20.6.20

Kuraġġ u prudenza

1.     F’dan il-jum infakkru u niċċelebraw jum nazzjonali.  Fis-7 ta’ Ġunju ta’ kull sena, nieqfu biex nirriflettu fuq is-sagrifiċċji li wettqu missirijietna.  Nagħrfu li mertu ta’ dak li seħħ iktar minn mitt sena ilu għadu magħna.  Għadna nżommu quddiem għajnejna l-imwiet innoċenti ta’ erba’ ċittadini tagħna.  Lorenzo Dyer, Giuseppi Bajada, Manwel Attard u Karmnu Abela jinsabu jistrieħu fil-ħajja ta’ dejjem.  Fil-kenn ta’ monument li jixraq fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata għadhom miżmuma b’qima, għax dawk l-eventi ġiebu bidliet politiċi u soċjali kbar.

 

Qalb qawwija

 

2.     Il-qlubija, id-determinazzjoni u l-perseveranza għas-sewwa ta’ dawk li ġew qabilna sarraf lilna.  Swielna biex f’kull ġenerazzjoni nieħdu eżempju.  Writna kif, u l-effett tajjeb ta’ min isostni li jaħdem favur il-proxxmu.  Dawl importanti f’dawn iż-żminijiet ta’ inċertezza.  Wieħed li għandu jwelled fina t-tama.  Direzzjoni ċara li minnha rridu nnisslu r-rieda li naqbdu lura, fi twelid ġdid, il-ħajja soċjali u ekonomika ta’ din is-soċjetà.  Hemm bżonn lura l-ispirtu nazzjonali awtentiku, li wassal sabiex isiru l-bidliet li ġew minn dan il-jum tant importanti.

 

Għaqda nazzjonali

 

3.     F’dawk iż-żminijiet kien hemm unità nazzjonali li wasslet biex il-partijiet politiċi u s-soċjetà ċivili joħorġu ‘l-pajjiż minn dak li kien fih.  Bid-diffikultà, bil-kumplikazzjonijiet, imma b’dożi kbar ta’ kuraġġ u prudenza.  Kien hemm unità morali li tgħaqqad u żżomm f’daqqa ‘l-Maltin fis-snin.  Għandna nifhmu li dan serviena u għadu deċiżiv iktar fil-ġranet li għaddejjin minnhom.  Il-bnedmin, f’dan il-pajjiż, sa issa kienu magħquda biex jaffrontaw l-emerġenza li l-pandemija ġiebet.  Konna f’daqqa attenti u b’qalb soda biex nipproteġu lil xulxin minn dan l-għadu li ma jidhirx, imma li għadu hemm, attiv.

 

Ħriġna l-aħjar

 

4.     Bħalma seħħ ukoll f’dawk il-jiem tas-Sette Giugno, sibna valuri fundamentali jitħaddmu.  Is-solidarjetà, il-ġenerożità, is-sabar, l-attenzjoni, l-osservanza tal-liġi ġew imħaddma.  Ħadna, sa issa, benefiċċju.  Ma nistgħux nittraskurawhom.  M’għandniex nabbandunawhom.  Għandna nkunu prudenti u attenti għax it-triq lura mhix ser tkun veloċi.  Biex tibni mill-ġdid irridu ferm iktar determinazzjoni u preparazzjoni mentali.  F’partijiet ser navvanzaw, forsi wkoll mhux daqs kemm qed nippretendu; f’oħrajn ser inbatu l-fatt li mhux ser jirnexxielna.  Imma s-suċċess jew le tagħna jiddependi fuq kemm nippreparaw id-deffun nazzjonali tagħna tajjeb.

 

Taħbita komuni

 

5.     Dan il-jum nazzjonali fetaħ il-bieb sabiex ikollna Parlament tagħna.  Il-movimenti politiċi kienu f’daqqa fil-bżonn li dan iseħħ.  Kien hemm sforz ġenerali u popolari sabiex il-poplu seta’ jkollu d-deputati tiegħu.  Id-differenzi u l-pożizzjonijiet politiċi ġew wara.  Imma fil-frattemp, f’dak il-mument kienu lkoll parti mill-istess storja tal-istess pajjiż.  Illum hemm bżonn ta’ dożi ta’ dan.  Il-partit politiku li hemm fil-Gvern illum irid japprezza li l-għaqda nazzjonali hija essenzjali f’dan il-qawmien mill-ġdid.  Id-deċiżjonijiet f’din il-linja jridu, biex jirnexxu, sa fejn jistgħu fiċ-ċirkostanzi jirnexxu, ikunu f’daqqa u mhux separati jew mifruda.

 

Dmirijiet

 

6.     Il-Parlament tagħna, li twelled mertu ta’ dak li seħħ f’dan il-jum nazzjonali, għandu d-dmir li jkun fl-aħjar tiegħu.  Hemm ir-responsabbiltà kollettiva, li f’dan il-mument tikber it-tama u titnissel il-fiduċja f’dak li ġej.  Biss, il-Gvern irid jifhem u jaħdem f’dan.  Ma jistax jitlaq għal rasu.  Ma jistax jibgħat messaġġ li kollox għadda u s-settur mediku jindika li għadu m’għaddiex.  Ma jistax jarmi l-prudenza fuq idea falza tal-kuraġġ.  Dawk li nfridna minnhom jgħidu tajjeb: “It is better to be prudent than merely courageous”.

 

Dehen

 

7.     F’dan il-mument niddependu iktar fuq l-intelliġenza kollettiva tagħna.  L-iktar fuq l-abbiltà li nieħdu deċiżjonijiet bilanċjati, korretti, effettivi li jħarsu llum u fit-tul.  Fejn nifhmu l-gradi ta’ żvantaġġi li aħna iżolati bil-baħar.  Li nifhmu sew il-vantaġġi li l-preżenza tagħna bħala membri sħaħ fl-Unjoni Ewropea.  Fejn għandna naħdmu għal iktar solidarjetà sħiħa mal-Istati u sabiex il-miżuri li ser ikun hemm qbil fuqhom ikunu: l-ewwel, tajbin fihom infushom, u t-tieni, effettivi biex jgħinu lilna fl-isforzi tagħna.  Fejn hemm għandna nistaqsu lilna nfusna ċerti domandi diretti.  Bħal kemm ser naslu f’Unjoni Ewropea li tħaddan 6% tal-popolazzjoni mondjali.  Kif ukoll x’miżuri nistgħu nieħdu meta nagħrfu li 25% tas-suq intern tagħna ntilef u li ser ikollna iktar mill-figura ta’ ħdan-il elf persuna, sallum, mingħajr xogħol.

 

Għaqal politiku

 

8.     Dan kollu jiddependi fuq l-għaqal politiku.  Min-naħa tagħna, ilna li fhimna l-importanza ta’ dan.  Sfortunatament, ma nistgħux ngħidu l-istess għal min qiegħed imexxi l-pajjiż.  Ir-rifjut li jkun hemm pożizzjonijiet politiċi nazzjonali fil-perjodu preżenti huwa ċar u mhux mimli merti.  Aktar u aktar jekk ser ikun hemm, kif qed jingħad, miżuri ekonomiċi ġodda proposti fil-Parlament.  Id-diskrezzjoni, il-buon sens jitolbu li jkun hemm pożizzjonijiet komuni, maqbula fl-aħjar interess nazzjonali.  Proprju għax il-kuraġġ u l-prudenza għandhom, u huma kapaċi, li jimxu id f’id li f’dan il-jum għażiż għandu jkun hemm min jifhem li għandu d-dmir jirrispettahom u jħarsihom.

 

 

 


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...