20.6.20

Ġwanni Pawlu II. B’ferħ niftakruh

1.     Tul din is-sena ser ikollna okkażjoni oħra sabiħa li tista’ titlob minna riflessjoni.  Fid-dawl tal-viżta li ġejja tal-Papa Franġisku, nistgħu niftakru wkoll f’ta’ qabel.  Niftakru b’ferħ li l-ewwel Papa li rifes din l-art kien il-maħbub qaddis Papa Ġwanni Pawlu II.  Dak li wettaq hawn, il-memorja li ħajja, kif ukoll il-messaġġi li ġie bihom u ħa ħsieb li jwassal lilna lkoll.  Ser, nittama, nieqfu u nirriflettu fuq dan.

 

Il-Qdusija ta’ Papa Wojtyla

 

2.     Għal diversi bħali, m’għandniex dubji fuq il-qdusija ta’ dan il-bniedem.  Minn dak li rajna, mill-ammirazzjoni li bnejna, mill-attenzjoni li ħassejna lejn ħidmietu, hemm għarfien ċar.  Nagħrfuh bħala persuna speċjali, li b’ħidmietu ġieb bidliet importanti fid-dinja.  Bidliet għas-sewwa, għall-paċi, għall-ġustizzja, għall-protezzjoni sħiħa tad-dinjità umana.  Ħidma li ġiebet riżultati li nieħdu frott minnhom.  F’pajjiżna wkoll ċaqlaq sew l-affarijiet.  Mexxiena iktar ‘il quddiem f’dak li aħna, u f’dak li nistgħu nkunu.  Bniedem kumpless, ċertament ‘il barra mill-ordinarju, li ħalla marka storika importanti li nħoss li mhux ser ikollna bħalu.

 

Suġġett għad-diskussjoni?

 

3.     Dak li nieħu bħala aċċettat sibtu, f’dawn il-jiem, dibattut.  Fi ktejjeb mimli ħsieb, proprju bit-titolu “Il-Qdusija ta’ Papa Wojtyla”, sibtni naqra iktar fuq dan.  Il-kitba oriġinali hija ta’ Andrea Riccardi, li huwa professur fl-istorja kontemporanja f’Ruma.  Persuna li kiteb sew.  Magħruf.  B’mod partikolari fi ktieb ieħor, “Il Potere del Papa da Pio XII a Giovanni Paolo II”, li bdejn nipprova naqra wkoll.  Imma, f’din il-linja ta’ ħsieb ta’ dan il-ktejjeb, titlaq minn pass apparentement sempliċi, imma pass pass isir iktar interessanti, kumplikat u indikattiv.  Il-kliem li jmexxina huwa dan: “Il-qdusija qatt ma waslet daqshekk malajr għal Papa”.

 

It-triq twila tiegħu

 

4.     F’din is-sena, ser niftakruh ukoll għax ser jaħbat il-mitt sena mit-twelid tiegħu.  Fit-18 ta’ Mejju 2020, huwa twieled fil-Polonja, f’Wadowice.  Ser naraw ukoll dak li kellu jgħaddi minnu.  Kemm għadda minn provi.  Kemm kellu jbati għall-oħrajn.  Kemm kellu rieda qaddisa biex iwettaq is-sewwa.  Kemm ħalla marka ma’ diversi li kienu maqtugħa mill-Knisja.  Proprju għalhekk, dan il-ktejjeb ta’ Riccardi jaf ikun gwida sabiħa għal min irid jiddibatti aktar fil-fond.  Jaf ikun mument li jressaq iktar malajr għal riflessjoni fuqu.  Fuq il-bniedem qabel sar Papa.  Fuqu wara li laħaq, bl-attentat ta’ ħajtu, u iktar minn hekk fi triqtu wara li l-Mulej sejjaħlu fit-2 ta’ April 2005 sal-mument li ġie mgħolli ‘l fuq.

 

Il-ktieb jgħid: “Santo Subito”

 

5.     F’kitba mill-aqwa, u waħda li tista’ tinqara’ bil-lingwa nazzjonali mertu ta’ persuna li, jekk ma tkunx attent, jibqa’ fid-dell li jidher li xtaq ikun.  Fl-ewwel paġna jingħad: “Ġwanni Pawlu II, fi żmien tassew qasir l-ewwel sar beatu, imbagħad qaddis.  Ftit xhur wara mewtu, infetħet il-kawża tal-beatifikazzjoni, bis-saħħa tad-dispensa li ħareġ Benedittu XVI.  Fl-aħħar, fl-2011, sitt snin wara mewtu, il-Papa xandru bħala beatu.  Min-naħa tiegħu, Papa Franġisku qatagħha li jikkanonizza lil Ġwanni Pawlu II.  Ried li ċ-ċerimonja ssir fl-2014, flimkien ma’ dik ta’ Ġwanni XXIII.  F’anqas minn għaxar snin mill-mewt, Karol Wojtyla, il-Papa Ġwanni Pawlu II, hu diġà qaddis tal-Knisja Kattolika.”

 

Diskussjoni interessanti

 

6.     Mertu tal-intelliġenza tal-Franġiskan Edmund Teuma, dan il-ktieb ta’ sebgħin paġna ġie għad-dispożizzjoni tagħna.  Wieħed li, bil-qalb, nirrakkomanda.  Wieħed li fih, it-traduttur jipprova “jaħrab” mill-mertu li ħaqqu għax issibu biss jekk tħares b’ħafna reqqa.  Mertu li jidher fil-kliem magħżula minn fost dak li l-Malti tagħna jagħti.  Mertu li jidher fil-konklużjonijiet, meta jingħad: “Papa Wojtyla kellu effett ta’ ħelsien mill-beżgħat, mill-kondizzjonament, mis-sens ta’ dekandenza.  Daħħal lill-poplu tiegħu f’xenarju ġdid, dak tas-seklu 21.  Anki għall-Papat, dik tiegħu kienet tmexxija eċċezzjonali, personali u kariżmatika.”  Waqt li nippreparaw ruħna għall-appuntament mal-Papa Franġisku, ejjew nieqfu u nirrikonoxxu l-qdusija ta’ Karol Wojtyla.

 

 


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...