2.5.14

Riskji u prudenza.



1.         Id-dinja timxi 'l quddiem numru ta’ drabi bl-għażla t-tajba, bejn il-bilanċ neċessarju li jitwieled minn dak li r-riskju u l-prudenza jitolbu.  Is-settur kummerċjali, imprenditorjali jaf ferm iktar fuq dan għax jaf li  min jieħu d-deċiżjonijiet it-tajba fl-aħħar mill-aħħar jispiċċa jafferma ruħu.  Jispiċċa wkoll fil-mira tas-suċċess, tal-għira min-naħa l-oħra però finalment jispiċċa jistabbilixxi linja ta’ gwida għal min irid jirnexxi.  Jirnexxi għalih innifsu, għall-vanaglorja personali nkella sabiex ikun ta’ ġid għall-proxxmu.  Is-settur tal-kummerċ fih l-elementi partikolari tiegħu, però m’huwiex possibbli, anzi żbaljat għal kollox li dak li hu tajjeb għan-negozju jiġi riprodott f’setturi oħra, fosthom dawk soċjali, politiċi jew reliġjużi.

2.         Id-dinja tagħna tittrasporta malajr min-naħa għall-oħra tal-globu dak li jidher bħala suċċess mingħajr ma ssir analiżi fil-fond ta’ dak li jkun qed jiġi dikjarat.  Il-medja, li aktar minn qatt qabel qegħda tinbidel minn strument ta’ informazzjoni, saret parti minn organizzazzjoni kummerċjali komplikatissima.  Min għandu f’idejh il-mezzi tax-xandir, min huwa l-proprjetarju jew għandu sehem fihom iħares l-interessi tiegħu billi fuq naħa jilmenta dwar dak li jista’ jnaqqaslu mill-ġid ekonomiku u fuq in-naħa l-oħra jżid fit-tifħir tal-abbiltà sħiħa tal-kummerċ tiegħu.  Il-valur oriġinali tal-gazzetti u tal-mezzi l-oħra qiegħed, matul dawn is-snin, jintilef u jiġi sagrifikat. Pass li miegħu qiegħed iġib reazzjonijiet soċjali u umani li mhux qed nanalizzaw biżżejjed.

3.         Il-ġenerazzjoni ta’ dawk bħali li għandhom arloġġ intern li f’ħin partikolari jixgħelu l-mezzi tat-televiżjoni qed tintilef.  Aktar ma jgħaddi żmien aktar għandek persuni li jaraw l-aħbarijiet li jridu huma minn fuq il-vantaġġi kollha tal-internet, mingħajr ma għandhom limitazzjonijiet ta’ ħin.  Il-forma  li għadna għaddejjin minnha b’mezzi li jridu jpinġu kollox mod jew ieħor, li jmeru l-fatti u l-verità ser iwassal għal iktar ġenerazzjonijiet maqtugħa u distakkati minn dak li inhuwa għaddej. Protesta kontra l-gidba, waħda kontra t-tgħawwiġ tal-fatti, il-poplu qed jibda jirribella kontra din l-manipulazzjoni..  Jaffermaw iktar il-bgħid tagħhom minn parteċipazzjoni attiva fid-demokrazija tagħna.  Inaqqsu aktar ir-rapport bejn min imexxi u min jivvota għat-tmexxija proprju għax qed nispiċċaw niġu identifikati bħala parti minn din il-ħidma żbaljata.

4.         It-teknoloġija għalhekk tidher li għandha l-iżvantaġġ li qegħda telimina barra, tnaqqas u ċċekken id-dimensjoni soċjali u interattiva.  Jidher li l-bniedem qiegħed jafferma dimensjoni ta’ indipendenza ġdida, differenti minn dak li rajna qabel sabiex jibqa’ jżomm l-ispirtu liberu tal-verità u mhux tal-gidba.  Dan jimmerita aktar spazju liberu minn dak li ġej minn qabel.  Distinzjoni ta’ attitudni lejn il-ħajja politika, pubblika, li trid, turi lilha nnifisha iktar bħala mekkaniżmu ta’ difiża minn waħda pro-attiva jew reazzjonarja.  Hemm issa ġenerazzjoni li qegħda tiddistakka ruħha f’dinja oħra, f’waħda li m’għadhiex tappartjeni. Waħda li trid tibdel mingħajr ma tibdilha hi, li tridha tinbidel waħedha.

5.         Ir-riskju ta’ kull min jgħix fil-ħajja huma hemm, ma jinbidlux, hija x’inhija l-pożizzjoni, però qishom jiżdiedu f’dan ix-xenarju ġdid li qiegħed jiżviluppa quddiemna.  Forsi wasal iktar iż-żmien li nanalizzaw dak li sejrin għalih, x’soċjetà ser tkun qegħda tiffunzjona fuq dawn il-Gżejjer jiddependi minna.  Kemm aħna preparati sabiex inħarsu ‘l quddiem u kemm aħna qed nippreparaw lil ta’ warajna għad-dinja li ġejja.  Il-prudenza fejn qegħda teħodna, jew għax hemm din l-indifferenza, jew l-inabilità dikjarata li naffrontaw tajjeb dan kollu, x’riskji deħlin għalihom ta’ warajna. F’mumenti ngħid sejrin lejn rivoluzzjoni kontra l-manipulazzjonijiet li nbdew mal-Pravda.

6.         Hemm bżonn issir analiżi tajba, però kemm aħna lesti jew preparati hija fid-dubju.  Dubju għax drajna wisq f’atmosfera fejn ir-responsabbiltà personali hija maqtugħa mill-impatt tagħha tas-soċjetà kollha.  Daħlet wisq magħna ċerta indifferenza bażata fuq kunċett aridu ta’ tolleranza, f’dak li ser ikun għada pitgħada l-effett negattiv ta’ aġir mhux sempliċement anti-soċjali, imma bażat fuq l-egoiżmu materjali.  Hemm kultura li ġejja li qed tipprova ssir prevalenti fejn l-altruwiżmu jinqatel.  Uħud jistgħu jsejħulha “sotto-kultura”, però din hija movement ta’ ħsieb li huwa distakkat mill-passat u fl-istess ħin magħġun fiċ-ċirkostanzi speċjali li t-teknoloġija moderna qegħda tagħti. Forsi qed ninterpretaw ħażin l-affarijiet f’kunċetti antiki u m’aħniex nifhmu li hemm protesta silenzjuża.

7.         Il-ħajja tagħna llum u għada trid tiġi bbażata fuq prinċipji etiċi li t-trapass taż-żmien rendihom mezzi, strumenti, pedamenti li wasslu għall-bini tas-soċjetà demokratika, għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.  Biss, biex tasal hemm irid isir mill-bidu, kważi mill-ġdid, il-proċess ta’ persważjoni, awto-kritika u rivalutazzjoni interna.  Dan it-trapass ta’ ideat irid isir sabiex nittrażmettu dak li għandna għal ta’ warajna.  Wisq ġenerazzjonijiet ġew esposti għal ideat żbaljati u negattivi li wassluhom sabiex jiddubitaw minn dak li għandna. Dan ġej kollu minn użu żbaljat ta’ mezzi ta’ informazzjoni, edukazzjoni u verità. Hemm riskji li sejrin għalihom, però hemm il-bżonn li bil-prudenza ngħarfu lura dak li għandna.


Danl-artikolu kien deher fl-Illum fil-25 ta April 2010.

No comments:

MEXXEJJA PARTIKOLARI

1. Bħalissa, parti sew mid-dinja qed tħares b’attenzjoni lejn dak li hu għaddej ġewwa s-Sirja. L-eventi li rajna jseħħu bidlu ta’ taħt...