26.12.21

Irħis il-ftaħir superlattiv

1.      Il-poplu qiegħed jifhem, aktar minn barra, il-gravità tas-sitwazzjoni ġewwa.  Jifhem, minn dak li jisma’, lil dawk li kienu ġewwa l-Partit Laburista x’jgħidu, għax huma jafu sew x’ġara.  Dawk li, anzi, jafu iktar li għad hemm iktar nuqqas x’jitneħħa.  Hemm, f’dan, ċertifikati ċari, proprju bir-reazzjonijiet esaġerati li qishom jidhru jisfugaw dejjem iktar fl-eżerċizzji tal-ftaħir.  Bl-estremiżmi li għaddejjin nifhmu kemm is-sitwazzjoni kienet, u wkoll għadha, waħda gravi.  Ngħidu dan għax hemm kuntrasti bejn dik li hija r-realtà tal-istat tal-affarijiet, u d-diskors abbundanti u mhux proprju veritier tagħhom.  Ma’ dan jiżdied fattur ieħor, għax għad hemm min għadu jemmen li l-aħjar difiża għalih hija l-attakk.  Għax mhux biżżejjed f’moħħu d-diskors mimli arja importanti, imma jrid ukoll iżid dak li minnu, biex tistrieħ il-kuxjenza, l-Oppożizzjoni tiġi mmaqdra fix-xejn.

 

Umilissima

 

2.      Ftit jiem ilu, ministru mimli esperjenza u attenzjoni, sejjaħ pubblikament għal iktar umiltà.  Dan il-bniedem nagħrfu, u anzi għandna ngħidu li aktar ma jgħaddi ż-żmien, iktar qiegħed jara fuq spallejh responsabbiltajiet xejn faċli.  Għax qiegħed iġorr fuqu salib kollettiv.  Huwa fakkar u ġibed ħsieb preċiż li wara t-Tlett Ibliet inbniet il-Belt Valletta, u din ġiet deskritta bħal Città Umilissima.  U sewwa għamel, għax fil-ħajja u fil-politika, iktar u iktar tallum, huwa dejjem għaqli li wieħed joqgħod pass lura.  Flok jinxeħet jiftaħar, kif qed isir mill-Gvern, aħjar jekk joqgħod pass attent għal dak li għadu ġej.  Għax jgħidu x’jgħidu, il-mewġa ta’ ħsara li saret mill-Gvern Laburista Muscat għadha, sfortunatament, m’għaddietx.  Narawha tiġi u tmur b’saħħiet varji, u għalhekk, l-umiltà hija rrikkmandata.

 

Kunfidenza żejda

 

3.      L-eventi tal-ġimgħa, bir-rapport pendenti tal-Financial Action Task Force (FATF) bagħtu, f’dan il-kuntest, doċċa kiesħa sew.  Wieħed jifhem l-effett mhux pożittiv li rapport kontra tagħna jaf ikollu.  Jifhem iktar kemm ikun sewwa li l-Gvern Laburista Abela ma jkomplix juża s-superlattiv f’dak li jgħid li qiegħed jagħmel, u jieħu l-pariri ta’ ħutna fl-umiltà.  Jifhem iktar is-serjetà tal-mument, u fl-istess waqt li wieħed jittama li dan jiġi superat l-Erbgħa li ġej b’vot favur tagħna, isir xogħol siewi u inqas diskors żejjed.  Għax kellha tkun il-kawtela politika, iktar u iktar illum, li kellha tiggwida għal attenzjoni u direzzjoni aqwa.  Mhux biss, imma fil-mument attwal,i kien ikun hemm iktar lok ta’ dożi li minnhom il-politika tieħu iktar sabar u paċenzja.  Għax kien ikun iktar mimli għerf li kieku l-“Viżjoni Ekonomika 2021-2031”, li tħabbret b’tant pompa l-ġimgħa li għaddiet, ħadet dan ukoll inkonsiderazzjoni.

 

Demokrazija

 

4.      F’dawn il-gżejjer, saru attentati varji sabiex l-elezzjonijiet isiru fuq linji u bażi presidenzjali.  Nimitaw kemm nistgħu, artifiċjalment, is-sistema Amerikana.  Mentri hawn nafu lkoll illi d-demokrazija hija mibnija fuq pilastri oħra.  Mhix konċentrata fl-idejn uniċi tal-Prim Ministru, imma fuq il-kolleġġjalità ta’ diversi politiċi.  Il-bilanċ intern u estern bejn il-bnedmin li jiffurmaw gvern hija mportanti fis-sistema tagħna, sabiex min imexxi jżomm rasu mal-bnedmin tad-dinja.  Ma jkunx hemm min jibda jinċensa iktar milli hemm bżonn.  Ma jinbeniex il-pjaċir li wieħed jiġi mfaħħar iktar milli li jara li jkun qiegħed verament iwettaq is-sewwa.  Huwa proċess neċessarju li, jekk ma żżommux, jieħdok tant li tispiċċa titlaq u tabbanduna l-valuri u r-raġuni għala wieħed ikun mgħobbi bir-responsabbiltà tal-poter.

 

Jekk immorru ħażin

 

5.      Dan kollu fih, ċertament, piż, sija jekk ir-rapport tal-FATF ma jkunx tajjeb, kif ukoll jekk ikun.  Imma f’dan huwa iktar importanti li l-Gvern jifhem li jrid imiss mar-realtà tal-konsegwenzi tal-iżbalji li saru.  Jekk illum qegħdin f’din il-pożizzjoni delikata, dan huwa l-effett ta’ dak li sar f’dawn l-aħħar snin.  Mhuwiex wirt ta’ amministrazzjoni Nazzjonalista; huwa, anzi, prodott uniku ta’ waħda Laburista.  Mhux biss, imma anke jekk bil-propaganda kontinwa qed nippruvaw nipperswadu li: l-ewwel, il-korruzzjoni spiċċat; u t-tieni, li hija kontrollata, nafu li hemm sitwazzjoni iktar kumplikata.  Hemm iktar irbit u ħbiberiji interni li fuq naħa bidlu l-Partit Laburista f’wieħed li m’għadux ċar fil-ħsieb ideoloġiku tiegħu, u fuq l-oħra daħħluh fl-inkwiet.

 

Il-futur

 

6.      Għalkemm hemm min moħħu biex ikerrah ħidmet l-Oppożizzjoni, dan iwettqu fir-realtà tal-fatt li jaf li din qegħda ssir sewwa.  Mhux biss bir-responsabbiltà mistennija, imma iktar minn hekk dik li tħares ‘il quddiem.  Nibqgħu l-partit li nippjanaw u naħsbu li, biex pajjiżna jirbaħ lura l-kredtu u ma jgħaddix iktar minn dawn il-passjonijiet, irid ikun hemm bidla fil-Gvern.  Jum wara jum qed issir iktar neċessità.  Għax, kif qegħdin naraw, isir xi jsir hawn mill-Gvern Abela, mhux dejjem qiegħed jipperswadi ħafna barra minn xtutna.  L-analiżi tagħhom mhix suġġetta għall-ħakma tal-propaganda nazzjonali.  Anzi, issir fuq il-bażi tal-fatti, mhux tad-diskors.  Fejn l-esaġerazzjonijiet jitqegħdu lura fil-kuntest preċiż tagħhom.  Fin-normalità tal-effett veru, mhux apparenti.

 

Kapaċità

 

7.      F’dan nifhmu iktar li l-messaġġ kontinwu tal-Gvern huwa dak li jipprova jgħid li m’aħniex preparati bħala Oppożizzjoni.  Jipprova jċekken lilna fuq naħa, u jfaħħar ħafna lilu nnifsu fuq l-oħra.  Imma l-fatti huma li hemm diġà, fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, abbiltà, intelliġenza u esperjenza biex l-Istat jitmexxa aħjar milli qed jitmexxa bħalissa.  Fina diġà għandna din il-kapaċità.  Biss, niġu mċekkna għax il-preżenza politika tagħna tibqa’ tinħonoq fi żbilanċi varji fit-tixrid tal-informazzjoni.  Biex l-elettorat sħiħ ikun f’pożizzjoni li jiġġudikak, irid jingħata l-opportunità li jisma’ u jgħarbel kollox, u mhux biċċiet.  Imma tant hemm biża’ li l-bużżieqa tal-“Aqwa”, dik ta’ li “m’hawnx bħalhom” tista’ tispiċċa, li qiegħed isir sforz kbir fis-superlattiv biex iżommuna lura.

 

Gvern tal-poplu

 

8.      Il-Partit Nazzjonalista għamel, fid-debulizzi umani tiegħu, żbalji, u għadda minn diffikultajiet, imma ħadd ma jista’ jiċħad li għamel il-ġid ukoll.  Proprju għax m’aħniex il-partit tal-ftaħir żejjed u superlattiv li nżommu pass lura.  Proprju għax nafu x’jiġrilu min iħobb jiftaħar.  Proprju iktar għax, fl-esperjenza politika tagħna, nafu li l-poplu jrid il-fatti, u li jippreferi l-azzjonijiet konkreti li jżommuna mill-inkwiet iktar mill-kliem żejjed li jżommuna fih.  Proprju għalhekk, għax nafu li ħafna jirrikonoxxu ħidmitna, li qegħdin nippreparaw iktar lilna nfusna.  Proprju iktar f’dan li nemmnu li pajjiżna ħaqqu iktar Gvern veru tal-poplu: wieħed li jgħidlu l-verità, wieħed li ma jehdiex fi ftaħir irħis u superlattiv.       

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...