18.5.14

Poter u arroganza.



1.      Il-pajjiż qiegħed ma’ kull ġurnata jħoss li l-livell ta’ dak li fil-politika nsejħu “arroganza” qiegħed jiżdied.  Sfortunatament għad hawn wisq persuni li jaħsbu li l-poter, biex tkun denju tiegħu trid teżerċitah bis-saħħa.  Trid tużah kontra l-liġi u kontra r-rieda ta’ ħaddieħor.  Għad hawn min għadu ma fehemx li l-poter demokratiku m’għandu xejn minn dak dittatorjali.  Li anzi, l-ispirtu u l-bidliet fundamentali li jiġu ma’ kull demokrazija huma proprju li l-poter jiġi amministrat f’isem ħaddieħor.  Jiġi amministrat mhux biex wieħed jivvantaġġja ftit kontra ħafna, imma sabiex kull persuna, hi min hi, għandha liem opinjoni politika għandha, tibbenefika.

2.      Dan il-Gvern għandu ħafna elementi prinċipali fi ħdanu li m’għarfux li l-poter huwa demokratiku.  F’din il-ġimgħa stajna naraw b’mod iktar qawwi kemm il-poter tela’ għal ras diversi ministri, sfortunatament ukoll anke għal dik tal-ewwel fost il-ministri.  Id-dikors li qed jingħad telaq sabiex mill-ewwel jibda billi jissagrifika l-bżonn assolut li tingħad il-verità.  Fid-dittaturi nafu li l-ewwel valur li jsofri l-iktar huwa proprju dan.  Il-mexxejja ta’ dawn ir-reġimi jibdew ma jgħidux il-verità u jibdew jivvintaw dak li m’huwiex minnu.  Jivvintaw dak li m’huwiex u jibdew wara jesiġu mill-poplu li dak li qed jgħidu jibda jgħidu l-pajjiż kollu.

3.      Il-verità bdiet ħierġa barra mit-tieqa fuq żewġ kunsiderazzjonijiet.  L-ewwel, billi tingħad il-kontra; it-tieni billi ma tingħadx.  Is-soċjetà demokratika, Ewropea u progressiva tagħna tista’ tavvanza jekk kemm-il darba jkun hemm il-pedament tal-fatti. Iż-żminijiet taħt l-aħħar ħamsa u għoxrin sena tal-Partit Nazzjonalista biddlu r-regoli.  Illum il-politiku m’għandu ebda liċenzja li jigdeb jew li jaħbi l-affarijiet.  La darba għandu f’idejh ir-responsabbiltà tal-poter, allura bilfors irid iżomm ruħu magħha.  Jekk le, jiftaħ it-triq tat-tmiem tiegħu u tal-avvanzi soċjo-politiċi tal-pajjiż.

4.      Ngħid iktar dan għax fil-Parlament tul din il-ġimgħa rajna direttament l-effett tal-maġġoranza tant qawwija li għandu l-Gvern fuq l-Oppożizzjoni u l-verità.  Huwa minnu li l-Gvern għandu ħafna voti warajh u għandu maġġoranza kbira ta’ siġġijiet, però dan ma jagħti qatt liċenzja sabiex tikber ras in-nies u tikber l-arroganza.  Iktar poter jitlob iktar umiltà u trasparenza.  Però f’dawn il-ġimgħat qed naraw minflok li l-ministri varji qegħdin jaħirbu mid-domandi sempliċi, imma diretti, tal-Oppożizzjoni.  Il-kwantità ta’ domandi parlamentari li ma ġewx imwieġba jew imwieġba ħażin kienet verament qawwija u fuq kollox.  Il-Gvern qiegħed issa jaħrab u jiċħad il-verità flok jiffaċċja.  Jaf li jekk iwieġeb għad-domandi tagħna, allura jaf li jkun qed jammetti li żbalja.

5.      Ħadet l-iktar importanza domanda parlamentari li saret l-Erbgħa dwar kuntratti varji li l-Gvern iffirma.  L-ewwel, dak mal-provvista tal-gass u l-oħra ma’ dik tal-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza.  Huwa mill-iktar ċar li hemm xi punti, hemm partijiet mill-istess kuntratti li l-Gvern ma jridx jiftaħ għajnejn il-poplu dwarhom.  B’aġir politiku mill-iktar arroganti, il-pajjż qiegħed jara li lil dawk li għandhom il-poter f’idejhom qed jaħirbu mill-verità.  Qed  jaħirbu mill-verità li għada pitgħada il-pajjiż ser isir jaf dak li huma qed jaħbu għax mhux ser jibqa’ jkollna l-istess gvern għal dejjem.  Però bħalissa, għax ġejja l-elezzjoni Ewropea li għandha ċerta importanza, kull min qiegħed fil-poter irid jaħbi l-verità.


6.      Sibt ieħor nivvutaw.  Għandna l-opportunità li nibgħatu messaġġ kontra dan l-aġir żbaljat.  Għandna d-dritt li nibgħatu l-messaġġ li rridu Gvern li jgħid il-verità: wieħed li ma jkomplix ikun arroganti.  Kollox jiddependi minna.  Nagħmlu użu tajjeb minn dan il-poter bil-vot tagħna sabiex il-Gvern jifhem li jrid jibdel triqtu.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...