1. Il-mument li qed ngħixu huwa partikolari. Ninsabu f’pożizzjoni ta’ inċertezza. Għax filwaqt li nagħrfu li għandna nippruvaw nibdew il-ħidma tagħna, fl-istess ħin irridu nżommu f’moħħna li l-pandemija għadha preżenti. Iktar persuni ħarġu barra. Inqas qegħdin id-dar. Biss, l-attività soċjali, kulturali u ekomonika jinsabu fid-dell ta’ dak li għadna ma nafux. Sitwazzjoni xejn faċli, għax id-deċiżjonijiet personali u nazzjonali ma jiddependux minn xi manwal li wieħed jista’ jsegwi. Joqogħdu fuq dak li, jum wara jum naraw quddiemna u naħdmu fih.
Qlajna daqqa
2. M’għandniex
nilludu ruħna. Qlajna daqqa tajba u dak
li kellna huwa issa f’diffikultà. Dan ma
jaqtagħlniex qalbna. Imma l-għarfien
tas-sitwazzjoni, tal-verità tal-fatti, jgħinu sabiex nibdew nimxu ‘l
quddiem. It-toroq l-antiki jihder li
huma mġarrfa u bil-ħsara. Xorta, dan ma
jfissirx li ma hemmx oħrajn li nistgħu nibnu.
Irid ikollna, però, strateġija lejn dak li ġej. Fejn nagħrfu aħjar ukoll dak li jista’ jiġi sostnut
u dak li għandu jinbidel. F’dan
iż-żmien, dan huwa evidenti li ma tantx qiegħed jidher li jista’ jsir jew jiġi
implimentat. Qegħdin weqfin f’road
block, għalkemm għad għandna l-magna tal-karozza għaddejja wieqfa, tistenna
direzzjoni.
Il-fatti huma bżonn
3. F’dan kollu,
huwa iktar ċar li għandek tlitt kategoriji ta’ bnedmin. Dawk li aċċettaw dan u jridu jsibu soluzzjoni
personali jew nazzjonali. Dawk li jafu
l-fatti ferm iktar minn ħaddieħor, imma qed jagħżlu li jibqgħu lura għar-raġunijiet
tagħhom, u hemm ukoll dawk li baqgħu jiċħdu li l-pajjiż jinsab f’pożizzjoni
diffiċli u li x-xhur li ġejjin ser ikunu huma wkoll bit-toqol tagħhom. Din l-aħħar kategorija hemm bżonn li wieħed
jieqaf jagħtihom l-impressjoni li kollox tajjeb, u dawk fl-Oppożizzjoni li
jridu jġinġu stampa ħażina. Hemm
neċessità, mhux għall-Oppożizzjoni, imma għall-ġid tal-pajjiż u tal-poplu biex
jirkupra malajr iktar. Mingħajr fatti,
mingħajr verità ma nistgħux naqbdu t-triq it-tajba.
Il-bażi lejn il-bidla
4. Meta wieħed
jikkunsidra ċerti setturi ekonomiċi jagħraf kategoriji varji. Hemm dawk li minn issa ser jibgħatu biex
jaqbdu, imma ser jibqgħu għaddejja b’ritmu ridott, mhux neċessarjament
b’telf. Hemm dawk li għad fadlilhom ferm
iktar biex jaqbdu, li anzi ser ikollhom jistennew xhur twal u għalhekk, biex
jaħdmu jridu jbatu minn ġewwa għal żmien b’telf. Hemm ukoll dawk li, sfortunatament, jagħrfu
li ċ-ċirkostanzi mhux ser jippermettu li jkomplu fl-attività tagħhom, la issa,
u wisq inqas fi żmien is-sentejn li ġejjin.
Dawn, fl-inizjattiva kummerċjali libera tagħhom, jistgħu jsibu
soluzzjonijiet, joħolqu toroq privati.
Biss, ikun ferm aħjar jekk il-pajjiż jiżviluppa road map nazzjonali, li
fuqha jistgħu jitilgħu iktar faċilment.
Ċertament, mhuwiex wisq għaqli li tixtri l-ħin billi tagħti
l-impressjoni li kollox ser ikun l-istess u m’hemmx bżonn bidliet.
Talenti mitlufa
5. Għalkemm ser
ikun hemm min iħares lejn il-figuri ta’ bnedmin li jfittxu x-xogħol bħala parti
mis-sistema “neċessarja” ekonomika, dan għandna naħarbu minnu. Il-persuni li hawn fuq din il-gżira li tilfu,
u li ser isibu ruħhom barra mix-xogħol għandhom bżonn jaraw pjan strateġiku
nazzjonali li fih jifhmu li jistgħu jittamaw għall-futur. Meta tikkunsidra dak li qiegħed jiġri
f’pajjiżna, u sfortunatament jinħeba.
Meta tara dak li kumpanniji kbar barra minn xtutna qegħdin jagħtu avviż
li ser inaqqsu l-ħaddiema li jaħdmu magħhom bl-eluf. Wieħed għandu jagħraf li ser ikollna xhur
twal ta’ staġun xitwi fejn ser nitilfu talenti validi. Proprju għalhekk li hemm bżonn bażi soda
maqbula ta’ fejn għandna, u nistgħu mmorru.a
Pressjoni ikbar
6. Il-pakkett
ekonomiku li sar, telaq minn ħsieb mhux magħdud li tant hija ta’ attenzjoni u
serjetà l-pożizzjoni li hemm bżonn, f’nofs is-sena, li noħorġu iktar flus
mill-kaxxa ta’ pajjiżna. Dan għadu mhux
ċar. Sa issa, fil-fatt, diversi
fis-soċjetà għadhom ma fehmux f’hiex qegħdin u fejn ser inkunu. Però, ser jiġi l-mument meta r-realtà,
il-fatti, il-verità li hija bħalissa moħbija għalihom tmisshom. Hemm effett kumulattiv, mhux immedjat. Hemm ġabra ta’ bnedmin li jibqgħu jiżdiedu
fl-għarfien tas-sitwazzjoni attwali, u mhux dik li l-Gvern qiegħed jipprova
jġinġi. Ser jiġi għalina l-mument meta
l-pressjoni tkun ikbar milli naħsbu.
Jekk l-Istat ma jifhimx dan, allura jkun qiegħed iktar jilludi
ruħu. Għandna, f’dan, niftakru dak li
missirijietna sewwa kienu jgħidu: li bil-flus tagħmel triq fil-baħar, imma ma
tixtrix il-Ġenna!
Fejn sejrin
7. F’dan,
għalhekk, bħala Oppożizzjoni ressaqna l-proposta li l-Gvern jikkunsidra li
naslu biex nibnu strateġija nazzjonali f’daqqa.
Sfortunatament, dan ma ġiex aċċettat, anzi ġie mmaqdar u mkasbar. Imma dak li qegħdin naraw, dak li qegħdin
immissu miegħu qiegħed jgħarrafna fil-bżonn li ma nibqgħux imwaħħlin fit-triq,
anzi li nkunu nafu fejn ser nibnu t-toroq tagħna. Flus “jista’” jkun li hemm. Imma l-problemi, l-isfidi ma ssolvihomx billi
tixħet il-flus lejhom. Issib tagħrafhom
bil-minjiera ta’ talenti u intelliġenza li għandna fuq dawn il-gżejjer. Jekk ma nkunux għaqlin, jekk ma nagħrfux u
ninfurmaw lill-poplu bil-pożizzjoni, allura ser nibqgħu mwaħħlin bil-magni
mqabbda bi flus li jkomplu jimlew it-tank tal-petrol, imma ma nisgħux nagħżlu
direzzjoni. Nittama li l-Gvern qiegħed
jifhem u jagħraf li qegħdin f’road block, li
hemm bżonn li jkollna road map biex naslu f’dinja aħjar milli
għandna. Waħda għaqlija u fit-tul, li
ġġibna lkoll f’daqqa naħdmu għas-sewwa.
No comments:
Post a Comment