20.6.20

L-istorja parti mill-ġid komuni

1.     Waqt li kont qiegħed nipprepara diskors parlamentari li sa issa, sena wara sena żammejna, ltqajt ma’ numru ta’ punti interessanti u, sa ċertu punt, ħafna ġodda.  Jum il-Memorja jiġi mfakkar kull 27 ta’ Jannar.  Fortunatament, anke aħna d-Deputati, nagħtu eżempju u nieqfu billi nġibu mill-ġdid dak li, żbaljatament, seħħ taħt il-ħakma Nażista u Faxxista.  Din is-sena fiha iktar importanza, għax hija l-75 Anniversarju mil-liberazzjoni tal-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz.  Infakkru kif, u għala mietu daqshekk bnedmin innoċenti bl-att tal-akkuża li huma wlied il-poplu Lhudi.

 

Preparazzjoni

2.     Ġew quddiemi kitbet Hans Kung, Primo Levi u dawk ta’ nannuwi, li semmejthom fid-diskors li għamilt.  Imma wara ġew, kif jiġrili numru ta’ drabi, punti oħra, kotba oħra, ideat varji.  Missejt ma’ tlett passi: il-ktieb ta’ Elie Wiesel “Il-Lejl”, mal-istorja ta’ dak li llum huwa l-Kardinal Albaniż Ernest Simoni, fil-ktieb dwaru ta’ Mimmo Muolo, u ma’ inizjattiva interessanti tal-Ministru tal-Edukazzjoni Taljana attwali Lucia Azzolina.  Fihom hemm parti minn proċess kontra l-materjaliżmu tal-bniedem.  Parti mill-bżonn li wieħed ifakkar u jafferma li kull persuna umana għandha dinjità, drittijiet inaljenabbli.  Pożizzjoni li m’għandniex ninsew, imma nżommu quddiemna.

 

Elie Wiesel (1928-2016)

 

3.     Wiesel, il-bniedem li għadda mill-kampijiet tal-konċentrament, u li wara l-Gwerra ġie mogħti l-Premju Nobel għall-Paċi, għandu lezzjonijiet x’jagħti.  L-ewwel: dak li għadda minnu.  Deskritti bi kliem diretti, espressivi, li jmexxuk, minuta wara minuta, f’lejl twil sabiexminn qoxra sa’ qoxra taqra kif bnedmin ġew trasformati f’oġġetti.  F’dak kollu huwa jgħid li huma biss dawk li għaddew mill-esperjenza ta’ Auschwitz li jafu x’inhija verament.[1]  Kif jgħid Primo Levi: “L’opera della bestializzazione, intrapresa dai Tedeschi trionfanti, era stata portata a compimento dai Tedeschi disfatti.[2]  It-tieni: id-diffikultà li Wiesel għaddha minnha biex kitbietu jiġu ppubblikati.  Huwa jgħid: “Is that why my manuscript was rejected by every major publisher, French and American, despite the tireless efforts of the great Catholic French writer and Nobel laureate François Mauriac?  Kitba li ġiet tradotta f’lingwi varji.  Kitba abbundanti fil-bżonn li wieħed jibqa’ jgħid x’ġara.

 

M’għandniex ninsew il-passat

 

4.     Proprju f’dan, u t-tielet punt huwa jġib quddiemna li minħabba l-gravità assoluta ta’ dak li seħħ, kif ukoll minħabba l-inkomprensibilità ta’ aġir il-bniedem kontra bnedmin oħra, daħlet iktar it-tentazzjoni tal-indifferenza.  Wieħed li jġarrab tant iwelled il-ħsieb li għandu jinsa biex ma jiftakarx f’dak kollu li huwa għadda minnu.  Mhux biss huwa, imma wkoll dak li s-soċjetà tkun għaddiet minnu, li l-istorja għandha fiha.  Għax Auschwitz mhix biss traġedja Lhudija, iżda tas-seklu sħiħ, tal-bniedem innifsu sħiħ.  Dik it-tbatija li ma tistax titħalla fil-ġenb.  Li, anzi, hemm bżonn li niftakru fiha biex nieħdu lezzjonijiet minnha.  Nifhmu kemm l-estremiżmu tal-Lemin u dak tax-Xellug huma żbaljati.  Mhux biss għax sa hawn ħafna għandhom jaqblu, imma wkoll fil-punt ulterjuri li l-kontra ta’ dan kollu għandu għad-dispożizzjoni tiegħu l-vuċi Nisranija.  Dik li hija mimlija sens, sustanza u direzzjoni fl-istorja tal-bniedem.

 

Ernest Simoni

 

5.     M’għandniex ninsew dak li seħħ.  Punt li jagħmel il-Kardinal Albaniż Ernest Simoni, huwa u jispjega dak li għadda minnu taħt reġim Komunista li fih l-atejiżmu kien dikjarat bħala parti mil-liġi prinċipali tal-Istat, il-Kostituzzjoni.  Kif ġie kundannat darbtejn għall-mewt.  Kif ġie mibgħut fil-minjieri.  Kif baqa’, kontra kollox, jgħix ta’ Nisrani: jqaddes, jgħallem il-katekiżmu u xhud tas-sewwa.  F’lezzjonijiet semliċi u diretti ta’ kif wieħed għandu jgħix.  F’riflessjoni fuq x’tgħid espliċitament jew indirettament il-liġi fil-prinċipji etiċi materjalisti u anti-Kristjani u minflok jibqa’ jgħix il-bniedem fis-sewwa tal-ħajja.

 

Lucia Azzolina

 

6.     F’dan, laqtitni iktar proposta verament interessanti tal-Ministru tal-Edukazzjoni Taljana Lucia Azzolina.  Waħda mħabbra proprju fis-27 ta’ Jannar ta’ din is-sena.  Proposta li twelled kummissjoni ta’ akkademiċi.  Kif qalet hija, li jressqu proposti biex jagħtu importanza lill-istorja bħala parti mill-ġid komuni.[3]  Bażat fuq il-prinċipju jew il-linja gwida li mhuwiex iktar biss dmir tal-istudenti, imma dritt għal ċittadinanza li hija konxja u mgħarrfa bis-sħiħ bl-istorja ta’ dak kollu li seħħ.[4]  Kunċett li għandu jiġi koltivat minn soċjetajiet oħra.  Għax, kif jgħid tajjeb il-Profs. Andrea Giardina f’intervista li dehret fil-gazzetta Taljana La Repubblica: “L-abbuż tal-memorja mhuwiex inqas ta’ ħsara minn użu żbaljat tal-istorja.”[5]

 

Kotba

 

7.     L-istorja għandna lkoll naqblu li hija fil-fatt parti mill-ġid komuni tagħna.  Dan huwa punt importanti, iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li għandna niftakru li f’Auschwitz din is-sena nġabru forsi l-aħħar ta’ dawk li ġarrbu u għadhom ħajjin.  Għadhom jistgħu jiġu intervistati.  Proprju għalhekk li għandna naraw li biex tiġi assikurata iktar il-memorja korretta tal-istorja għandna dmir li niftakru fiha.  Għandna dmir qawwi li nsemmuha.  Għandna, anzi, naraw li d-diversi kitbiet li l-bnedmin li ġarrbu, u ħallew warajhom, jinxterdu aktar.  Għandna naraw li l-libreriji pubbliċi jkollhom iktar kopji ta’ din il-kitba diretta.  Mhux biss, imma li nimxu pass wara ieħor, wara tant snin, u naraw li jiġu maqluba għal-lingwa nazzjonali tagħna.  Naqraw u nħajru oħrajn biex ma jseħħux mill-ġdid.  L-indifferenza, il-forma stramba ta’ newtralità f’dan hija għadu tal-umanità, tal-patrimonju uman tagħna.

 

27 ta’ Jannar

 

8.     F’dan il-jum, pajjiżna għandu jkollu iktar is-sens li jassigura li niftakru lkoll.  Mhux biss it-temporali, imma wkoll l-ispiritwali, direttament fil-knejjes tagħna.  Dan għandu jkun proġett nazzjonali, li jassigura iktar li l-memorja ta’ dawn il-bnedmin ma tintesiex, għax hija parti sħiħa mill-wirt komuni tagħna.



[1] “Only those who experiences Auschwitz know what it is.”

[2] Primo Levi, Se Questo è un Uomo

[3] “Che faccia proposte per dare importanza alla storia.”

[4] “Non più solo un dovere per gli studenti, ma un diritto per una cittadinanza consapevole.”

[5] “L’abuso della memoria non è meno dannoso di un cattivo uso della storia.”, La Republica, 28 ta’ Jannar 2019


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...