27.6.20

Il-ġlieda tagħna għas-Sewwa


 

1.     F’dak kollu li qed naraw jiżviluppa jum wara jum, nifhmu dejjem iktar kemm hemm bżonn li wieħed jissielet għas-sewwa.  M’huwiex faċli taċċetta, fuq in-naħa l-oħra, li dan il-pajjiż, li nħobbu tant, kellu jaqa’ taħt ħakma daqshekk żbaljata.  Jum wara jum qed joħorġu dettalji, fatti, punti li jitkellmu waħdehom.  M’għandhomx il-bżonn li jiġu deskritti jew spjegati.  Tant huma gravi li, ngħidu x’ngħidu aħna l-politiċi jidher żejjed.  Il-poplu jifhem waħdu u hemm iktar għaqal li dan iseħħ sabiex il-fatti jibqgħu fatti u ħadd ma jinħeba wara xi kumment politiku.

 

Jitħammar il-wiċċ

 

2.     Nara iktar bnedmin li fdaw lill-Moviment Partit Laburista fl-aħħar snin li ma jistgħux jaċċettaw.  Ma jistgħux jirrikonċiljaw id-deċiżjonijiet li ħadu qabel ma dak li qed jaraw għaddej fi storja ta’ telenovela traġika u velenuża.  Ċertament, għad hemm ferm iktar x’joħroġ.  Ċertament, ser ikun hemm iktar bnedmin fil-poter preżenti fil-Gvern Muscat li ser isibu ruħhom maqbuda.  Nifhem ir-reazzjonijiet ta’ diversi.  Napprezza, imma, li l-verità ħarġet u ser tibqa’ għax din ħadd ma jista’ jżommha lura.  Din hija lezzjoni tal-ħajja però, iktar minn hekk, dik politika.

 

Is-Soluzzjoni

 

3.     Persuna li nafu li ma tantx jivvota magħna, imma li narah miftuħ għall-ħsieb u ma tantx jaqbżulu dettalji, din il-ġimgħa stqarr miegħi li jittama li l-Partit Nazzjonalista joħroġ ‘il-pajjiż minn din il-pożizzjoni.  Spjegali li hemm żbalji ta’ dawk li jagħmlu, u ta’ dawk li jonqsu.  Tat-tieni wieħed jista’ jifhem ċerta forma ta’ prudenza meta d-dnubiet ikunu venjali.  Imma meta jkunu mortali, allura ma hemmx difiża.  Meta jkollok aġir korrott mill-iktar gravi, kif għandna, kien ċertament id-dmir politiku ta’ kull membru tal-Kabinett li jitkellem.  Kien dmir li jirrapporta, mhu jieqaf jilmenta internament.

 

Spjegazzjonijiet

 

4.     Hemm, f’dan, bżonn ta’ bidliet kbar.  Diversi tesserati tal-Partit Laburista dan jagħrfuh.  Kemm dan ser iseħħ, huma stess għandhom id-dubji tagħhom.  Imma lkoll jifhmu li r-realtà hija li dak kollu li ġie ppriedkat, dak kollu li ngħad li ser ikun il-Partit Laburista l-ġdid, fil-fatt, ma seħħx.  Niftakru kemm ġew attakkati ħafna persuni li kienu fil-politika u kienu innoċenti.  Kemm ġew imċekkna, imkasbra, sija mill-istess partit, kif ukoll minn parti mill-medja, mill-ġurnalisti.  Kienu saru forza f’daqqa.  Illum nafu wkoll li kien hemm min kellu l-“missjoni” fid-dinja tal-ġurnaliżmu li ma tantx juri f’dawl tajjeb dak li kien sar, u li kien qiegħed isir.  Biss, wara dan, ilkoll naqblu li r-riżultat m’huwiex kif kellu jkun.

 

Daħku bina lkoll

 

5.     Minkejja d-diskors kollu li kien sar dwar it-trasparenza, il-meritokrazija u l-akkontabilità, illum il-poplu jagħraf li min mexxa l-messaġġ daħak b’ħafna.  Kien, u sser jibqa’ l-ikbar att ta’ tradiment.  Ser jibqa’ dabra xejn faċli biex titneħħa, li r-responsabbiltà tagħha toħroġ minn ħdan il-Partit Laburista.  Din hija r-realtà, għalkemm napprezza li f’dawn ix-xhur ser ikun hemm ħafna li jippruvaw jaħirbu mill-verità.  Imma, kif rajna u ser jibqgħu naraw, il-verità tirbaħ.  Taħrab kemm taħrab, trid tiġi lura għaliha.  Is-sewwa hemm tibqa’,  ma tinbidilx.

 

Lezzjonijiet żbaljati

 

6.     Fil-politika hemm lezzjonijiet li għalkemm ma jinstemgħux, ma jintilfux.  Dawk fundamentali huma marbuta mal-bżonn li wieħed jissielet għas-sewwa.  Meta, flok l-interess, il-ġid komuni, wieħed iħares lejn dak personali, dan kollu jiġi.  Iseħħ, kif rajna, f’ħakka t’għajn.  Kurrent, mewġa qawwija li tneħħi kollox.  Ħadd ma kien jimmaġina li f’dawn il-ġimgħat kellhom iseħħu l-eventi li qegħdin naraw, u bil-pass u veloċità tagħhom.  Imma r-realtà hija li imperu spiċċa, li ħakma ġiet fi tmiemha qabel.  Dak li kien jidher daqshekk sod u b’saħħtu, spiċċa issa fit-trab politiku.  Mertu tal-bniedem li ġie mċekken u kontestat, il-Kap tal-Partit Dr Adrian Delia, bil-perseveranza u d-determinazzjoni tiegħu nbeda proċess li ma jistax jinżamm lura.

 

Ġlieda għas-sewwa

 

7      F’dawn il-mumenti, nikkonferama dejjem iktar kemm huwa żbaljat min jibbaża l-politika kontra, jew fl-abbandun, tal-valuri Nsara.  Dan id-dibattitu huwa ċertament ikbar minn dan l-artikolu.  Però, hemm bżonn li l-punt isisr, għax huma l-prinċipji li minnhom sawwarna d-demokrazija Ewropea tagħna.  Meta jiġu mkasbra, hemm effetti li jseħħu.  Proprju għalhekk li tul din is-sena li ġejja rridu nifhmu, iktar minn qatt qabel, li rridu niġġieldu sabiex is-sewwa, fis-sustanza mhux fil-formalità, isseħħ.  Sabiex f’dan il-pajjiż issaltan mill-ġdid dak li aħna, mhux dak li ħaddieħor, fl-abbuż tiegħu, ipprova jagħmel minna.

 

Bidla fil-ħsieb

 

8.     Hemm ġlieda li trid issir, u fiha rridu nifhmu li ser insibu kurrenti kontra.  Ser insibu min, sfortunatament, daħal parti sħiħa minn din il-moffa li qabdet.  Ser jgħaddi żmien u rridu nkunu iktar determinati u perseveranti biex innaddfu.  Dan huwa issa dmirna, anzi iktar, il-missjoni ċara tagħna.  Bnedmin, politiċi fi ħdan il-Partit Nazzjonalista, wieħed li jispira ruħu sabiex ikun demokratiku Kristjan.  Ċertament hemm proċess li ser ngħaddu minnu f’dan.  Imma, kif nafu u qed naraw quddiemna, is-sewwa jirbaħ żgur.

 

9.     Minn qalbi nawguralkom is-Sena t-Tajba – waħda li fiha tingħaqdu magħna sabiex niġġieldu f’daqqa, bil-mezzi demokratiċi, sabiex inġibu lura s-sewwa f’pajjiżna.

 

 

 


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...