20.6.20

Lejn il-bidliet it-tajba

1.     Bħalissa jista’ jkun li hawn bnedmin fis-soċjetà li huma aljenati.  Qegħdin iħarsu lejn dak li għaddej mingħajr ma neċessarjament iħarsu lejn dak li ġej wara.  Ikunu x’ikunu l-konsegwenzi fuq livell ta’ saħħa u protezzjoni tagħha, wieħed irid jaħseb fihom.  Prijorità, ċertament assoluta, hija s-saħħa u li m’għandhiex bżonn argumenti persważivi.  Biss, wara ser nidħlu għal xenarju ekonomiku li jimmerita attenzjoni u preparazzjoni.  Wieħed għandu dmir li jaħseb għal dak li ġej b’dak li qiegħed jara llum.  Jista’ jaqbad toroq ta’ riforma u oħrajn li anki jekk ma jwasslux, almenu jgħinu bix isiru numru ta’ tibdiliet.

 

L-istruttura tinbidel

 

2.     F’dan is-snin, l-ekonomija tagħna kellha diversi vantaġġi għad-dispożizzjoni tagħha.  Sar ħafna xogħol f’leġislaturi preċedenti li servew biex jagħtu nifs ‘il-bgħid minn numru ta’ kumplikazzjonijiet li kien hemm qabel.  Biss, ir-realtà hija li ttieħdu ħafna għażliet faċli taħt l-amministrazzjoni preżenti.  L-ewwel: morna lura lejn kif kienet issir l-ekonomija tletin sena ilu.  It-tieni: abbandunajna proġetti ġodda, speċjalment f’dawk marbuta ma’ protezzjoni u rispett lejn l-ambjent.  It-tielet: ma rajniex kif nistgħu nkabbru s-settur tas-servizzi b’iktar edukazzjoni, viżjoni u preparazzjoni.

 

Ekonomija tan-numri

 

3.     L-ekonomija, anzi, marret f’toroq li fihom żidna ferm u ferm iktar il-ħaddiema li ġew minn barra pajjiżna.  Ħafna drabi, fil-maġġoranza qawwija, nies li ma kienux qed jitħallsu pagi ġusti.  Anzi, f’forom differenti ta’ kif il-ħaddiem jitlef id-dinjità fuq il-post tax-xogħol.  Sija dawk li ġew sfruttati sew, kif ukoll f’dawk lokali li sabu li ma jistgħux jitilgħu ‘l fuq għax hemm ħafna oħrajn lesti jeħdulhom posthom.  F’pożizzjonijiet fejn żdiedu iktar il-ħaddiema li ma kienux reġistrati.  F’ġungla mhux biss ekonomikament qawwija, imma wkoll umana.  Rajna ħafna jgħixu fejn m’għandhomx.  Jgħixu kif m’għandhomx għax moħħhom biss biex jibgħatu lura lejn pajjiżhom il-flus li qalgħu hawn.

 

 

Min huwa għas-servizz?

 

4.       Dak li rajna kien ċar kristall: li l-politika ekonomika tal-Gvern kienet dik ta’ liberaliżmu kapitalista mill-iktar gravi, fejn il-bniedem ġie kompletament għas-servizz tal-ekonomija.  L-affarijiet għandhom ikunu l-kontra, dejjem jekk nemmnu fis-sewwa u l-ġustizzja.  Huwa l-bniedem li jibni l-ekonomija.  Huwa minnu li wieħed irid jibda kull proġett.  Ir-responsabbiltà tal-Istat hijha dik f’demokrazija.  M’aħniex f’oligarkija jew dittatura.  Il-ġid komuni jrid jitqassam ma’ kull persuna, u l-Istat għandu dmir li jassigura skemi, inċentivi u kontrolli biex dan iseħħ.

 

Solidarjetà

 

5.       Bil-ġid li wħud akkumulaw minn din l-esperjenza, hija s-solidarjetà umana li qed toħroġ l-iktar soda.  Mhux l-individwaliżmu egoista, imma s-solidarjetà altruwista.  Elementi essenzjali, iktar u iktar meta ser naraw numru ta’ impjiegi jispiċċaw għax il-magna ser tmur lura.  Mhux biss, imma ser ikollna wkoll diffikultajiet marbuta mal-paga ġusta li kull bniedem ħaqqu biex jgħix b’dinjità u biha jħares ‘il quddiem.  Diffikultà, għax il-mezzi ta’ produzzjoni ser isibu dinja differenti u l-kultura ekonomika ma nbidlitx mal-istess.  Anzi, il-politika tal-Gvern kienet li tħalli kollox kif inhuwa.  Konservattiviżmu qawwi.

 

Edukazzjoni

 

6.       L-edukazzjoni li tħalliet għaddejja amministrata, issa trid tidderiġi ruħha lura b’determinazzjoni sabiex il-ħaddiema jingħataw taħriġ ġdid f’setturi oħra.  Hemm setturi li ser ikunu jridu proġetti u assistenzi fit-tul.  Ibda minn dawk marbuta mat-turiżmu, minn fejn kellna vantaġġi kbar, u konna bdejna taħriġ speċjalizzat.  Servewna sew qabel.  Id-dinja mhix sejra ssiefer bħal qabel.  Il-linji tal-ajru ser ifallu ferm iktar milli qed naraw.  Il-komunikazzjoni ma’ pajjiżi oħra ser tmur lura.  Nies li jixtru proprjetà biex jgħixu hawn ukoll.  Il-kumplikazzjonijiet huma ferm iktar kbar ta’ kif wieħed jaħdem.

 

Niġu mar-realtà

 

7.       Ser niġu lura ma’ realtà ġdida u iktar kiefra milli kellna.  Ċertament, il-politika tan-numri, il-Gvern irid jibdilha lejn ekonomija għall-bniedem.  Forsi bit-tluq ta’ diversi ħaddiema minn pajjiżi oħra, li fehmu qabilna li l-ekonomija mhux ser tibqa’ kif inhija, ser inkunu nafu x’livell ta’ dipendenza kellna.  Forsi wkoll bil-fatt li l-industriji li kienu jiddependu minnhom issa ser isibu li ma jistgħux ikomplu, ser naraw tnaqqis ekonomiku.  Forsi wkoll nibdew nifhmu kif għandna nibnu dinja ekonomika mhux f’bużżieqa artifiċjali, imma b’pedamenti aktar sodi u li jħarsu fit-tul.  Punti li l-Partit Nazzjonalista ilu jipprova jiġbed l-attenzjoni għalihom.  Kliem bis-sens fuq widnejn mitlufa.

 

Jum il-Ħaddiem

 

8.       Fl-1 ta’ Mejju tul din il-ġimgħa, ser niċċelebraw id-dinjità li ħaqqu l-bniedem.  Ser niftakru fid-diversi punti li jibnu politika ekonomika serja u vera.  Ser niftakru li għandu protezzjoni u assigurazzjoni li jibqa’ jgħix f’dinjità.  Bi Stat li ma jaħsibx biss f’dawk li għandhom jew jaħsbu li huma komdi.  B’pajjiż demokratiku, anki fid-dinja tax-xogħol.  Fejn jifhem li jrid iħalli iktar bibien miftuħa għall-kapaċità umana li tiżviluppa fit-talenti li għandha l-ġid li jiġi lilha fdat.

 

Umiltà

 

9.       Ser nidħlu f’eżami nazzjonali kbir.  Kemm ser inkunu kapaċi bħala poplu ngħaddu minnu, iż-żmien jagħtina parir.  Jagħmel però sew il-Gvern li jinża’ mis-superjorità u jilbes ftit iktar umiltà, biex jagħraf jisma’ dak li l-Oppożizzjoni qegħda tgħidlu.


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...