26.12.21

Mhux il-mument

1.     Fil-ġimgħat li għaddew ħareġ stħarriġ fl-Italja.  Wieħed immexxi mill-Istitut ISPI-IPSOS.  Wieħed interessanti iktar mis-soltu proprju għax differenti fil-mira tiegħu.  Wieħed bażat fuq kif it-Taljani jħarsu lejn il-politika barranija.  Dan, b’diversi domandi li saru, ħarġu numru ta’ punti bażati fuq min jinfluwenza l-iktar.  Liema pajjiż u liema politiku jaħsbu li jinfluwenza l-politika u l-ħajja soċjali u ekonomika tagħhom.  F’dan ħareġ li hija ċ-Ċina l-iktar, wara l-Istati Uniti tal-Amerika, fit-tielet post l-Unjoni Ewropea u wara l-Federazzjoni Russa.  Fost il-politiċi Angela Merkel b’25%, Papa Franġisku bi 15%, Joe Biden b’14%, Donald Trump u Vladimir Putin bi 12%.

 

Min jinfluwenza lilna

 

2.     F’dan naħseb li jkun ċertament iktar minn interessanti naraw u nqisu min jinfluwenza f’pajjiżna.  Hemm lok għal stħarriġ xjentifiku.  Għax għandna ideat ġenerali dwar il-punt.  Tistaqsi fit-triq jista’ jingħadlek l-Istati Uniti tal-Amerika, iċ-Ċina, l-Unjoni Ewropea, l-Italja, ir-Renju Unit jew xi pajjiż ieħor.  Għandi, però, iktar diffikultà biex naqtgħu lil liema politiku l-poplu ta’ dawn il-gżejjer jara li jinfluwenza l-iktar.  Jinfluwenza fil-politika barranija, sija internazzjonali u sija Ewropea.  Inkella, iktar direttament, f’dik tagħna.  Kemm Maltin u Għawdxin jisimgħu dak li dawn il-politiċi jgħidu, kemm jaqblu magħhom, kemm jaraw li għandna nieħdu jew nimitaw il-miżuri li jħaddnu?

 

Ftit snin ilu

 

3.     Ftit snin ilu, pajjiżna sab għad-dispożizzjoni tiegħu żewġ politiċi Ewropej jitkellmu f’mass meeting.  Il-Partit Laburista taħt Joseph Muscat kien stieden, u dawn aċċettaw li jiġu u jfaħħruh pubblikament.  Sija Matteo Renzi, li ġie apposta fil-gżejjer, kif ukoll Tony Blair, li kien tkellem b’messaġġ rekordjat, ħajru lill-elettorat jivvutalu.  Renzi, anzi, f’dak il-mument tkellem fuq l-importanza tal-lealtà u l-ħbiberija fil-politika.  Kienet sorpriża, għax konna ilna ma naraw politiċi ta’ dan il-kalibru fix-xena politika tagħna.  Ikolli ngħid li min ġabhom, għamel hekk għax kellu l-għarfien li politiċi barranin għandhom lieva fuq il-vot.  Mhux biss, imma dawn it-tnejn kienu, f’dak il-ħin, stmati u kkunsidrati bħala ċertifikati ta’ kredibilità, ta’ fiduċja, ta’ dawk li wieħed joqgħod fuhom.  Nammettu li għamlet effett, u ma nistgħux niċħdu li l-mossa politika rendiet ukoll.

 

Dawk li jinfluwenzaw

 

4.     Forsi l-argument seta’ kien, u dan fi żmien ilu, li pajjiżna kien isegwi iktar dak li għaddej fost il-politiċi Taljani.  Konna nafu b’isimhom, bil-fama tagħhom, imma direttament bid-diskorsi u bl-interventi ta’ kuljum.  Anzi, forsi iktar, li konna pajjiż li jagħraf b’piż ikbar janalizza l-politika barranija skont il-lenti u l-għarbiel li kien isir f’dak il-pajjiż.  Dan proprju għax il-mezzi ta’ komunikazzjoni tagħna kienu jirċievu l-istazzjonijiet Taljani.  Biss, illum, kif neħħejna l-aerial, daħlu stazzjonijiet oħra li magħhom ġiebu kurrenti ġodda.  Ġiebuna iktar viċin li nsegwu politiċi barranin oħra u l-politika barranija tagħhom.  Kemm dawn għandhom effett illum, u f’liema grad, wieħed irid iqis.  Imma hemm ċaqliq.

 

Ma nistgħux naħirbu

 

5.     Biss, f’dan, anki jekk wieħed irid iqis u jara, xorta hemm konsegwenzi li l-viċinanza tagħna twassal għalihom.  Dak li jseħħ f’dan il-pajjiż ġar, ngħidu x’ngħidu xorta ser imissna.  Żammejna magħhom, u huma magħna, rabtiet qawwija.  Fuq livelli varji.  Dawk kummerċjali, ekonomiċi, soċjali, kulturali.  Kemm qed inqisu u ngħarblu din l-influwenza fuq is-setturi msemmija hija ħaġa oħra.  Biss, nafu mill-esperjenza u l-istorja li kull bidla fit-tmexxija fl-Italja teffettwa lilna.  Mhux biss fil-kwistjonijiet kumplikati u mimlija sfidi tal-immigrazzjoni rregolari, imma anki fuq oħrajn.  F’numru ta’ punti niġu milquta fuq l-avvanz ekonomiku tagħhom.  Però wkoll fil-linji nazzjonali li l-ekonomija tagħhom jindirizzawha fiha.  U wkoll, forsi ftit iktar, f’liema reġjun jiddeċiedu li jinvestu u jaraw prijorità li jmexxu.

 

Bidliet varji

 

6.     F’dawn il-jiem qed naraw bidliet ġodda fil-politika Taljna.  Reġa’ hemm passi ta’ forom varji ta’ instabilità.  Diġà f’dawn l-aħħar snin rajna dan.  Il-Prim Ministru Giuseppe Conte daħal fis-siġġu fl-1 ta’ Ġunju 2018, b’maġġoranza stramba magħmula mil-Lega ta’ Matteo Salvini u ċ-Cinque Stelle ta’ Luigi Di Maio.  Fl-20 t’Awissu 2019, wara mozzjoni ta’ sfiduċja tal-Lega ġie ffurmat Gvern ieħor b’maġġoranza differenti.  Waħda mibnija miċ-Cinque Stelle u l-Partit Demokratiku ta’ Luca Zingaretti.  Ftit wara, f’Settermbru però, Matteo Renzi, li kien għal xi żmien segretarju tal-Partit Demokratiku u Prim Ministru tal-pajjiż, iddeċieda li jwaqqaf partit ġdid tiegħu, l-Italia Viva.

 

Bidla oħra

 

7.     Issa, però, f’dawn il-jiem Renzi ddikjara li l-partit u d-deputati tiegħu mhumiex ser isostnu iktar lit-tieni gvern ta’ Conte.  Ministri tiegħu rriżenjaw u nfetħet kriżi politika ġdida.  Waħda li qed thedded l-istabilità politika Taljana.  Dan f’żewġ direzzjonijiet.  L-ewwel: elezzjoni ġenerali, u dan jekk ma tinstabx maġġoranza fis-Senat, għax fil-Kamra tad-Deputati, il-Partit Demokratiku u ċ-Cinque Stelle għandhom biżżejjed siġġijiet.  It-tieni: elezzjoni ġenerali taf twassal għal gvern immexxi mil-lemin ta’ Matteo Salvini (ammiratur dikjarat ta’ Donald Trump), b’konsegwenzi xejn tajba.  It-tielet: bir-riskju qawwi li l-fondi Ewropej magħrufa bħala “New Generation EU” jdumu ferm iktar biex jibdew jintefqu u fuq prijoritajiet li jkunu jridu jiġu stabbiliti mill-ġdid.

 

Mossa irresponsabbli

 

8.     Fil-politika, kif naraw u nafu, jsiru ħafna passi f’direzzjonijiet varji.  Hemm min iqis l-interessi tiegħu, u hemm min dawk tal-pajjiż jew tal-partit.  Mhux dejjem ikunu tajba.  Anzi, kif nafu, f’dawn il-jiem, diversi, biex ikunu “ġodda” jew “differenti”, abbandunaw l-għaqal ta’ politiċi passati.  Proprju huwa l-każ f’dan il-pass ta’ Matteo Renzi u l-partit tiegħu.  F’dan il-mument ma tantx hemm prospetti tajbin għall-Italja u anke, indirettament, għalina.  Il-ġurnal Spanjol El Pais iddeskriva dan il-pass politiku bħala att ta’ irresponsabilità.  U wieħed jifhem, għax waqt li għaddejja din il-pandemija, u waqt li l-ekonomiji tal-Italja u fi ħdan l-Unjoni Ewropea marru lura, din mhux l-għażla t-tajba.

 

Indietro non avanti

 

9.     F’dan, għal dawk li għadhom ħbieb tiegħu, għandhom jagħrfu li l-effett tal-instabilità politika Taljana ser teffettwa lilna wkoll.  Iktar u iktar wara li qed naraw l-effetti negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit.  Ftit snin ilu, Matteo Renzi kien kiteb ktieb bit-titolu Avanti.  Wieħed li fih x’taqra, iktar u iktar illum li minn dak li qiegħed nara qiegħed jikkontradixxi lilu nnifsu f’passi varji.  Anzi, kitbietu tikkonvinċik ferm iktar li dan mhuwiex il-mument li ddaħħal pajjiż fi kriżi politika.  L-appell tagħna, ċertament, huwa li jerġa’ jaħsibha.  Kemm ser jagħti każ tagħna ħaġ’oħra.  Kif ukoll, x’ser iseħħ inkunu nafuh tul il-ġimgħa li ġejja.  Nittamaw li r-raġuni tirbaħ fuq l-interessi partiġġjani, għax mhuwiex il-mument li ssir elezzjoni ġenerali.

 

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...