12.5.14

Umanitá u Ministeru.(wara l-mewt tal-Kappuċċin Patri William Axiaq)


 
1.         Nhar il-Ħadd li għadda xterdet l-aħbar li l-Kappuċċin Patri William Axiaq kien mar lura f’idejn Missierna.  Minnufih ġew quddiemi numru ta’ memorji mill-isbaħ li għandi ta’ dan il-bniedem umli li serva lill-proxxmu b’imħabba u dedikazzjoni.  Id-dinja fiha l-ikrah tagħha imma għandha wkoll l-aspett sabiħ, dak li jżommok għaddej anki meta tista’ tara li m’hemmx ħruġ mit-triq mudlama li tkun fiha.  Għal diversi persuni huwa serva bħala gwida, dawl, fejn il-pariri t-tajba ma jonqsux.  Kien dawl għal dawk fil-ħajja reliġjuża, kif ukoll għal dawk il-bnedmin l-oħra ta’ rieda tajba.

2.         Kellu kważi dejjem tbissima ħelwa u umli fuqu.  Rari ħafna kont tmur għandu u fil-pront ma kienx jilqgħek.  Dejjem miftuħ għall-ideat ġodda u preparat jiddiskuti kwalunkwe idea taħt il-kappa tax-xemx.  Kien bniedem li qara ħafna.  Niftakarni xi snin ilu nidħol fiċ-ċella tiegħu fil-kunvent ta’ Santa Liberata ġewwa l-Kalkara.  Kellu kwantità kbira ta’ kotba, kollha stivati b’ordni mill-iktar impressjonanti, wieħed wara l-ieħor, kollha wara xulxin.  Kien jemmen fl-ordni, fil-bżonn tal-perfezzjoni u dan kien jidher internament u esternament.

3.         Il-laqgħa fil-kunvent ma kinitx l-unika għax meta kien ikolli l-opportunità, u hu wkoll da parti tiegħu, kont insibni nitkellem miegħu fuq diversi punti ta’ interess intellettwali u reliġjuż.  Moħħ mill-iktar ċar, fin, u li jifhem mill-ewwel dak li tkun qiegħed tgħid u jgħinek tasal waħdek għal konklużjoni.  Niftakru meta jum minnhom kont onorat bil-preżenza tiegħu f’darna.  Kont għadni ma dħaltx fil-kamp politiku u kelli ftit iktar ħin għad-dispożizzjoni tiegħi.  Intlifna niddiskutu artikolu li kien kiteb fir-rivista pastorali “Pastor” li deher fil-ħarġa ta’ Novembru 1978 bl-isem “Umanità u Ministeru” u mingħajr ma ridna bdejna nqabblu l-ħidma reliġjuża ma’ dik politika.  Hu kien kiteb diversi artikoli tajba, però fuq dan bqajt norbot lili nnifsi fil-ħidma li dħalt għaliha aktar tard, speċjalment f’dak li kien qiegħed jara li għandhom ikunu l-kwalitajiet tas-saċerdot.

4.         Dwar il-bniedem għas-servizz totali ta’ l-umanità, is-saċerdot, huwa u jiċċita lill-Papa Piju XII kien kiteb hekk: “Il-perfezzjoni tas-saċerdot mhix ħaġa li tmur għal rasha, imma hija kwistjoni li timxi wara u titqiegħed fuq il-perfezzjoni naturali u umana ta’ dak li jkun.  Ħadd ma jsir saċerdot perfett, qabel ma dan, b’xi mod ikun bniedem perfett ...  Dal-bżonn huwa, biex ngħid hekk, aċċettat mill-poplu Nisrani, li jixtieq jara fir-ragħaj tiegħu bniedem aħjar minn ħaddieħor f’dawk li huma doti u virtujiet anki naturali, “persuna 'l fuq minn ħaddieħor” f’dawk li huma kwalitajiet intellettwali u morali, jiġifieri kolt, intelliġenti, ekwilibrat fil-ġudizzju, żgur u kalm f’egħmilu, imparzjali u ordnat, ġeneruż u pront għall-maħfra, ħabib, tista’ tiftiehem miegħu u għadu tal-għażż, f’kelma waħda “il-bniedem perfett ta’ Alla”.  Kliem li ma jieqfux jgħallmu fir-rilevanza ta’ ħidmet is-saċerdozju f’dawn iż-żminijiet li qed ngħixu.

5.         Fil-fatt, l-artikoli tiegħu kienu dejjem miktuba tajjeb.  Idum jaħseb qabel iqiegħed il-ħsieb fuq il-karta u kull darba wieħed ikun jista’ jsegwi l-loġika, l-prinċipji, l-valuri u l-konsistenza tiegħu.  Kien wieħed minn dawk l-intellettwali ta’ pajjiżna li bil-qari li kien kontinwament jagħmel kien kapaċi jikkontribwixxi wara li jgħarbel tajjeb.  Niftakar diskussjoni miegħu dwar Don Primo Mazzolari, saċerdot Taljan li kont skoprejt mill-kotba li kienu jiġu pubblikati miċ-Cinque Lune li dak iż-żmien kienet tistampa għad-Demokrazia Cristiana mentri hu kien qara direttament mill-pubblikazzjonijiet li għamel Mazzolari nnifsu.  Kien silifni żewġ kotba tiegħu, qrajthom u fil-pront tajthomlu lura.  Il-kotba għalih kienu ċwievet li bihom jista’ jiġbor u jagħti kliem ta’ għajnuna

6.         Illum nifhem kemm hu ta’ sehemu lix-xenarju reliġjuż, soċjali, kulturali u anki politiku ta’ pajjiżna.  Naħseb li kliemu jibqgħu tajba, mhux sempliċement fil-kuntest uniku ta’ żmienu imma applikabbli għal kull żmien.  Tajjeb jekk xi ħadd jaqbadhom u jiġborhom sabiex jiġu pubblikati għax fihom ħafna sens u sustanza.  Kotba li jistgħu jingħaqdu mad-diversi oħrajn li hu kien ippubblika.  Għandi numru minnhom li qegħdin fuq l-ixkafef ta’ dari u ma niddejjaqx narahom jiżdiedu b’kitbietu.


7.         Patri William Axiaq kien ukoll ċar ħafna waqt il-priedki tiegħu.  Dak li jaħseb kien iwasslu tajjeb mingħajr ebda forma ta’ retorika żejda jew ħsibijiet li ma jiftehmux.  Jekk għandu bżonn iwassal messaġġ kien jaf jagħmel dan u ma kienx hemm tlaqliq fih.  Ideat ċari li faċli jinftehmu u ma jkunx polemikużi, dritti għall-qalb u l-moħħ ta’ dawk li jkunu qed jisimugħ.  Niftakru jippriedka sija l-Kalkara, Għajn Dwieli kif ukoll Ħaż-Żabbar.  Proprju ta’ l-aħħar kienet viċin il-qalb tiegħu.  Irrakkonta u kiteb diversi artikoli fuq tfulitu u dak kollu li Ħaż-Żabbar u niesu kienu jirrappreżentaw għalih.  Ħsibijiet nobbli, mimlija b’umanità li ma hemmx dubju li kien iħoss ma’ kull karattru li kien jiddeskrivi, dan flimkien mal-imħabba partikolari għall-Madonna tal-Grazzja.

8.         Kien parti minn ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ Żabbarin li daħlu mal-Kapuċċini.  Niftakar qablu lil Patri Arkanġlu li tant tgħallimt mingħandu wkoll.  Bnedmin kuraġġużi u konvinti minn dak li jaħsbu u jgħidu.  Min ried parir kienu jagħtuhulu dritti dritti.  Patri William kien jaf sew u ser jibqa’ fil-memorja ta’ ħafna li rabtu partijiet minn ħajtu miegħu, jien inkluż.  Niftakar b’mod iktar dirett meta darba mort għandu fis-sagristija ta’ Għajn Dwieli wara l-quddiesa tat-tmienja ta’ filgħodu u waqt li kont qed ngħidlu minn dak li kont għaddej qalli: “Il-jum li jieqfu jikkritikawk nieqaf nemmen fik.”  Qawwieli qalbi u bqajt naħseb fil-fond fuq dawn il-kliem.

9.         Kont naf li saħħtu ma tant kienet tajba għax l-aħħar li smajt il-quddies li kien iċċelebra l-Ewkaristija fiha qalli li ma kienx qed iħossu tajjeb u talabni nitlob għalih, bl-umiltà solita tiegħu.  Biss nammetti li ma kontx indunajt li kien qiegħed daqshekk ħażin.  Jiddispjaċini ferm li ma kellix l-opportunità nerġa’ narah għax f’dak il-jum konna tkellimna li għandi nistiednu d-dar sabiex nerġa’ ngawdi l-kumpannija tiegħu.  Biss ma kellux ikun, isejjaħ għal ħajja aħjar.  Reġa’ ssejjaħ lura fi ħdan il-Missier Etern.  Ser nitilfuh żgur fix-xenarju tagħna.  M’għandix dubju li ħalla warajh wirt imprezzabbli, sija fil-komunità Franġiskana kif ukoll għalina lkoll.  Kien bniedem mimli umanità li għex il-ministeru tiegħu sal-aħħar fil-perfezzjoni.


 Dan l-artikolu kien deher fil-harga tal-Illum tal-14 ta Mejju 2010.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...