also one of the best minds of the western world.  He stood far above his contemporaries in the subtlety and clarity of his thinking and in his capacity to see new solutions to old difficulties.”[1]  “Waqt li naqraw kitbet Anselmu nsibu ruħna fil-preżenza mhux biss tal-bniedem ta’ spiritwalità u qdusija eċċezzjonali, imma ta’ wieħed mill-aħjar imħuħ tal-punent.  Kien ‘il fuq mill-kontemporanji għall-preċiżjoni, attenzjoni ta’ ideat ċari u fil-kapaċità li jsib soluzzjonijiet ġodda għal problemi antiki.” 

 

12.  Inħajrek taqra dan il-ktieb sabiex imexxik iktar tfittex kitbietu.  Esperjenza unika ma’ moħħ uniku.

 

 



[1] Paġ. 108

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...