27.6.20

Anki jekk ma taqbilx magħna


 

1.     Din il-ġimgħa, wara xhur li fih il-pajjiż kien sieket, issa beda jagħti widen għal dak li ħadd ma xtaq li jisma’.  Dak li għaddej fil-Qorti u ġewwa l-Partit Laburista m’humiex proprju paġni tad-deheb fl-istorja ta’ dan il-poplu.  Hemm wisq kumplikazzjonijiet.  L-istqarrija tal-fatti hija intriċċjata waħda sew.  Tisma’ u lanqas tkun trid temmen.  F’mument tinġibed naħa u f’ieħor oħra.  Wieħed irid, però, joqgħod attent u jifhem li hemm min għandu l-ħsieb li jiġbed travers u bil-maqlub.  Imma, jagħmel x’jagħmel, l-attenzjoni, il-verità hemm tibqa’ tinsab.

 

Iva, anki

 

2.     Anki jekk ma taqbilx magħna politikament, ngħid li xorta taqbel li dak li jum wara jum qed nisimgħu: l-ewwel, m’huwiex sew fih innifsu, u t-tieni, wisq anqas għalhekk ta’ ġid għal dawn il-gżejjer tagħna.  Dan huwa l-istat ta’ fatt.  Dan huwa l-punt prinċipali li ma nistgħux, u m’għandniex naħirbu minnu.  Din hija l-verità mhedda li ħierġa.  Id-dritt, għandna iktar ukoll naqblu, li huwa fil-periklu, fis-sogru.  Hemm proċess legali li jmiss: l-ewwel, fundamentalment mal-ħajja ta’ persuna li ħaqqha protezzjoni vera; it-tieni u wara hemm il-kunsiderazzjonijiet politiċi tal-Istat.  Għandna naqblu li m’għandniex inħalltu jew naqilbu l-prijorità essenzjali li fuqha joqgħod kollox.

 

Iva saħansitra

 

3.     Huwa fatt indiskuss li l-poplu, għal elezzjoni wara oħra, esprima fiduċja qawwija fil-Gvern preżenti.  Għandna, però, il-libertà li nistaqsu jekk din il-fiduċja ġietx rispettata, jew imqarrqa.  Għandna nistaqsu jekk din il-maġġoranza setgħetx, f’isimna lkoll, tieħu deċiżjonijiet żbaljati li qed insiru nafu bihom.  Kellha l-mandat li tippermetti lil numru, fil-Partit Laburista jew barra minnu, li jieħdu l-miljuni ta’ ewro, li nafu li nsterqu u li fil-fatt għadhom?  Dak li jitlaq b’rispett fix-xenarju politiku Malti bħala l-Partit tal-Ħaddiem, nistaqsu, ippermetta li persuni fin-“negozju tagħhom” jersqu viċin u jiddominaw dak li ma kellhomx?

 

Daħlet l-Aċċedja?

 

4.     Ngħid dan għax għandna, anki jekk ma naqblux politikament, li qiegħed jidher evidenti li dan kollux m’huwiex jara reazzjoni ġusta.  Hemm l-għoti ta’ xeħta oħra, meta l-verità hija waħda.  Hemm involviment qawwi ta’ dawk li kellhom, u għad għandhom il-poter effettiv tal-Istat.  Hemm adurazzjoni u ġustifikazzjoni tal-aġir għall-kilba bla rażan għall-flus.  M’hemmx imma, fuq in-naħa l-oħra, l-għarfien tar-responsabbiltà.  L-ewwel, dik morali.  It-tieni, legali.  It-tielet, politika.  Dan minn min qiegħed imexxi l-pajjiż.  Ser, għal dan in-nuqqas, ikun hemm effetti.  Għax dak li ma jingħadx, imma li qiegħed hemm huwa li, quddiem il-poplu, il-Partit Laburista bewweġ mill-fatti.

 

Sens tal-Istat

 

5.     Ir-realtà hija li dan il-partit fdat bil-piż tar-responsabbiltà tal-poter m’huwiex jaffronta s-sitwazzjoni.  U, fil-frattemp, il-kredibilità interna tiegħu nieżla.  Deputati ser jaraw ruħhom “oskurati”, anki jekk ma kinux parti, b’xi mod, minn dak li kien seħħ.  It-tajjeb ser jeħel mal-ħażin li twettaq.  Il-karriera u r-reputazzjoni ta’ numru ta’ politiċi li qed jippruvaw jagħmlu l-“ġlieda interna” f’din il-mewġa li qed tikber, ser jarawha tittappan.  Il-partit jista’, f’dan il-mument, ikompli jgħid il-kontra ta’ dak li hu, imma l-immaġini tiegħu ser tiġma iktar biex tiġi mdallma.  Anki jekk ma taqbilx magħna politikament, ngħid li xorta tista’ tasal biex taqbel ma’ dan.

 

Benefiċċju mitluf

 

6.     Kelli l-ħsieb, dejjem jekk jippermettili ż-żmien, li xhur ilu nikteb nissuġġerixxi li l-Prim Ministru, avukat bħali, kien imissu jaċċetta fil-bidu l-wirt li ħallielu l-Prim Ministru ta’ qablu, bil-benefiċċju tal-inventarju.  Għal min mhux midħla tal-liġi, dan il-benefiċċju jingħata lil min ikun qiegħed jibża’ jieħu fuqu d-dejn ikrah u qawwi li setgħu għamlu dawk li jkun ser jiret mingħandhom.  B’hekk, wieħed jaċċetta l-wirt: iżda mhux fil-għama.  Jagħmel inventarju – tal-ġid u tad-dejn politiku.  Dan issa għadda.  Issa huwa tard wisq għall-firda, għax hemm illum iż-żewġ patrimonji f’daqqa.  Laħaq aċċettah bis-sħiħ u dan, mill-fatti, qegħda tidher iktar ċara l-konklużjoni li kien jaf minn qabel dan li kien hemm.

 

Patrijottiżmu

 

7.     Xorta waħda, anki jekk ma taqbilx magħna politikament, ngħid li bla differenza għandek taqbel li għandu jkun hemm iktar is-sens tal-interess nazzjonali.  Anki jekk ma taqbilx magħna politikament, ngħid li tista’, fil-libertà, taqbel li għandu jkun hemm, bħala Maltin u Għawdxin ta’ patrijottiżmu ġenwin, il-passi biex l-affarijiet jinbidlu.  F’jiem bħal dawn, meta l-patrijota jista’ faċilment jitlef rasu, jew jiġi aljenat, hemm bżonn ta’ iktar raġuni u l-kelma t-tajba.  Aktar għarfien tar-riżultat negattiv li qiegħed jinġabar f’pajjiżna u barra minn xtutna għalina.  Aktar ammissjoni li jridu jittieħdu l-miżuri fi ħdan, u min-naħa tal-Partit Laburista, biex dan kollu jibda, forsi, il-proċess tal-bidla.  Għax anki jekk ma taqbilx magħna, xorta tista’ taqbel li għandna nassiguraw li l-ġustizzja sseħħ u li nieħdu lura l-isem tajjeb tagħna.

 

 

 

 

 

   

 

 


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...