27.6.20

UNJONI AFRIKANA - ĦIDMA

 15314. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI staqsa lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej: Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret minn pajjiżna tul dawn l-aħħar sentejn mal-Unjoni Afrikana?

 04/06/2020

 ONOR. EVARIST BARTOLO:  Nixtieq ninforma lil-Onor. Interpellant li matul l-aħħar sentejn, il-Ministeru saħħaħ il-kollaborazzjoni tiegħu mal-Unjoni Afrikana.

Fis- 6 ta’ Settembru 2019, l-E.T. Ronald Micallef, ippreżenta l-Kredenzjali tiegħu f’Addis Ababa bħala l-ewwel Ambaxxatur akkrediat minn Malta għall-Unjoni Afrikana. Dan sar bil-għan li jkomplu jiġu imsaħħa r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Unjoni Afrikana u jiġu esplorati toroq ġodda possibbli ta' kooperazzjoni. Waqt il-laqgħa mal-President tal-Unjoni Afrikana, l-E.T. Moussa Faki, l-Ambaxxatur Micallef spjega kif Malta qiegħda żżid l-impenn tagħha mal-Afrika u li dalwaqt se tkun qiegħda tniedi l-istrateġija dwar l-Afrika. Hu żied li Malta tixtieq ukoll tiddiskuti u taħdem mal-Unjoni Afrikana b’mod attiv dwar affarijiet marittimi u għal dan il-għan, ġew mistiedna jzuru Malta rappreżentanti għolja mit-taqsima tal-politika marittima tal-Unjoni Afrikana.

 

F'Jannar 2020, il-Ministeru nieda l-iStrateġija għall-Afrika. Din l-iStrateġija tagħraf b'mod espliċitu l-importanza li jiġu stabbiliti konnessjonijiet aktar mill-qrib għal Malta mal-Unjoni Afrikana permezz ta’ parteċipazzjoni mtejba u impenn għall-affarijiet tal-Unjoni Afrikana. L-Unjoni Afrikana hija impenjata għall-isforzi għaż-żamma tal-paċi u għall-medjazzjoni f’firxa ta’ pajjiżi fosthom il-Libja, is-Somalja u s-Sudan u b'hekk hemm diskussjonijiet importanti fl-istrutturi ta’ l-Unjoni Afrikana li huma ta’ importanza vitali għal Malta.

Fis-26 ta’ Mejju 2020, Malta ċċelebrat Jum l-Afrika, li jfakkar it-twaqqif tal-Unjoni Afrikana, permezz ta’ diskussjoni virtwali ma’ studenti Afrikani li jistudjaw fl-Università f'Malta fejn sar skambju ta' ideat dwar it-tisħiħ tar-relazzjonijiet, l-opportunitajiet eżistenti u l-potenzjal ta’ opportunitajiet ġodda fis-settur tal-edukazzjoni u l-kummerċ, l-ugwaljanza u l-multi-kulturaliżmu.

Bħala parti mill-attivitajiet b’rabta ma’ Jum l-Afrika, is- Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej l-Onor. Stefan Zrinzo Azzopardi, flimkien mal- l-E.T. Ronald Micallef żaru postijiet relatati ma’ proġetti u investimenti sostanzjali fl-Afrika biex juru kif il-Gvern qed jaħdem id f’id mas-settur privat biex jiffaċilita investiment li jrendi u li jkun ta’ benefiċċju reċiproku għall-pajjiżna u għall-pajjiżi tal-Afrika.

Minbarra l-impenn bilaterali, il-Ministeru kompla wkoll jaħdem mal-Unjoni Afrikana tramite l-Unjoni Ewropea.  Fil-21-22 ta’ Jannar 2019, l-Onor. Carmelo Abela, (dak iż-żmien, Ministru għall-Afarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ), attenda laqgħa tal-Ministri tal-Affarijiet Barranin li seħħet  f’Berlin bejn l-Unjoni Ewropea u l-Unjoni Afrikana.  Malta tħares il-quddiem lejn il-Laqgħa li jmiss tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin f'Kigali kif ukoll għas-Summit fi Brussell f'Ottubru 2020 għax huwa mportanti li l-Unjoni Ewreopa tibqa' involuta mal-Afrika.

Malta tilqa' u tappoġġja l-Komunikazzjoni Konġunta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Lejn Strateġija Komprensiva mal-Afrika tad-9 ta’ Marzu 2020, li hija mibnija fuq il-prijoritajiet komuni stabbiliti mill-UE u l-UA fis-Summit li sar fl-2017 f’Abidjan, ghax l-għan tagħha jibqa li ġġib iż-żewġ kontinenti fi sħubija aktar mill-qrib f'diversi setturi.  Malta tilqa’ wkoll is-sejħa għall-impenn mis-soċjetà ċivili tal-Istrateġija finali, billi nfittxu li naħdmu mas-sieħba tagħna fil-kontinent Afrikan fuq kwistjonijiet li jvarjaw mill-edukazzjoni, il-kummerċ u s-saħħa.

 

Seduta  347

23/06/2020

No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...