12.5.14

Il-President tagħna.



1.         Ħadt pjaċir din il-ġimgħa nara lill-President tar-Repubblika lura għax-xogħol.  Meta mar iċ-Ċina u weġġa’, ħafna bħali ħassew li l-inċident kien mess lilhom.  Kien qisu laqat bniedem tal-familja tagħhom.  Nammetti li din l-aħbar bidlitli sew l-umur għax ċert li kien iktar milli preparat u onorat li jkun hemm għalina lkoll, u dan l-inċident żammu minflok f’sodda fi sptar 'il bgħid minn xtutna.

2.         Għalhekk, wara li rajnieh jinġieb lura bi vjaġġ xejn faċli u bi tbatija kbira, kien ta’ pjaċir tarah lura fuq saqajh għaddej bl-attivitajiet uffiċjali.  L-Uffiċċju tal-President jista’ jidher minn barra li mhuwiex importanti, jew mhuwiex impenjattiv, imma fir-realtà hu.  Il-laqgħat varji, il-vjaġġi, il-viżti, l-impenji uffiċjali mhumiex ċajta.  Il-President irid ikun hemm, preparat għal dak li jista’ jinqala’, aġġornat fuq dak li qed jiġri u dejjem għad-dispożizzjoni bħala difensur tal-Kostituzzjoni u rappreżentant tagħna.  Ħidma verament ta’ mpenn kbir.

3.         Il-President George Abela f’din is-sena li ilu fil-kariga diġà rnexxielu jafferma ruħu fix-xenarju Malti.  Aċċettat minn kulħadd u apprezzat, sija f’għemilu kif ukoll f’diskorsu.  Dan huwa mertu tiegħu kompletament, meta wieħed iqis li kellu d-diffikultà inizjali li jidħol f’siġġu fejn ta’ qablu kienu kollha ġejjin mill-Kamra tad-Deputati.  Daħal kjarament bi żvantaġġi proprju għax il-preżenza fix-xenarju tal-konfront politiku attiv jagħtik l-aspetti kollha tal-karattri li jidhru, li wara jrid jaffronta fil-ħidma ta’ kuljum sija fil-kalma, kif ukoll fit-tempesti.

4.         Tul dan iż-żmien qasir irnexxielu jiltaqa’ ma’ diversi sezzjonijiet tas-soċjetà tagħna u llum għandu polz dirett ta’ dak li aħna u dak li qed niċċaqilqu fih.  Din is-soċjetà qegħda fi trasformazzjoni.  Għaddejja minn fażi għall-oħra, tinbidel soċjalment u ekonomikament mingħajr ma titlef il-valuri nsara tagħha.  Il-Presidenza tiegħu diġà rreġistrat is-suċċess tal-viżta tal-Papa Benedittu XVI f’pajjiżna.  Viżta li kien hu li bdieha bl-ewwel stedina li għamel.

5.         Il-preżenza tal-Papa kienet u għadha apprezzata, bħal ma huma d-diskorsi li saru.  Il-kliem tal-Presidenza kienu diretti u għamlu ċar dak li s-soċjetà tagħna qegħda titlob u hija.  Dan stajt nerġa’ naqrah meta din il-ġimgħa ġie f’idejja l-ktieb li għadu kif ġie pubblikat sabiex jikkommemora dawk il-jiem bit-titolu “Benedittu XVI f’Malta”.  Ktieb mill-isbaħ li sar taħt il-kura tas-Sur Charles Magro M.O.M., B.A.  Hemm wera biċ-ċar fejn l-ideat tiegħu qegħdin u x’qiegħed jara bħala dak li rridu, għada pitgħada, naffrontaw.


6.         Il-President dieħel lura għax-xogħol wara l-waqa’ serja li kellu.  Nawguralu mill-qalb.  Nawguralu l-ħidma t-tajba li għaddej fiha.  Il-pajjiż iħares 'il quddiem għaż-żminijiet li ġejjin, bl-istituzzjonijiet demokratiċi tiegħu.  Il-valuri li huwa jirrappreżenta u li jidħlu l-ħin kollu f’diskorsu jimmeritaw attenzjoni.  Dan il-poplu huwa liberu, sovran u l-Istat Repubblikan tiegħu jesiġi li jkollu dak is-siġġu okkupat tajjeb minn persuni bilanċjati, bis-sens u li kapaċi jifhmu dak li l-poplu jkun għaddej minnu, u dan f’President li huwa tagħna lkoll, kif inhuwa George Abela.

Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Mument tal-11 ta Gunju 2010.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...