27.5.14

Paraloġiżmi u soffiżmi.



1.         Mhux ser inlissen xejn ġdid minn dak li diġà tafu.  Id-dinja ilha tara quddiem għajnejha argumenti foloz jitressqu għall-konsiderazzjoni tagħha.  Dawn daqqa jsiru b’sentiment tajjeb f’dak li nsejħu “buona fede”, bażati fuq żbalji ġenwini u daqqa jsiru “in mala fede” apposta biex jidħku bin-nies.  Din il-ġenerazzjoni, bħal diversi oħrajn ta’ qabilha trix tifred dak li jingħadilha.  Triq tagħżel bejn l-argumenti t-tajba u dawk foloz u wara trid terġa’ tqis jekk il-foloz sarux f’sentiment tajjeb jew b’wieħed malizzjuż.

2.         Fil-politika, min għandu sehem attiv irid jagħti każ ta’ dan kollu.  Numru ta’ drabi, anzi kważi dejjem, isib ruħu suġġett passiv jew attiv ta’ din il-parti importanti fl-iżvilupp sħiħ tal-proċess uman ta’ kif jitmexxa u jiġi amministrat il-ġid komuni.  Suġġett tali għax fuq naħa jista’ jkun huwa l-promotur ta’ falsitajiet u fuq in-naħa l-oħra jkun dak li jrid jirreaġixxi, ma jaċċettax, anzi li jikkumbatti bħala s-suġġett passiv tal-azzjoni ta’ terzi, magħrufa jew mhux magħrufa.

3.         San Tumas D’Aquino, dak il-qaddis, ġenju u filosfu fil-ktejjeb tiegħu “De Fallaciis” għandu x’jgħallem.  Proprju dak li jiġri ma’ kull ġurnata, ta’ dawk li bil-paraloġiżmi, bla ma jafu li qed jiżbaljaw fl-argumenti tagħhom, iressqu ideat kontra dak li jirrappreżenta il-Partit Nazzjonalista.  Fir-realtà, numru ta’ drabi dan isir, dawn l-iżbalji jsiru proprju minħabba l-preġudizzji li jkun hemm fl-arja jew le, u dan fuq propaganda bażata u mxettla fuq slogans mirquma imma żbaljati.  Nintwerew il-kontra ta’ dak li aħna.

4.         Hemm wisq drabi meta l-partit u l-bnedmin li jiffurmawh isibu ruħhom imqisha, imkejla u kkundannati mhux fuq dak li attwalment huma, iżda fuq dak li ħaddieħor għandu f’rasu li aħna lkoll aħna.  Dak li fir-realtà jkun konsegwenza ta’ dak li ġie miżrugħ f’moħħu żbaljatament jew “in buona fede” jew “in mala fede” jew bi paraloġiżmi jew soffiżmi.  Ta’ dawk li ssibhom ma’ wiċċek, fuq il-mobile, mal-internet li huma parti mill-partit tal-kuntrarju, fejn tgħid x’tgħid jaqbżu jiċħdu.  Tipprova tirraġuna, tiddjaloga, imma meta tkellimhom jaħsbu biss kif ser jikkontradixxuk, iwaqqgħuk għaċ-ċajt u jkomplu jgħidulek “le”.  Dan għax għandhom diġà f’rashom dak li suppost int u ma jridux ikunu miftuħa għal ebda forma ta’ djalogu u konvinzjoni.

5.         Hemm verament din id-diffikultà ta’ immaġini ta’ partit bħal tagħna li tiġi ripetutament impittra, impinġija f’termini koroh u peġġjorattivi, mentri mhux.  Niskanta kif niġu klassifikati bħala konservattivi, li m’aħniex għax fir-realtà ma nibdlux il-valuri nsara tagħna, jew li aħna anzjani, antikwati, nieqsa miż-żogħżija mentri aħna m’aħniex hekk.  Anki fuq l-għaqal tagħna, niġu kkundannati għax ma naqbżux naqtgħu ras dak u l-ieħor fuq l-impressjonijiet jew l-immaġini ta’ dak li rridu nagħtu.  Nagħmlu l-ġudizzji fuq il-prinċipji mhux fuq dak li naħsbu li jaqblilna. Il-Partit Nazzjonalista jista’ jidher miexi b’ritmu li lil xi wħud idejjaqhom, mentri fil-fatt qegħdin nimxu sabiex inwettqu dak li hemm bżonn b’attenzjoni u direzzjoni mingħajr ma jiġru jikkundannawna.


6.         Kull ministeru huwa miżgħud b’inizjattivi, liġijiet, proġetti u programmi li mhumiex jingħadu fl-arja, imma qed jitwettqu.  Partit li jimxi 'l quddiem, li għandu għal qalbu l-progress tal-poplu jimxi b’kawtela u mhux bħal qattusa għaġġelija.  Dan aħna nagħmluh u nippruvaw li bil-limitazzjonijiet umani, amministrattivi u finanzjarji nersqu 'l quddiem.  Il-ħidma tagħna tibqa’ mmirata biex inġibu iktar ġustizzja soċjali, iktar passi li jgħinu lill-bniedem mingħajr ma jkasbruh.  Però biex dan isir irridu nibqgħu ffukati u bilanċjati – fuq naħa naħdmu u fuq l-oħra ninfurmaw u nikkomunikaw.  Dan il-proċess juri dak li verament aħna u mhux dak li ħaddieħor iridna nidhru, għall-konvenjenza tiegħu, li aħna.

Dan l-artikolu deher fil-harga tal-Mument tal-20 ta Gunju 2010.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...