26.12.21

Żommna mit-tiġrib .

 


1.    Kemm huwa tajjeb tisma’ x’għandu xi jgħid ħaddieħor fil-ħajja.  Kemm daqshekk siewi li tagħti każ il-pariri ta’ oħrajn fid-demokrazija.  Kemm hija mimlija sens dik id-direzzjoni li titlob minna sabiex naħsbu mitt darba u naqtgħu darba.  Għax proprju l-esperjenza politika, li trid issir iktar rari, tmexxik sabiex, għall-ġid tal-poplu, tieqaf taħseb sew.  Tgħarbel fil-fond jekk dak li fassalt f’rasek, jekk dak li ddikjarajt fil-pubbliku huwiex verament tajjeb kif taħseb inti waħdek, jew jekk mexxewkx xi wħud biex tagħmel hekk.

 

Opinjonijiet

 

2.    Is-soċjetà tal-Facebook hija f’dan għalliema.  Opinjoni ta’ persuna waħda, mingħajr ma hemm ħsieb warajha, għax tinkiteb tittieħed bħala veritiera.  Tittieħed bħala dik li għandha tirbaħ fl-argument.  Mentri nafu, frott l-esperjenza, li opinjoni, biex ikollha valur trid tinġabar u tiġi mqegħda ma’ ta’ oħrajn.  Konfrontata b’mod u manjiera li min qiegħed jipproponi għandu iktar fil-kalatura favur tiegħu, għax kontestata bir-raġuni.  Hemm, f’dak il-proċess, ser tħossok iktar ċert li dak li qiegħed isir huwa verament, u mhux apparentement, ta’ ġid lill-bniedem tallum u tal-futur.

 

Tiġrix

 

3.    Fejn wieħed m’għandux jiġri f’dan il-proċess, imma jieħu ħsieb jistenna, iktar u iktar meta jsib diversi fis-soċjetà jsemmgħu leħinhom il-kontra.  Meta jkollok bnedmin isemmgħu leħinhom hekk trid tagħti każ, iktar u iktar meta jkollok organizzazzjonijiet li jsejħulek sabiex tuża l-kawtela.  Tant ieħor fil-piż meta jkollok għaqdiet li ma twieldux ilbieraħ.  Dawk li, anzi, huma magħrufa u kkunsidrati li frott l-esperjenza li ġabru, ta’ min joqgħod fuqhom.  Għax kif nafu, l-għaqal jimxi id f’id mal-onestà u l-integrità ta’ dak li jkun.

 

Kull kelma

 

4.    Fis-soċjetà tagħna kull kelma qegħda tiġbor u titlob attenzjoni, u proprju jkollha aktar piż fl-arena tar-raġuni meta warajha jkun hemm bosta organizzazzjonijiet.  Meta jkollok tlieta u ħamsin għaqda varja, ilkoll magħrufa għal ħidmithom favur il-bniedem, dan fih iktar raġunijiet biex tieqaf.  Anzi, għandek obbligu morali u legali li fir-responsabbiltà li ġiet fdata lilek mis-soċjetà, twaqqaf dak li jkun ser jitwettaq.  Ħidma li nafu lkoll li, jingħad x’jingħad, qegħda ssir b’tant ħeffa proprju biex tgħaddi mingħajr widen għas-sewwa.

 

Effetti fit-tul

 

5.    Kull miżura, kull liġi, fiha l-piż u l-impatt tagħha fis-soċjetà.  Fiha, l-iktar, id-dikjarazzjoni li għax hemm dik ir-regola, u ssoltu dawn jitwieldu fis-sewwa, allura qed tistabbilixxi hekk.  Liġi, ħafna drabi, għandha effett soċjali negattiv proprju għax tipprova tibdel dak li mhuwiex sewwa f’li huwa.  Dak li huwa ħażin tipprova tagħmlu tajjeb, u dak li huwa inġust bħala li huwa mimli ġustizzja.  Iktar u iktar meta tali liġijiet bħall-Abbozz 241 li għandna, qiegħed jibdel ta’ taħt fuq il-pożizzjoni dwar l-użu tal-kannabis.  Liġi li tiddikjara li ser iġġib ir-responsabbiltà, meta lkoll nafu li ser tkun kaġun ta’ irresponsabbiltà.

 

Politikament

 

6.    Fid-dinja politika, dan huwa eżami għall-Gvern.  Jista’ jibqa’ għaddej, kif rajnih fi drabi oħra, anke fejn kellu jammetti, aktar tard, li kellu tort, jibdel il-liġi u jiġi b’oħra.  Jista’ jinsisti li huwa mimli bir-raġġi tad-dawl tal-progress, u ħaddieħor għad fid-dlam tar-rigress.  Jista’ jgħid kemm huwa mimli bl-għerf u ħaddieħor għadu fl-injoranza.  Jista’ jgħid ukoll li għax minn meta huwa fil-poter, telgħet ix-xems fuq din l-art, u li kull min ma jaqbilx miegħu qiegħed fit-tort u fil-parti s-sewda tal-qamar.  Jista’, imma hawn, is-serjetà politika hija akbar, għax din il-liġi għandha effetti mhux proprju pożittivi għas-soċjetà tagħna.

 

Jista’

 

7.    Jista’, nhar it-Tlieta, meta nerġgħu niltaqgħu fil-Kamra tad-Deputati, jgħaddi għat-Tielet Qari u japprova kontra l-vot tal-Membri tal-Oppożizzjoni u 53 għaqda.  Jista’ jgħaddilna xi dikjarazzjoni mimlija demagoġija ta’ kemm “huma” jafu ħafna, u ħafna iktar, mill-oħrajn.  Jista’, għalhekk, jinjora l-opinjonijiet ta’ dawk il-persuni kollha, u jibgħat l-abbozz għall-pass li jmiss.  Jgħabbih, inġustament, fuq dahar ħaddieħor.  Fl-ironija ta’ liġi li tiddikjara r-responsabbiltà, li f’att ta’ irresponsabbiltà tibgħatha u tippretendi li ħaddieħor, għaliha, jieħu r-responsabbiltà.

 

Jikkunsidra

 

8.    Biss, għandu alternattivi varji oħra li jista’ jikkunsidra wkoll.  Din il-liġi, bil-miżuri li fiha, bit-tkabbir tal-pjanti fid-djar, bl-għaqdiet li jorganizzaw din iż-żieda fil-konsum permess ser tibdel is-soċjetà.  Ser iġġib li dak li mhuwiex tajjeb, la llum u lanqas għada, issa jsir permissibbli.  Wieħed li ma jsirx, però, qatt, permissjoni.  Dak il-ġenituri tallum jgħarfu u jafu sew bih, għax huma qraw, u għadhom qegħdin jaqraw dwar l-effetti ħżiena tagħha.  Sa issa għadni ma ltqajt ma’ ħadd li jgħidli li huwa ferħan li ser jitma’ ‘l uliedu l-kannabis.

 

Effetti

 

9.    Għax l-effetti tas-sustanza mhumiex ser jinbidlu.  Ser jibqgħu ta’ ħsara għall-bniedem, u dan nafuh ilkoll għax huwa fatt magħruf, verità.  Anke jekk tgħaddi l-liġi, xorta l-persuni fis-soċjetà ser jibqgħu jafu li huwa ħażin.  Imma issa ser titwieled għalqa li fiha ser tinġabar is-sikrana.  Waħda li tikkunsidra f’liema angolatura trid, u li ma tistax tgħid, b’ebda mod, li hija ta’ ġid għad-dinjità tal-Maltin u l-Għawdxin.

 

Jibdel

 

10.  M’hemmx agħar mir-ras iebsa, mis-suppervja, li ma jħallukx, kif nafu, twettaq miżuri li minnhom frott tajjeb biss jista’ joħroġ.  Ma jgħinukx biex tmur lura u tgħid li trid tisma’ mill-ġdid.  Imma f’din il-linja, il-ħsara li ser issir lill-pajjiż hija irrimedjabbli.  Wara li dan l-abbozz isir liġi, jgħaddi riħ mill-bieb u t-twieqi li ma jħallikx terġa’ tagħlqu lura kif għandu jkun.  Hemm pożizzjoni li hija irriversibbli għalina lkoll.

 

Vantaġġ

 

11.  Politikament, jista’ jkun hemm min jaħseb li ser jieħu vantaġġ.  Hemm ukoll min jista’ jaħseb li l-poplu ser jinsa.  Però, għandna nagħrfu li hemm prezz għoli, għax il-ħsara hija qawwija.  Dawn l-organizzazzjonijiet, li ma jiġux f’daqqa kuljum, dan huwa dak li qed jiddikjaraw.  Ikun żball soċjali u kulturali jekk il-pariri t-tajba ma jittiħdux.  Jekk irridu nkunu responsabbli, dan għandna nagħrfuh.  Jekk irridu naħarbu mit-tiġrib, dan huwa vantaġġ li għandu jittieħed.

 

 

 

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...