26.12.21

Inkunu dak li aħna

1.    Jidher li l-partit fil-Gvern beda jipprepara għall-appuntament elettorali.  Qiegħed jipprova jqabbad lura magna interna li birdet.  Diversi huma l-mumenti meta dan joħroġ ċar barra.  Proprju għalhekk li naraw linja ta’ politika ferm żbaljata.  Dik li ssaħħan is-segwaċi għal dawk li tikkunsidra l-avversarji tiegħek.  Hija politika ħażina dik li tpinġi lil dawk li ma jaqblux miegħek bħala għedewwa tal-poplu.  Hija linja li l-estremiżmu lemini u xellugi użaha ħafna.  Bnedmin varji ġew distrutti minn ħidmet in-Nażi-Faxxiżmu u l-Komuniżmu għax ma qablux.

 

M’aħniex hekk

 

2.    Il-Partit Nazzjonalista m’għandux dawn il-linji fi ħdanu.  Mhuwiex, u ma kienx partit iffurmat biex iservi ta’ għodda għall-intolleranza, ta’ riżentiment u ta’ disprezz lejn l-oħrajn.  Dawk li ffurmawh għażlu linja moderata u fehmu li d-demokrazija hija għodda biex twettaq is-sewwa lill-proxxmu.  Fejn hemm il-mibgħeda għarfu li din hija, minnha nfisha, kontra d-demokrazija.  Tista’ ssaħħan ‘il-poplu, imma biha ma tibnix fit-tul.  Tiġi lura f’dak li ġew fih diversi partiti fl-istorja.  Uħud ġew eletti malajr u tneħħew daqshekk ieħor.  Oħrajn, ladarba fil-poter, baqgħu jagħmlu ħsara tant qawwija li pajjiżi sħaħ batew, f’ġenerazzjonijiet, biex jibdlu.

 

Kull persuna

 

3.    Huwa mertu tad-demokrazija li tagħraf li kull bniedem huwa importanti fis-soċjetà.  Li ma hemmx, anqas, id-dittatura tal-ħajjin u b’saħħithom kontra dawk li għadhom iridu jitwieldu jew fid-debbulizza fiżika.  Kull persuna umana nħalqet għal skop uniku.  Kull persuna trid tingħata l-ispazju, il-libertà u d-drittijiet biex taħdem, taġixxi, isservi u tkun parti sħiħa mis-soċjetà.  Dan għandu jmexxi kull Gvern f’pajjiżna.  Ċertament, għandu jibqa’ l-fus tal-ħidma ta’ partit Demokratiku Kristjan bħal tagħna.  Il-poter qiegħed, u għandu jibqa’ dejjem għas-servizz tal-komunità, u mhux strument f’idejn xi wħud.  Mhux konċentrat f’id waħda, u għalhekk ċentralizzat, imma mqassam, fdat f’oħrajn, f’bilanċi u kontrolli.

 

Pajjiż sħiħ

 

4.    Il-pajjiż sħiħ huwa, f’dan, imsejjaħ sabiex jaħdem ‘il quddiem, mhux parti waħda.  Il-maġġoranza elettorali tal-2017 trid tiġi amministrata b’għaqal, mhux b’linja awtoritarja, kif inhija.  M’għandhiex tibqa’ tħares li tiddetta.  Illum, iktar u iktar li tilfet il-‘leġittimità’ tagħha u qed tipprova ġġibha lura.  Ir-realtà hija li l-Gvern tallum mhuwiex immexxi minn partit differenti.  Huwa l-istess wieħed li kellna qabel, li qiegħed jipprova jnaddaf dak li ħalla ħażin u mwaħħal mal-ħitan minn ta’ qablu.  Imma baqa’ l-istess, għax qiegħed juri iktar li baqa’ jħaddem l-istess ideat u linji politiċi żbaljati tal-Gvern ta’ qabel.  Il-metodu, l-istrateġija, it-tattika jibqgħu l-istess.  Mhux biss, imma ċertament is-sustanza politika li l-Partit Laburista kellu ntilfet u ma tistax, kif qed naraw preżentement, tinġieb lura.  Il-‘ħsara’ laħqet saret.  Hemm issa l-ħsieb aktar ‘kundannabbli’ li jekk il-Partit Laburista jrid jirbaħ, irid isegwi l-‘mudell’ ta’ qabel.

 

Diffiċli tmur lura

 

5.    Sakemm il-Partit Laburista jibqa’ fil-Gvern ser isibha ferm diffiċli biex imur lura minn dak li ġie kompromess fih.  Għad irid jgħaddi mill-proċess li jifhem in-nuqqasijiet li saru.  Forsi f’dan, it-triq kumplessa ta’ kif mexxej żagħżugħ u jipprometti sab ruħu fl-iskumdità li joħroġ mill-poter.  Ngħid, ċerti drabi, li ġie ‘abbużat’, li kien hemm min rikeb fuq in-nuqqas ta’ esperjenza politika tiegħu.  Ma nemminx li politiċi oħra ffurmati fil-partit, li kienu għadhom iservu, kienu ser jaqgħu fl-istess ħofor li waqa’ fihom hu.  Kull min iservi fil-politika jaf li l-esperjenza hija għodda vitali u li tinġabar.  Ħadd ma jitwieled jaf kollox.  Ħadd ma huwa daqshekk ‘stilla’ jew ‘bozza’ li kapaċi jifhem il-kumplessitajiet tas-soċjetà u tal-Istat u jmexxihom ma’ oħrajn ‘il quddiem.  Dik hija r-realtà u l-verità.

 

Il-bidla

 

6.    Il-bidla vera fi ħdan il-Partit Laburista trid timxi fuq dan l-għarfien.  Fuq il-bżonn li jkollu mekkaniżmu ta’ awtokritika kredibbli, li minnha joħroġ ċar li kapaċi jieħu l-kritika u jattakka l-argument, u mhux lil min iressaqha.  Dan fil-miftuħ, proprju għax dak li ġara seħħ, l-ewwel fid-dlam, imma llum qiegħed barra għad-dawl.  Din mhix linja, proċedura unika għal dan il-partit, imma mill-istorja sservi lil kull min jgħaddi mill-istess eventi politiċi.  Anki jekk m’aħniex parti mill-intern ta’ dak il-partit, huwa xorta fl-interess tad-demokrazija f’pajjiżna li jseħħ.  Is-soċjetà Maltija għandha interess tkun taf x’ġara verament.  Għandha dritt li tingħad il-verità u l-fatti biex tkun tista’ tiġġudika.  Iktar u iktar min ivvota għalih fl-2017.

 

Mumenti ta’ verità

 

7.    Fil-politika hemm kontinwament il-kuntrast bejn it-tajjeb u l-ħażin.  Bejn dak li huwa fatt u dak li huwa gideb.  Imma jkun hemm fih appuntamenti ma’ mumenti deċiżivi li jew isawwru jew ikissru.  Meta wieħed irid jafferma linja ta’ prinċipju mhux ta’ pragmatiżmu.  Tul din il-ġimgħa kellna proprju din l-isfida li l-proposta għal-leġislazzjoni tal-abort ressqet.  Il-Partit Nazzjonalista wera biċ-ċar, f’dan l-appuntament, li l-passat ġie superat.  Wera li ħa iktar lezzjonijiet min-nuqqasijiet strateġiċi, tattiċi u metodoloġiċi li għadda minnhom.  Għax aħna f’dan il-partit biex inservuh fil-valuri u l-ideat tiegħu.  M’aħniex, u m’għandniex id-dritt li nibdlulu dak li huwa u dak li, anki jekk ma kienx jeżisti, kien jiġi ffurmat mill-ġdid mill-bnedmin f’din is-soċjetà.

 

Partit wieħed

 

8.    Il-Partit Nazzjonalista huwa wieħed Demokratiku-Kristjan.  Din hija l-verità.  Kull min jidħol fih għandu jagħraf dan il-fatt.  U proprju għax huwa hekk, fin-natura sħiħa tas-sens u sustanza tiegħu li jagħti spazju parteċipattiv lil kull membru tiegħu.  Kull bniedem li jidentifika ruħu u jingħaqad fil-partit huwa importanti.  It-talenti ta’ kull wieħed minna huma neċessarji.  Dawk passati, dawk preżenti u dawk li qegħdin jiffurmaw ruħhom.  Il-memorja kollettiva tagħna hija wirt u minjiera unika.  Dak li ngħad fil-passat minn politiċi li ngħaqdu f’dinja oħra u dak li għadhom ħajjin magħna jrid jiġi kultivat.

 

Fil-preżent

 

9.    Bħal m’għandna nassiguraw li dawk li huma attivi llum, jinġiebu f’daqqa.  Meta titlef komponenti tal-mużajk għax tiddeċiedi li taqlagħhom inti stess, l-esperjenza politika turi li huwa diffiċli li twaħħalhom lura.  Imma proprju għalhekk li huwa fid-dmir tagħna li nġibu lura u nifhmu iktar.  Għax għandna f’dan obbligu morali li, l-ewwel, nibqgħu naħdmu f’din l-għalqa diffiċli; u t-tieni, li nassiguraw li naħdmu iktar flimkien, anke jekk ikkumplikati jew imnaffra.  Għandna dan id-dmir naturali, imma iktar għax hemm bżonn bidla fit-tmexxija tal-Gvern.  Hemm neċessità qawwija li s-sewwa terġa’ tieħu t-tmexxija, u dak li huwa maħmuħ u mdardar jiġi mnaddaf.  Għandna, għalhek, iktar u iktar id-dmir morali li jekk irridu nservu sewwa lil dan il-poplu, inkunu dak li aħna verament.

 

 

 

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...