21.5.14

Il-bini l-ġdid tal-MCAST: wirt tal-Partit Nazzjonalista għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.



Il-Partit Nazzjonalista jawgura lill-amministrazzjoni u ’l-istudenti kollha tal-MCAST fl-okkażjoni tal-ftuħ uffiċjali tal-bini l-ġdid li se jilqa’ fi ħdanu l-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ tal-MCAST. Dan il-bini jifforma parti mill-proġett estensiv tal-bini tal-Kampus il-ġdid tal-MCAST, proġett li nħoloq minn Gvern Nazzjonalista u li qiegħed isir b’investiment globali ta’ €120 miljun.  

Dan il-proġett hu l-aqwa rigal li l-Partit Nazzjonalista qatt seta’ jagħti lil uliedna: iċ-ċavetta biex ikunu wliedna stess li jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom bil-ħiliet tagħhom stess. L-edukazzjoni u t-taħriġ huma l-aqwa investiment fi wliedna. L-aqwa servizzi ta’ edukazzjoni u taħriġ huma fihom infushom għodda li jattiraw l-investiment f’pajjiżna. Permezz tal-MCAST u l-istituzzjonijiet kollha edukattivi ta’ pajjiżna, għexieren ta’ eluf ta’ żgħażagħ sabu posthom fid-dinja tax-xogħol u qed jagħmlu xogħol li jagħtihom sodisfazzjon u jiżgura li jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

X’differenza: f’din il-kampanja elettorali l-Partit Laburista mela l-Kampus tal-MCAST b’posters u flyers ta’ propaganda iżda l-uniku investiment tanġibbli li ngħata lill-istudenti kien il-brainchild tal-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.

Minn mindu fetaħ il-bibien tiegħu fl-2001, l-MCAST kiber minn istituzzjoni li tilqa’ fiha 1,500 student u studenta għal 6,400 student u studenta full-time din is-sena. L-MCAST illum joffri 170 kors full-time kif ukoll programmi edukattivi li jwasslu għal degree lil madwar 300 student. Mingħajr dubju, l-aqwa karatteristika tal-MCAST hija r-rabta intima li għandu l-Kulleġġ mal-industrija, u l-kapaċità li studenti gradwati minnu jintegraw ruħhom malajr mill-faċilitajiet tat-taħriġ għad-dinja tax-xogħol fl-oqsma kollha li jagħti taħriġ fihom, inkluż l-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija tal-informazzjoni, l-istudji marittimi, l-agrikultura, l-arti u l-kreattività, il-kummerċ u l-finanzi, il-bini u l-kostruzzjoni, u s-servizzi fil-komunità.

Il-Partit Nazzjonalista mill-Oppożizzjoni se jkompli jagħti l-appoġġ tiegħu biex ikomplu jiżdiedu l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Is-settur tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jkompli jiġi aġġornat maż-żminijiet bil-għan li jkun hemm integrazzjoni sħiħa bejn id-direzzjoni ekonomika li wieħed jistenna li għandu jagħti l-Gvern u l-korsijiet meħtieġa biex ikun hemm il-ħaddiema mħarrġa għal dawn is-setturi ġodda.

Il-mira tal-Partit Nazzjonalista tibqa’ li kull żagħżugħ u żagħżugħa jkollhom kull opportunità li jiżviluppaw il-ħiliet u t-talenti tagħhom sal-aqwa livell possibbli għalihom.

Il-Partit Nazzjonalista jesprimi l-apprezzament tiegħu għall-ħidma li wettqu l-ħaddiema fuq il-bini tal-Istitut tan-Negozju u l-Kummerċ tal-MCAST u jawgura lill-amministrazzjoni, għalliema u l-istaff kollu tal-MCAST biex ikomplu jużaw l-għodda u l-faċilitajiet li għandhom f’idejhom sabiex iħarrġu l-ħaddiema u l-imprendituri ta’ għada.

--
Uffiċċju Informazzjoni

Partit Nazzjonalista

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...