20.6.20

Fis-solidarjetà, il-kuraġġ.


 

1.     Kif qegħdin naraw, għad fadlilna iktar ġimgħat f’dan il-perjodu diffiċli għalina u għal pajjiżna.  Il-ħajja ta’ kull persuna f’dawn il-gżejjer, u f’ħafna postijiet oħra fid-dinja li nafu, inbidlet.  Il-libertà tal-moviment li lkoll għandna qegħdin nagħrfu li huwa għaqli li nissagrifikawha.  Għaqli li noħorġu mill-inqas.  Għaqli, minkejja dak kollu li nistgħu nħossu f’qalbna, li ninqatgħu u ma niltaqgħux ma’ dawk li jum wara jum naraw.  Il-familja tagħna, f’dan il-ħin partikolari, qegħda tagħraf iktar kemm dak li qed jifridna fiżikament qiegħed iġibna iktar viċin f’qalbna.  Napprezzaw iktar lil xulxin.

 

Il-prijoritajiet tagħna

 

2.     Dak li huwa importanti u essenzjali fil-ħajja f’dawn il-ġimgħat inbidel ta’ taħt fuq.  Il-prijoritajiet tal-ġurnata huma kompletament differenti għal ħafna minna minn dak li kienu.  F’ħafna, qegħdin jirbħu lura l-kunċett tal-ħin, li fil-progress taċ-ċiviltà tagħna huwa l-ewwel li qed nissagrifikaw.  Qegħdin, naħseb, nifhmu iktar il-ħin ta’ ħajjitna, kif ukoll napprezzaw iktar il-ħin ta’ dawk li huma madwarna, tal-ġirien u kollegi tagħna.  Il-qalb ta’ xi wħud tmermret bil-fatt li r-ritmu mgħaġġel tagħna, b’attività umana li mhix dejjem ċara jew motivata, imma neċessarjament ripetuta.  Issa rridu, jew ma rridux, qegħdin napprezzaw u nħarsu ‘l quddiem biex infasslu aħjar.

 

Solidarjetà

 

3.     F’dawn il-jiem qegħdin, nittama, nieħdu lura l-kunċett ta’ solidarjetà li l-materjaliżmu ekonomiku liberali ċaħħadna minnu.  Il-ħsieb li m’aħniex waħedna, infendu għal rasna, qishom ma jeżistux l-oħrajn, kiber wisq.  Illum, meta naraw u nisimgħu kemm bnedmin qegħdin jissagrifikaw ħajjithom għalina.  Illum, meta iktar ġirien jippruvaw jieħdu ħsieb dawk ta’ ħdejhom.  Illum, meta qed naraw iktar persuni jassiguraw li tal-familja u l-ħbieb għandhom x’jieklu u l-mediċini varji tagħhom.  Ngħid li dan qiegħed jinbidel.  Hemm l-umiltà li ngħarfu li aħna bżonn xulxin, u li mhix dgħjufija li taħseb fl-oħrajn, taħdem għalihom u twettaq opri tas-sewwa, tal-karità.

 

L-imġieba korretta

 

4.     Diversi jafu li pajjiżna kien, għal sekli, dak li juri b’atti kontinwi u esterni, l-imħabba lejn dawk li m’għandhomx.  Il-qalb tagħna hemm hija.  Konna u għadna fil-periklu li nitilfuha, jekk wara din l-esperjenza ma nitgħallmux li rridu niġu iktar f’daqqa.  Il-kunċett tal-Istat tagħna, bażat fuq prinċipji ta’ ġustizzja soċjali kien qiegħed jiġi attakkat u mmermer, f’soċjetà li ridniha tiddikjara ruħha liberali.  Meta noħorġu minn dan kollu għandna nagħrfu li l-bżonnijiet fis-soċjetà ser jikbru.  Jekk ma nbiddlux il-mentalità żbaljata li kellna, immorru f’direzzjonijiet li m’għandniex.  Il-bniedem irid jagħraf li l-imġieba korretta tiegħu, l-irġulija tiegħu hija li jieqaf u jgħin lill-oħrajn.  Jgħinhom fid-dinjità li ħaqqhom, u fl-umiltà li jservihom.

 

Għandna responsabbiltà

 

5.     F’dan nagħrfu iktar li għandna responsabbiltà kollettiva.  Nagħrfu iktar li hemm il-kunċett tal-ġid komuni li għandna nħaddnu.  Nagħrfu iktar li l-azzjonijiet u l-għażliet individwali, għalkemm jistgħu jidhru maqtugħa huma, u ser ikollhom effett fuq l-oħrajn.  Nagħrfu iktar il-bżonn li l-metodi tagħna jkunu korretti, bħalma jkunu hekk l-għażliet tal-miri personali.  Azzjonijiet żbaljati ma jwasslu mkien.  Dawk tajba jrendu.  M’aħniex waħdena f’dawn il-jiem, u nittama li qed nifhmu iktar dan.  Dak li jsir, u sar minna individwalment, kellu impatt fuq is-saħħa tal-oħrajn.

 

Il-kuraġġ

 

6.     Meta tara dak li t-tobba, l-infermieri, spiżjara, dawk li qegħdin fuq quddiem f’dan qegħdin iwettqu għall-oħrajn f’dawn il-jiem, naħseb li għandna nimtlew b’kuraġġ.  Nimtlew bit-tama qawwija li ser noħorġu minnha wkoll.  Nimtlew b’iktar determinazzjoni li nirreżistu din il-marda.  Nimtlew bl-għarfien li l-bniedem għandu fih doni u talenti, sija biex jaddatta ruħu f’ċirkostanzi diffiċli, kif ukoll biex iħares lejn il-futur.  Irridu, għandna l-abbiltà, għandna dmir bħala Maltin, li naħdmu lejn ħajja aqwa milli kellna.  Naħdmu lejn soċjetà b’iktar rispett u solidarjetà bejnietna.

 

Messaġġ

 

7.     Fil-qari li għaddej bih, sibt dawn il-kelmiet ta’ John F. Kennedy, li naqbel magħhom u xtaqt naqsam magħkom: “Our problems are man-made, and therefore they can be solved by man.  Man’s reason and spirit have often solved the seemingly insolvable – and we believe that we can do it again.”  Filwaqt li nifhmu dan, ejja nagħrfu li fis-Solidarjetà hemm il-Kuraġġ tagħna.


No comments:

UNJONI EWROPEA U L-KUNSILL TAL-EWROPA - LAQGĦAT

22088. L-ONOR. CARMELO MIFSUD BONNICI   staqsa lill- Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ: Jista...